Matthew Schembri talabni biex immexxi diskussjoni miegħu, ma’ Glen Calleja, u ma’ Raphael Vella dwar il-proġett ‘Ħassartek’ nhar is-Sibt 6 ta’ Novembru fis-6.30pm waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 fiċ-Ċentru tal-Fieri u tal-Konvenzjonijiet ta’ Ta’ Qali. Il-proġett jinkludi l-pubblikazzjoni ta’ 231 poeżija maħluqa mill-awtur stess permezz tat-tħassir parzjali tal-ewwel rumanz tiegħu, Stessi, rebbieħ tal-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ 2016 u ppubblikat mill-Merlin Publishers fl-2018.
Wirja artistika marbuta mal-pubblikazzjoni Ħassartek se tittella’ fi Studio Solipsis, ir-Rabat, Malta, mis-26 ta’ Novembru sas-26 ta’ Diċembru tal-2021. Dan il-proġett huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Minkejja x-xeħta inevitabbilment konċettwali u metodoloġika li ħadet id-diskussjoni, minħabba l-isperimentazzjoni li wasslet għall-ġabra Ħassartek, dawn huma poeżija intimi u personali ħafna. Minkejja li ħdimt mill-qrib ma’ Matthew f’dawn l-aħħar snin fil-kuntest tad-Diploma fil-Letteratura Maltija, ħassejt li permezz tagħhom sirt naf iżjed lil Matthew, lill-bniedem, bil-ħsibijiet, l-emozzjonijiet, ix-xejriet, u l-esperjenzi personali tiegħu. Għalija l-qari ta’ dawn il-poeżiji kien esperjenza intensa ta’ lemħiet u emozzjonijiet li waqt li daħħluni fil-ħajja ta’ Matthew, għenuni wkoll biex niskopri iżjed lili nnifsi.
“F’dal-baħar ta’ bjuda,” jikteb Glen Calleja fin-nota tiegħu fl-aħħar tal-ktieb bl-isem ta’ “Traċċi mill-Iżbarazzar,” “il-poeżija tiddistilla motivi ta’ sentimenti intimi. Meta hija stqarrija ta’ mħabba mhix stqarrija mansa, pjuttost huwa telfien totali fl-ieħor. Kważi kważi tasal biex taħseb li l-kittieb innifsu qed jikkanċella lilu nnifsu għall-imħabba jew għall-eżistenza tal-unjoni totali mal-persuna li jindirizza.”
Lil Matthew staqsejtu, fost l-oħrajn, dwar il-proċess tat-tħassir innifsu: “Ħassart il-ktieb tiegħek stess. Tertaqtu. Għax tiegħek f’tiegħek. Lest tagħmel l-istess bix-xogħol ta’ ħaddieħor? Tkun qed taqrah mill-ġdid? Tkun qed tisraq minnu dak li jgħodd għalik? Tkun qed tħallih imexxik?” Fit-tweġiba tiegħu Matthew tkellem dwar il-problema li minħabba l-pandemija u ċirkostanzi oħrajn ma setax jikteb u l-proċess tat-tħassir għenu biex jikteb mod ieħor. Waqt li dan il-proġett kien marbut mal-ewwel rumanz tiegħu, Matthew qal li mhux l-ewwel darba li intervjena fuq ix-xogħol artistiku u letterarju ta’ ħaddieħor.
Minbarra l-poeżiji, fil-ktieb hemm żewġ kummenti dwar il-proġett, dwar il-poeżiji u dwar l-att u l-estetika tat-tħassir minn Glen Calleja, li ħadem mill-qrib mal-awtur bħala l-editur letterarju ta’ dawn il-poeżiji, u ta’ Raphael Vella, bħala l-kuratur tal-wirja Ħassartek. Glen Calleja jgħid, fost l-oħrajn, li
L-att tat-tħassir … għandu bixra ironika. Jekk mhix ironija allura af hija t-tkomplija ta’ proċess ta’ tiftix bħallikieku Matthew għaraf li mill-ewwel ktieb tiegħu seta’ jieħu iktar, li l-kliem li kiteb l-ewwel darba ma tawhx dak li xtaq. Xtaq aktar.
Glen calleja
Glen qal, fost l-oħrajn, li “f’dal-proġett hemm fejn jinfetaħ diskors dwar il-post ta’ dal-ġeneru ta’ poeżija fil-wirt letterarju Malti u ġeneri relatati, bħall-poeżija viżiva u poeżija u letteratura konkreta.” Tkellem ukoll dwar “it-trikkib tad-dixxiplini fuq xulxin u kif dawn jistgħu jikkumplimentaw lil xulxin.” Fid-diskussjoni tlabt lil Glen u lil Matthew biex jitkellmu fuq il-proċess tal-editjar u kif dan, waqt li jippreżenta l-periklu ta’ editjar li jimponi ruħu fuq l-att kreattiv tal-kittieba. joffri ħafna potenzjal għall-iżvilupp tal-kitba f’direzzjonijiet ġodda.
Ħassartek… huwa stessu mtertaq, imneżża’ minn sens ta’ inibizzjoni, sempliċi u konċiż. Ħafna aktar minn Stessi, Ħassartek huwa stessu introspettiv, imnikket, espliċitu speċjalment fl-ispazji vojta li jiċċassaw lura lejk fuq kull paġna.
Raphael Vella
Lil Raphael staqsejtu, fost l-oħrajn, fuq it-tradizzjoni tat-tħassir fl-arti viżiva u fil-possibilitajiet li din toffri kemm lill-arti viżiva f’Malta kif ukoll lil-letteratura. Raphael tkellem fuq ix-xogħol metikoluż ta’ Matthew bħala artist viżiv, bħal meta rrikostruwixxa kċina f’wieħed mix-xogħlijiet tiegħu, iżda qal ukoll li fil-fehma tiegħu, il-ktieb Ħassartek huwa aktar xogħol letterarju milli sperimentazzjoni bl-arti viżiva, minkejja li l-element viżiv għandu s-sehem importanti tiegħu f’dan il-ktieb.
F’Ħassartek, Raphael jikteb li “x-xogħol ġdid ta’ Matthew huwa awtobijografiku u awtodistruttiv fl-istess ħin. Ir-riżultat – Ħassartek – huwa stessu introspettiv, imnikket, espliċitu, speċjalment fl-ispazji vojta li jiċċassaw lura lejk fuq kull paġna.”

Glen Calleja, l-editur letterarju tal-ktieb Ħassartek, huwa artist Malti b’interess speċjali fil-poeżija u fil-ktieb bħala oġġett. Xogħlu spiss jinvolvi strutturi u għamliet alternattivi tal-ktieb, kontenut misjub u elementi performattivi. Glen hu kofundatur ta’ Studio Solipsis. Mexxa u ħa sehem f’numru ta’ proġetti interdixxiplinarji u bħalissa qed ikompli l-formazzjoni tiegħu f’tekniki tradizzjonali tal-legatorija. Il-kotba ta’ poeżiji tiegħu jinkludu eki t’eki (2002), Ir-Raġel (2010, 2012, 2017), kull flgħaxija kif mal-għabex tnin u tmut saħħet il-jum (2014), u Iswed Assolut (2016).

Adrian Grima, li mexxa d-diskussjoni, huwa poeta, novellier u akkademiku. Ħareġ tliet kotba ta’ poeżiji u ħa sehem f’festivals u avvenimenti letterarji oħra f’Malta u barra minn Malta, fosthom in-Nikaragwa, l-Indja, l-Indoneżja, l-Awstralja, u bosta pajjiżi fil-Mediterran u l-Ewropa. Il-poeżiji tiegħu nqalbu f’għadd ta’ lingwi u ġew ippubblikati barra minn Malta. Fl-2012 ħareġ ġabra ta’ novelli għall-adolexxenti bl-isem ta’ Din Mhix Logħba (KKM) u bi tpinġijiet ta’ Karen Caruana. Sal-2018 kien il-koordinatur tal-organizzazzjoni Inizjamed li torganizza l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Fl-2019 ħareġ Skizzi għas-Sette Giugno, ċiklu ta’ poeżiji f’album ta’ mużika jazz ta’ Dominic Galea (2019) u għadu kemm kiteb ċiklu ieħor imnebbaħ mill-Awtonomija tal-1921.
Raphael Vella, il-kuratur tal-wirja artistika ‘Ħassartek’, huwa artist u kuratur ibbażat f’Malta. Ix-xogħol artistiku tiegħu deher f’ħafna postijiet barra minn Malta. Ilu attiv bħala kuratur mill-2002 u ħa diversi inizjattivi kulturali fuq skala nazzjonali, fosthom il-festival Valletta International Visual Arts (VIVA), il-Curatorial School u Divergent Thinkers. Raphael Vella huwa Professur Assoċjat fl-Università ta’ Malta u ħadem b’mod estensiv biex jippromwovi x-xogħol ta’ artisti emerġenti Maltin.

Matthew Schembri is a visual artist and an author based in Malta. Schembri won Divergent Thinkers 04 (2015), The Literary Contest of Novels for Youth (2016), Shifting Contexts (2019), and was named The NBC Young Artist of the Year in 2017 by Arts Council Malta. His debut novel, ‘Stessi’, was published in 2018 by Merlin Publishers and each page of the novel was partially erased by the author himself as part of the ‘Ħassartek’ project in 2021.