Dun Karm u l-Maġija tal-Poeżija

ARA: il-FILMAT tat-taħdita u l-preżentazzjoni

Nhar il-Ħamis 28 ta’ Ottubru 2021, bejn il-5.30pm u s-7.00pm, għamilt taħdita dwar il-poeżiji ta’ Dun Karm fis-sillabu l-ġdid taċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja, iċ-ĊES. It-taħdita organizzaha d-Dipartiment tal-Malti fi ħdan l-iskejjel tal-Knisja u kienet miftuħa għal dawk li jixtiequ jattendu, anki dawk li mhumiex għalliema tal-Malti fi skola tal-Knisja. L-avviż għat-taħdita jinsab f’din il-paġna. Nirringrazzja lill-kollegi tiegħi Ann Marie Schembri u Claire Zerafa, kapijiet tad-Dipartiment tal-Malti, tal-istedina tagħhom.

Wara taħdita ddeċidejt li nirrekordja verżjoni aġġornata tagħha u nxandar lilha. Qed inxandar ukoll bħala pdf verżjoni aġġornata tal-preżentazzjoni li għamilt.

Dun Karm Psaila

Fit-taħdita ħarist lejn Dun Karm mhux tant bħala ideologu imma bħala mgħallem kbir tal-arti tal-poeżija, għax fix-xogħol tiegħu kollox jaħdem flimkien: il-forma li jagħżel, il-metafora, il-vuċi, it-ton, ir-rima, u r-ritmu regolarissimu, qisu arloġġ.

Il-poeżiji ta’ Dun Karm fis-sillabu taċ-ĊES huma “L-Arloġġ,” “Żagħżugħ ta’ Dejjem,” “Għaliex?,” “Univers Ieħor,” “Lill-Kanarin,” “Il-Għanja tar-Rebħa,” “Waħdi,” “Il-Għodwa,” u “Il-Qalb tal-Bniedem.” Il-kapijiet tad-Dipartiment, Ann Marie Schembri u Claire Zerafa, talbuni biex filwaqt li nirrifletti fuq dak li kien jitturmentah u dak li kien jhennih, nirrifletti fuq il-validità tiegħu għalina llum, minkejja li qed ngħixu f’kuntest storiku, soċjali u kulturali li f’ħafna aspetti huwa għalkollox differenti minn tiegħu.

Fit-taħdita rriflettejt fuq id-dinja poetika li jsawwar Dun Karm f’dawn il-poeżiji, dinja alternattiva għad-dinja reali imma mnebbħa għalkollox minnha. Ħarist ukoll lejn l-umanità fraġli ta’ Dun Karm il-bniedem u rajtha bħala rappreżentazzjoni tal-umanità fraġli tagħna lkoll. Hemm għadd ta’ strateġiji u tekniki letterarji, bħal dawk tal-apostrofi, l-anafora, it-tripletta retorika, u naturalment il-metafora u s-similitudni, li juża Dun Karm u li jistgħu jesperimentaw bihom anki l-istudenti biex jesprimu ruħhom b’mod effettiv. Fl-aħħar tat-taħdita ħarist lejn uħud mill-karatteristiċi stilistiċi li jispikkaw f’dawn id-disa’ poeżiji.


One thought

  1. Hi Adrian

    Ircivejt minghandek il-ktieb “Il-Malti”.    Kien ippakkjat tajjeb u wasal qawwi u shih,

    Nirringrazzjak u jekk nista’ nirreciproka, qabbadni dejjem.

    Is-serv umli tieghek

    Mark

    Tiftakar kif fil-hamsinijiet u s-sittinjiet, l-ittri kienu jisipccaw, specalment fic-Civil jew Public Service.    Your most odedient and humble servant!!!!

    Mark

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s