Juann Mamo f’Ninvestigaw X’Qed Nieklu fuq TVM

Dan l-aħħar tkellimt fuq Juann Mamo f’żewġ edizzjonijiet tal-programm Ninvestigaw X’Qed Nieklu fuq TVM, bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Jackie Mercieca. Jien ma nifhem xejn fl-ikel imma ili għoxrin sena naħdem fuq il-kitbiet ta’ Juann Mamo u mmexxi teżijiet fuqu. Għaldaqstant kienet opportunità sabiħa li niddiskutu x-xogħol tiegħu waqt programm ewlieni li jilħaq lil ħafna Maltin.

Ħadt gost naħdem ma’ Jackie u mal-kollega u l-ħabib Dr Noel Buttigieg u tgħallimt ħafna mingħandhom. Apprezzajt ħafna l-attenzjoni u l-ġieħ li qed tagħti lil Mamo, Jackie, għax jistħoqqlu. U proset lil Jessica Micallef u Rose Marie Said li r-riċerka tagħhom irreferejna għaliha fil-programm.

Dr Noel Buttigieg, Jackie Mercieca u Adrian Grima
Juann Mamo ma’ wliedu

F’ċertu sens dan il-programm huwa wkoll ċelebrazzjoni tal-ħafna riċerka li ssir b’dedikazzjoni kbira u li importanti li tilħaq lil aktar nies għax japprezzawha.

It-tpinġija li għamel Alfred Gerada biex tidher fl-ewwel edizzjoni tar-rumanz

Nota ta’ Jackie Mercieca:

X’inhia “għaża”? X’inhu “żib”? X’inhuma “pulpetti bil-qalziet”? X’għandha x’taqsam il-quċċija mal-funerali? X’inhuma “għażżiela,” “fettul,” “fesqija,” “fdewwex,” u “ful imherreż”? X’temgħatu lil Gakbu ommu f’Ulied In-Nanna Venut fl-Amerka minflok bamja? X’inhi bamja?

Flimkien mal-Professur Adrian Grima u Dr Noel Buttigieg ser nezaminaw ix-xogħlijiet imprezzabbli ta’ Juan Mamo, Ġużè Cassar Pullicino, Agius de Soldanis u Vassalli u naraw x’kien l-ikel li kienu jieklu niesna u x’kienu drawwiet marbutin miegħu.

Nistednukom tingħaqdu magħna ħalli flimkien niskopru lil dawn il-kittieba brillanti Maltin u nsiru nafu aħjar lil missirijietna. Biex verament inkunu nafu min aħna irridu nkunu nafu wkoll minn fejn ġejjin. Ninvestigaw X’Qed Nieklu jixxandar nhar il-Ħadd 14 ta’ Novembru 2021 fis-6:45pm fuq TVM.


It-Tieni Programm fuq Juann Mamo

It-tieni programm fuq Juann Mamo u l-Ġabra ta’ Sigrieti tiegħu se jixxandar il-Ħadd 21 ta’ Novembru 2021 fis-6:45pm fuq TVM.

L-ewwel edizzjoni ta’ Ġabra ta’ Sigrieti ta’ Juann Mamo

Nota ta’ Jackie Mercieca:

Fis-snin 20 Juann Mamo ħareġ sensiela ta’ artikli li wara ppubblikahom fi ktieb bl-isem ta’ Ġabra ta’ Sigrieti. Fost dawn is-sigrieti Mamo jikteb dwar ħxejjex li wieħed għandu jikkonsma biex ifejjaq ċertu mard u problemi ta’ saħħa. Fost oħrajn isemmi l-weraq tal-ful, id-dekot tal-weraq taż-żebbuġ, il-weraq taċ-ċappiża, il-fejġel, il-ħurrieq, il-fidloqqom, u l-ħaxixa Bużbula.

Mamo jikteb fuq is-sogħla, “kif twaqqaf il-Marda jisimha Spanjola,” “Sigriet kif tneħħi n-nefħa taż-żaqq,” “il-ħanqa”… Din il-ġimgħa ser inkomplu fejn ħallejna l-ġimgħa l-oħra, imma jingħaqad magħna Keith ‘chyna’ Abela. Flimkien mal-Professur Adrian Grima u Dr Noel Buttigieg ser naraw x’sigrieti qed jaqsam magħna Juann Mamo, kemm jagħmlu sens u jekk għandniex nirrikorru aħna wkoll għal dan it-tip ta’ mediċina naturali.

Jackie Mercieca u Keith Abela
Adrian Grima
Dr Noel Buttigieg

Ninvestigaw X’Qed Nieklu jixxandar il-Ħadd fis-6:45 pm fuq TVM. Grazzi mill-qalb li ssegwuna. Nawguraw tmiem il-ġimgħa mill-aqwa lil kulħadd.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s