Il-Limerikki ta’ Guido Lanfranco

Nhar il-Ħamis 6 ta’ Ottubru 2022, fis-6.00pm, fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, se jsir seminar bl-isem ta’ “Jien Kurjuż fuq Kollox. Il-Kelma ta’ Guido Lanfranco.” Din l-attività hija miftuħa għal kulħadd.

Dawk li ma jistgħux ikunu magħna fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti jistgħu jsegwu s-seminar fuq Zoom u fuq Facebook.

https://fb.me/e/66pTg0cSz

Is-seminar se jiddiskuti aspetti differenti tal-ħidma bla heda ta’ Guido Lanfranco fil-qasam tat-tradizzjoni orali. Lanfranco twieled fit-18 ta’ Ottubru 1930 u ħalliena bħal daż-żmien sena, fit-8 ta’ Settembru 2021.

Il-kelliema se jkunu Prof. Sandro Lanfranco, Prof. Mark Anthony Falzon, Michael Deguara, Prof. Adrian Grima, Rita Saliba, Kenneth Cassar, u Yanika Schembri Fava. L-intervent ta’ Adrian Grima se jkun fuq “Il-limerikki ta’ Guido Lanfranco, jew l-ironija u l-umoriżmu tal-ħajja.”

Filwaqt li l-limerikk qajla nistgħu ngħidu li hu parti minn tradizzjoni orali Maltija li tmur lura mijiet ta’ snin, Guido Lanfranco jinqeda bih biex jikkummenta fuq aspetti tal-ħajja Maltija ta’ kuljum. Il-mitejn limerikk fil-ktieb Ċajt bil-Limerikki (2008) huma xhieda tal-osservazzjoni attenta tiegħu tan-nies u s-sitwazzjonijiet li jsibu ruħhom fihom. Dawn il-limerikki juru l-ħakma tiegħu tal-lingwa, il-ħila li jiġbor f’ħames versi marsusin u fi skema riġida ta’ rima l-isfumaturi tal-karattri u tal-ġrajjiet li jgħaddu minnhom. F’dawn it-taqbiliet hemm il-Guido Lanfranco li nafu, osservatur li jinnota, jiftakar u jiddokumenta l-istejjer li jidhru li mhumiex tiegħu. Hemm il-Guido Lanfranco li jħobb “l-ironija u l-umoriżmu tal-ħajja,” imma hemm ukoll il-kreatur li minn kelma, minn ritratt, joħloq storja.

adrian grima

Waqt is-seminar “Jien Kurjuż fuq Kollox. Il-Kelma ta’ Guido Lanfranco,” żewġ kotba riċenti marbutin ma’ Guido Lanfranco u r-riċerka tiegħu se jkunu għall-bejgħ bi prezz speċjali. Il-Ħarira Kaħla: l-awtobijografija ta’ Guido Lanfranco (2022) se jinbiegħ bil-prezz ta’ €38 minflok €45, waqt li The Examined Life – Writing in Honour of Guido Lanfranco, editjat mill-Prof. Mark-Anthony Falzon, se jinbiegħ bil-prezz ta’ €40 minflok €50.

Din se tkun l-ewwel attività ta’ din is-sena akkademika tal-proġett tad-Dipartiment tal-Malti fuq It-Tradizzjoni Orali, li qed jitmexxa bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u Klabb Kotba Maltin.


Il-Programm tas-Seminar

Aspetti tal-Ħidma ta’ Lanfranco fuq it-Tradizzjoni Orali

Prof. Sandro Lanfranco

Ix-xogħol ta Guido Lanfranco fuq it-tradizzjonijiet orali, beda sew fis-snin sebgħin. Kienet għadha kemm bdiet tmajna l-fażi ta’ ħajtu fejn kien jistudja l-ambjent naturali u kienet qiegħda tibda l-fażi ta’ studji dwar l-ambjent soċjali. Waqt li kien qiegħed jistudja l-pjanti, iltaqa’ ma’ bosta persuni li għaddewlu tagħrif li ma kienx jinstab fil-kotba. Din qanqlet kurżità li kienet ukoll frott in-nostalġija. Malajr induna li meta dawn in-nies, bosta minnhom anzjani, imutu, imut magħhom dan it-tagħrif u jintilef. Għalhekk, l-istudju tal-pjanti witta t-triq għall-istudju tal-mediċina popolari u minn hemm, ta’ aspetti oħrajn tal-folklor Malti. Dar nies kemm sab, kiteb, u ħafna drabi, pitter l-istejjer tagħhom biex dawn ma jintilfux. 

Guido Lanfranco u l-istorja naturali ta’ Malta

Prof. Mark Anthony Falzon

Wieħed mill-oqsma li Guido Lanfranco spikka fih hu dak tal-istudju tal-pjanti u l-annimali f’Malta. Ix-xogħlijiet tiegħu, li dejjem kienu bbażati fuq riċerka metikluża oriġinali u saru skont metodi xjentifiċi stabbiliti, taw kontribut kbir u dejjiemi. Fost l-oħrajn hemm il-kotba tiegħu fuq il-ħut, il-pjanti u l-mammiferi. Apparti dan ix-xoghol, Lanfranco kien ukoll pijunier f’dak li nistgħu nsejħulu moviment konservazzjonist, li eventwalment issarraf fl-għaqdiet ambjentali li nafu llum. Dan l-intervent se jiddiskuti dan l-aspett ta’ ħidmitu.     

Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin: Esperjenzi u Anedotti
Rita Saliba

Fil-kitbiet ta’ Guido Lanfranco wieħed ma jistax ma jinnotax is-sens qawwi ta’ osservazzjoni, ta’ xi ħadd li ma jħallix mument minn ħajja ta’ komunità għaddej mingħajr ma jitkixxef kif u għaliex, u minn fejn beda. Konxju li d-drawwiet ta’ poplu jinbidlu skont l-esiġenzi taż-żmien u kif, “riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa”, l-awtur ma jiqafx biss fuq l-imgħoddi iżda jara s-sens tat-tradizzjoni li baqgħet għaddejja. L-esperjenzi li ġabar Lanfranco ta’ nies li għexu ħajja aktar kajmana ġġegħelna nirriflettu fuq espressjonijiet idjomatiċi u qwiel li writna u li nużawhom biex nikkomunikaw bejnietna fil-ħajja ta’ kuljum. 

It-Teknika tar-Riċerka ta’ Lanfranco
Yanika Schembri Fava

Fil-konverżazzjonijiet tiegħu man-nies dwar it-tradizzjonijiet popolari, Guido Lanfranco, il-“kurjuż fuq kollox,” juri l-ħila tiegħu li jagħlef lill-informanti tiegħu sabiex jitkellmu imma mingħajr ma jinterrompihom. Dan l-intervent se jiffoka fuq it-teknika tar-riċerka li jħaddem Lanfranco fir-recordings tal-programmi tiegħu fuq Radju RTK dwar diversi oqsma mit-tradizzjoni orali fid-dawl tal-biblijografija tiegħu. 

Il-Mediċina Popolari

Michael Deguara

Fost il-ħafna oqsma li Guido Lanfranco kiteb dwarhom, kien hemm dak tal-mediċina popolari. Apparti r-riċerki tiegħu, għaraf ukoll juża l-mezzi tax-xandir b’mod innovattiv sabiex jiġbor tagħrif direttament mill-memorja tan-nies dwar il-metodi ta’ fejqan li kienu jintużaw f’Malta. Meta Lanfranco kiteb dwar dan il-qasam ma kienx qed jagħmel hekk b’nostalġija jew b’sentimentaliżmu. Spiss kien kritiku ta’ dawn il-metodi, speċjalment fil-każ ta’ dawk li llum nafu li ftit li xejn kellhom bażi xjentifika. Madankollu għaraf fihom ukoll parti essenzjali mit-tradizzjoni orali ta’ dawn il-gżejjer, kif ukoll xhieda ta’ kif il-bniedem dejjem fittex li jesperimenta u jinteraġixxi mal-ambjent ta’ madwaru.

Logħob bil-Kliem, Taqbil u Għajdut

Dr Michael Spagnol

Din it-taħdita tagħti ħjiel tas-sehem importanti li kellu Guido Lanfranco fil-ġbir ta’ versi li jsawru logħob lingwistiku inkella li huma parti minn logħob ta’ xorta oħra. B’mod partikolari nixtieq nuri l-enfasi li tinħass fil-kitbiet tiegħu fuq “it-tibdil kontinwu li jġib ħafna varjanti, ukoll b’taħlit bejniethom”. 

Il-Limerikki ta’ Guido Lanfranco, jew l-Ironija u l-Umoriżmu tal-Ħajja

Adrian Grima

Filwaqt li l-limerikk qajla nistgħu ngħidu li hu parti minn tradizzjoni orali Maltija li tmur lura mijiet ta’ snin, Guido Lanfranco jinqeda bih biex jikkummenta fuq aspetti tal-ħajja Maltija ta’ kuljum. Il-mitejn limerikk fil-ktieb Ċajt bil-Limerikki (2008) huma xhieda tal-osservazzjoni attenta tiegħu tan-nies u s-sitwazzjonijiet li jsibu ruħhom fihom. Dawn il-limerikki juru l-ħakma tiegħu tal-lingwa, il-ħila li jiġbor f’ħames versi marsusin u fi skema riġida ta’ rima l-isfumaturi tal-karattri u tal-ġrajjiet li jgħaddu minnhom. F’dawn it-taqbiliet hemm il-Guido Lanfranco li nafu, osservatur li jinnota, jiftakar u jiddokumenta l-istejjer li jidhru li mhumiex tiegħu. Hemm il-Guido Lanfranco li jħobb “l-ironija u l-umoriżmu tal-ħajja,” imma hemm ukoll il-kreatur li minn kelma, minn ritratt, joħloq storja.

Ix-Xogħlijiet li Guido Lanfranco ta lill-Mużew Etnografiku tal-Birgu

Kenneth Cassar

Bħal dak kollu li jġorr identità Maltija, il-mużewijiet kienu ħafna għal qalb Guido Lanfranco. Ħadem u kkollabora kemm-il darba, u kkontribwixxa wkoll b’diversi donazzjonijiet lill-kollezzjoni nazzjonali, illum fdata f’idejn Heritage Malta. Fl-2016 is-Sur Lanfranco għadda lill-Palazz tal-Inkwiżitur u lill-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija kollezzjoni mill-isbaħ ta’ 269 tpinġija ta’ drawwiet, tradizzjonijiet u rimedji mediċinali popolari, u dokumentazzjoni għal aktar minn 1500 intervent radjofoniku dwar dawn is-suġġetti. Din il-kollezzjoni hi frott ir-riċerka u l-ħidma tiegħu matul għexieren ta’ snin u hija riżorsa imprezzabbli għall-ħidma tal-mużew u għar-riċerkaturi fil-qasam tal-folklor u l-etnografija.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s