Din hija silta mid-daħla tiegħi għall-ktieb il-ġdid tal-poeżiji ta’ Mario Cardona, Allat tal-Landa, pubblikazzjoni ta’ Horizons u disinn tal-qoxra ta’ Pawlu Mizzi. Id-daħla jisimha “Il-Poeżija tal-Protagonisti Insinifikanti.”
Fil-kultura poetika, pożizzjoni ta’ dissidenza tfisser li l-poeti mhux lesti jaċċettaw il-lingwaġġ dominanti u l-ewfemiżmi sempliċiment għax huma stabbiliti. Fil-poeżija dissidenti, jgħid John Burnside, hemm “A suspicion of the prescribed jargon and euphemisms; a disdain for the rhetoric of PR and advertising and a determined attempt to replace it with a new form of prayer: celebration of the dailiness of life, respect for other lives and unsentimental wonder.” Poeta bħal Mario Cardona jattakka bla ħniena r-retorika vojta tal-marketing u l-kampanji ta’ promozzjoni u minflokha jiċċelebra l-kwotidjanità tal-ħajja, anki dik tal-innijiet pikużi li jqanqlu lill-partitarji. U waqt li juri rispett lejn il-ħlejjaq u lejn il-ħolqien, jissaħħar bl-għeġubijiet iż-żgħar u l-kbar mhux b’mod formulajku u sentimentalista imma b’interess ġenwin. Hija dissidenza li la taċċetta kmandamenti politiċi u lanqas kulturali u estetiċi. Għal Burnside, din il-funzjoni ta’ dissidenza, fis-sens wiesa’ tal-kelma, minn dejjem kienet privileġġ tal-poeti.
Bħala poeta, Cardona dejjem iħares lejn l-affarijiet minn angoli differenti minn dawk tal-poeżija kolta stabbilita. Iħares mill-pjazza tal-każin, mill-forn tal-ħobż, mill-għatba tal-għorfa tar-razzett, mill-kċina tan-nanna Kelina. U minkejja l-preokkupazzjoni tiegħu bil-kuntratturi li jridu jibilgħu kullimkien, għajnejh jibqgħu mixħutin fuq il-ġrajjiet il-kbar tal-ħajja. Hemm il-ġrajjiet li jseħħu quddiem għajnejh, bħal meta persuna li jħobb tmut; u dawk li jseħħu ’l bogħod mill-għajn, fl-abbissi mistura u misterjużi tal-univers. Fiċ-ċentru ta’ dak l-univers poetiku hemm, fl-aħħar mill-aħħar, kull waħda u wieħed minna bil-ġrajjiet il-kbar u ż-żgħar tagħna, u l-ħolqien ta’ madwarna. Gozz protagonisti insinifikanti.