Abdulrazak Gurnah u s-Sodisfazzjon Tagħna

Mhux se niddejjaq ngħidha. Kburi ħafna, bħala parti mit-tim ta’ Inizjamed u l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta bejn l-1998 u l-2018, li Abdulrazak Gurnah għadu kemm rebaħ il-Premju Nobel għal-Letteratura. Abdulrazak kien qara fil-Festival ta’ Malta fl-2014. https://www.inizjamed.org/writers-2014/writers-2014-b/

Ritratti ta’ Abdulrazak Gurnah meħudin minn Gilbert Calleja għal Inizjamed waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta tal-2014 il-Furjana, Msida Bastion Historic Garden.

Niftakar il-personalità straordinarja imma anki l-umanità kbira tiegħu, minkejja li kellu ħafna biex jiftaħar u jitkabbar. Bniedem verament taz-zokkor li japprezza dak kollu li tagħmel miegħu u li kien lest jieħu sehem f’festival li, ħdejn avvenimenti oħrajn madwar id-dinja, ejja ngħiduha, mhuwiex l-ikbar wieħed.

Kien ġie bil-ħila ta’ Norbert Bugeja, li jafu personalment, u minbarra li kien qara mix-xogħol tiegħu, kien intervistah fuq il-palk David Schembri. Kienet intervista memorabbli. Niftakar lil Nathalie tgħidlu li jixbah lil Morgan Freeman u lil Abdulrazak jirrikonoxxi, b’nofs tbissima, li ġieli qalhielu ħaddieħor.

Hemm awturi oħrajn tal-Festival ta’ Malta li rebħu premjijiet kbar. Ftit xhur wara li minn fuq il-palk tal-Festival f’Sant’Iermu (2015) qara minn ktieb li kien għadu ma ħariġx għall-bejgħ, Hisham Matar rebaħ il-Premju Pulitzer proprju bil-ktieb tiegħu The Return.

U Leanne Ellul għadha kemm ġibditli l-attenzjoni li din is-sena, Monique Roffey, awtriċi oħra tal-Festival (2013) li kienet ħadet sehem bil-ħila tal-British Council u Ingrid Eomois, rebħet il-Premju Costa.

Ritratti ta’ Abdulrazak Gurnah meħudin minn Gilbert Calleja għal Inizjamed waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta tal-2014 il-Furjana, Msida Bastion Historic Garden

Grazzi lill-voluntiera kollha li jaħdmu sigħat twal u b’qalb kbira biex isir dan il-Festival uniku. B’xi mod, dan il-Premju Nobel għal Abdulrazak Gurnah huwa rikonoxximent tax-xogħol tagħhom ukoll.

Ħajr ukoll lill-Kunsill Malti għall-Arti li jagħti l-appoġġ imprezzabbli tiegħu lill-Festival permezz tal-fondi u l-għajnuna professjonali tiegħu.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s