Riħ Ħażin u l-Poplu Għawdxi

L-ewwel edizzjoni ta’ Il-Qassis Li Rebaħ (1970)

L-edizzjoni l-ġdida tar-rumanz ta’ Ġorġ Scicluna, Il-Qassis Li Rebaħ (KKM 2021), għandha kumment kritiku tiegħi bl-isem ta’ “Riħ Ħażin u l-Poplu Għawdxi.” Din it-tieni edizzjoni, b’disinn tal-qoxra tal-artist Julinu, kienet għall-bejgħ għall-ewwel darba fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021. Jien u Joseph Mizzi, il-pubblikatur, għażilna li nqiegħdu dan il-kumment ta’ 38 faċċata fl-aħħar tal-ktieb biex il-ktieb jagħti prominenza lir-rumanz.

Fil-kumment niddiskutu l-poplu Għawdxi bħala mit, id-dinjità letterarja li jagħti r-rumanz lil din il-ġrajja storika, id-demonizzazzjoni tal-Franċiżi fir-rumanz Maltin (“dawn l-imbierka ta’ Franċiżi”), u l-proposta politika tal-awtur li permezz tar-rumanz jipproponi l-għaqda u l-identità kulturali bħala l-aqwa tarka kontra l-irwiefen tal-istorja. Dawn li jidhru hawnhekk huma siltiet mill-ewwel parti tal-istudju tiegħi.

F’dan l-ewwel rumanz li kitbu fl-1960 u ppubblikah għaxar snin wara, Ġorġ Scicluna jinqeda bil-lingwaġġ letterarju tat-tradizzjoni Romantika Maltija biex jagħti prominenza lill-ġrajja tal-Għawdxin fi żmien il-ħakma Franċiża. Il-lingwa konxjament idjomatika li juża tixħet l-attenzjoni fuq il-ġrajja kollettiva li jirrakkonta u l-għeruq fondi tal-komunità u fl-istess ħin tagħti dinjità lill-poplu Għawdxi. Waqt li jwassal il-fatti storiċi ewlenin lill-qarrejja tiegħu, ir-rumanzier jipproponi interpretazzjoni ta’ dik il-ġrajja, li l-protagonista jsejħilha “riefnu li nefaħ fuq artna,” billi jagħti prominenza lil ċerti personaġġi u l-kwalitajiet umani tagħhom bħala xempji ta’ dik li għalih hija komunità kulturalment omoġenja u kburija biha nfisha minkejja ċ-ċokon tagħha.

Il-Poplu Għawdxi bħala Mit

Bħalma għamlu għal Malta l-awturi storiċi Romantiċi Maltin li nqdew bl-istorja, kif jgħid Oliver Friggieri, “bħala mitoloġija nazzjonali” Scicluna jrid joħloq mitoloġija kollettiva Għawdxija permezz ta’ narrattiva ta’ komunità patrijarkali magħquda li hi bieżla, umli, intelliġenti, qalbiena, ubbidjenti, u profondament Kattolika. In-narrattiva Maltija kienet diġà skopriet ir-Realiżmu fis-snin għoxrin u tletin tas-seklu 20 u għalhekk dan il-proġett ta’ Scicluna jista’ jidher barra minn żmienu. Imma n-narrattiva ma tobdix b’għajnejha magħluqa l-mixjiet taż-żmien; sikwit tagħżel li tibni, kif tissuġġerixxi Catherine Belsey, il-viżjoni utopika tagħha jew tappella għan-nostalġija, jew toħloq passat li l-udjenza hi sajma minnu. Ir-rumanz huwa parti mill-kuntest kulturali u jista’ jġegħelna “nikkumplikaw l-istampa li għandna tal-kultura li qed inħarsu lejha,” f ’dan il-każ l-idea tagħna tas-sehem ta’ Għawdex fil-ġrajja tal-Gżejjer Maltin.

Ir-rumanz jirreferi għall-Għawdxin kemm-il darba bħala “poplu” u din ukoll hija għażla li tirrifletti l-ideoloġija tar-Romantiċiżmu: “poplu” mhuwiex sempliċiment ġemgħa jew kotra, imma l-ġemgħa kbira ta’ nies tal-istess art, bl-istess ilsien u drawwiet; “poplu” huwa ġens, dawk in-nies li flimkien jagħmlu stat, nazzjon. L-ewwel identifikazzjoni espliċita tal-kotra tal-Għawdxin bħala “poplu” tidher meta l-leħen li qed jirrakkonta jgħidilna li “l-poplu kien imħasseb” għax ma setax jaħbi l-frott li kien wasal biex jinqata’ mis-suldati Franċiżi li kien qed jistenna li se jaħbtu għal Għawdex. Id-diskors ta’ Scicluna dwar il-“poplu” Għawdxi mhux indipendentista, jew maħsub biex ifisser kunflitt bejn l-Għawdxin u “ħuthom f ’Malta;” kultant mhuwiex ċar jekk ir-rumanz huwiex qed jirreferi għall-Għawdxin bħala parti mill-poplu “Malti” inġenerali jew bħala poplu għalih, u din hija xhieda tal-kumplessità tad-diskors dwar l-identità. Iktar milli jipprova jifirdu mill-bqija tal-poplu Malti, ir-rakkont jagħti viżibilità u prominenza lill-poplu Għawdxi, li dak iż-żmien, skont il-ġeneral Franċiż Reynier, kien magħmul minn xi 13,000 jew 14,000 ruħ. In-narratur jinsisti, b’Dun Saver aktarx bħala l-fokalizzatur, li l-Maltin u l-Għawdxin dejjem kienu jaqbżu għal xulxin, u l-arċipriet jgħid lill-Ammirall Orazju Nelson li l-Maltin huma “demmna u aħna demmhom. M’hemm xejn x’jifridna, ħlief dan ix-xiber baħar,” jgħid ir-rumanz.

Ġorġ Scicluna (Ħajr lil Joseph Mizzi, KKM)

Il-protagonista ddikjarat huwa Dun Saver Cassar (1746-1805), l-arċipriet u l-Pro-Vigarju ta’ Għawdex, li qabel dan ir-rumanz ma jingħata ebda prominenza fir-rumanz Malti. It-titlu tar-rumanz ma jħalli lok għal ebda dubju, la dwar iċ-ċentralità tal-karattru tiegħu u lanqas dwar is-“soluzzjoni” finali. Ir-rumanz nafu fejn hu sejjer u nafu min se jmexxih lejn ir-rebħ. Ġorġ Scicluna jippreżentah bħala l-mexxej veru tal-Għawdxin, il-kap reliġjuż u politiku, u din l-interpretazzjoni tikkonfermaha d-Djoċesi ta’ Għawdex li tirreferi għalih bħala dak li mexxa l-qawmien tal-Għawdxin kontra l-Franċiżi u għal wieħed u għoxrin xahar kien il-Gvernatur Ġenerali tal-gżira. Fil-figura paterna tiegħu hemm il-kwalitajiet li jrid jeżalta l-awtur, fosthom l-awtorità morali, il-fidi Kattolika, il-viżjoni, il-qlubija, il-qalb tajba, l-eroiżmu, il-kastità, il-qies fl-użu tal-kliem, u l-elokwenza. “Kull mistoqsija tiegħu kienet tkun għaqlija f ’waqtha, u kien jiżen it-tweġiba bl-ikbar reqqa, kif jagħmel il-bejjiegħ tad-deheb sabiex ikun jaf is-siwi ta’ labra jew ċurkett” (Scicluna 20). Il-poplu jammira lill-arċipriet għall-elokwenza tiegħu, mhux biss għax jaf li dak li jgħid jemmen fih u jwettqu imma għax il-mexxej ideali jrid ikun kapaċi jsaħħar lin-nies: “‘Alla jbierek, kemm jaf jitkellem l-arċipriet,’ qal Martin lil Pawla, ‘imma dak il-kliem mnejn iġibu?’ Martu qablet miegħu għaliex minn taħt l-ilsien qaltlu: ‘Fejn naf? Jgħidu tajjeb li Dun Saver hu xmara t’għerf. Bħalu ħadd ma jitkellem. Kull kelma li jgħid fiha seħer, meta ma jkunx jipprietka wkoll.’” Hawnhekk, il-mudell ta’ George Lakoff tal-missier ma jagħtix biżżejjed importanza lill-ħila tiegħu li bil-kelma tiegħu jimla lill-“familja” mhux biss bis-suġġizzjoni u l-biża’ imma anki bil-fiduċja.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s