Dokument Etnografiku tal-Imnarja tal-1976

ARA d-dokumentarju L’Imnarja, Fête des lumières (Malte)

Fl-1983, iċ-Ċentru Nazzjonali tar-Riċerka Xjentifika ta’ Franza (CNRS), waħda mill-istituzzjonijiet ewlenin fil-qasam tar-riċerka, ħadem dokumentarju fuq il-festa tal-Imnarja fil-Buskett bl-isem ta’ L’Imnarja, Fête des lumières (Malte). Id-direttur ta’ dan il-film ta’ 46 minuta, maħdum fuq tertuqa ta’ 16-il mm, kien Daniel Cavillon u l-awtriċi Micheline Galley, etnologa Franċiża ta’ fama internazzjonali li kienet ilha żżur Malta u Għawdex sa mill-1968 biex tagħmel ir-riċerka fuq il-kultura popolari, u speċjalment fuq it-tradizzjonijiet orali.

Il-missjoni tat-taqsima tal-fotografija u l-filmati tas-CNRS hi tinqeda bix-xbihat biex tgħinna nifhmu aħjar id-dinja ta’ madwarna u tqanqal fina kurżità u għoġba.

Our work is guided by the way scientists question the world around them and we translate their research into images to help people to understand the world better and to awaken their curiosity and wonderment.

CNRS IMAGES

Dan kien ftit jew wisq dak li ħassejt jien u nara dan il-film. Meta nġibdu dawn il-filmati kelli tmien snin: fi tfuliti la mort sal-Buskett fil-lejl tal-Imnarja u lanqas ma trabbejt f’ambjent u kultura rurali. Għalhekk dan il-film għalija kien rikostruzzjoni tal-kultura tiegħi bħala Malti imma fl-istess ħin skoperta ta’ ambjent li meta kont tifel ftit li xejn kelli ħjiel tiegħu.

Skont Anna Borg Cardona, id-daqqaqa li jidhru fil-filmat huwa dawn: “Taz-zaqq huwa Toni Cachia l-Ħammarun. Tat-tanbur Karmnu Falzon, u tar-rabbaba huh, Censu Falzon, maghrufin bhala tan-Naw, min-Naxxar. Fis-sebghinijiet kienu bdew idoqqu hafna flimkien ghat-turisti u kien hemm li dahlet ir-rabbaba mad-duo taż-żaqq u t-tanbur.” (10 ta’ Lulju 2021) 

Il-film iħares lejn l-aspetti differenti tal-festa popolari tal-Imnarja, fosthom l-għana spirtu pront fil-ġonna tal-Buskett, il-kompetizzjoni agrarja, iċ-ċerimonji reliġjużi uffiċjali, u t-tiġrijiet taż-żwiemel taħt is-Saqqajja. Fil-film jidhru protagonisti tal-istat u tal-Knisja, u figuri ewlenin tal-kultura popolari, fosthom għannejja bħal Mikiel Abela l-Bambinu: lilna li nafu bil-Malti l-film jagħtina l-opportunità li nisimgħu strofi sħaħ u biċċiet pjuttost twal minn diskorsi u konverżazzjonijiet. Mhuwiex biss ħarsa ħafifa u superfiċjali lejn lejl u jum fil-kalendarju kulturali popolari Malti.

Mikiel Abela, il-Bambinu

U jiena basla għat-toqlija,

u dik tkun tajba bir-raġun,

meta iz-zalza itkun lesta,

u naqli lilek il-mazzun.

mikiel abela l-Bambinu
Il-Bambinu: “U jiena basla għat-toqlija”

Micheline Galley

Waqt li l-filmat ta’ Micheline Galley dwar l-Imnarja mhuwiex studju akkademiku, l-għarfien tal-interessi tad-dixxiplina tal-etnoloġija jgħinna biex napprezzaw dak li l-filmat jirrakkonta bix-xbihat mingħajr ma jikkummenta fuqu bilfors bil-kliem. L-etnoloġija hija l-istudju tal-karatteristiċi ta’ popli differenti u tad-differenzi u r-relazzjonijiet ta’ bejniethom. L-etnoloġija hija l-istudju komparattiv u analitiku tal-kulturi u għalhekk hemm min iqisha bħala antropoloġija kulturali. L-antropoloġi jfittxu li jiddeskrivu u jinterpretaw aspetti tal-kultura ta’ gruppi soċjali differenti, bħall-kultura tal-għannejja Maltin u Għawdxin. L-“etnografija” hija l-metodu ta’ riċerka li ssir fost in-nies. Is-suġġetti li jinteressaw lill-etnoloġi jinkludu t-twemmin reliġjuż, il-modi kif tintuża l-lingwa, ir-relazzjonijiet bejn il-qraba, l-istrutturi taż-żwieġ, it-teknoloġiji tal-biedja, id-drawwiet fl-ikel, ir-relazzjonijiet bejn il-ġeneri, u r-relazzjonijiet ta’ poter.

Kif spjegat fit-taħdita li għamlet fil-25 ta’ Ġunju tal-2021 fis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università, “Researching Maltese and Mediterranean Oral Traditions: A French-Maltese Collaboration,” mill-bidu nett tar-riċerka tagħha fost in-nies fil-gżejjer Maltin Micheline Galley ħadmet mill-qrib ma’ wħud mill-protagonisti tal-istudju tal-kultura Maltija, fosthom il-Prof. Ġużè Aquilina u ħatnu l-folklorista magħruf Ġużè Cassar Pullicino. Fil-produzzjoni ta’ dan id-dokumentarju għenitha Mary Rose Gatt, li saret lettriċi fil-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta (li nfetħet fl-1978, sentejn wara li nġibdu dawn il-filmati), waqt li l-intervisti bil-Malti li jinstemgħu fil-film għamlithom Maria Zahra.

Micheline Galley kitbet għadd ta’ artikli akkademiċi u tliet kotba fuq Malta: ma’ Ġużè Cassar Pullicino kitbet Femmes de Malte dans les chants traditionnels (C.N.R.S., 1981). Imbagħad ippubblikat dak li aktarx huwa l-aktar xogħol magħruf tagħha f’Malta, Maria Calleja’s Gozo. A Life History (Utah University Press, 1994), li rebaħ il-Premju Internazzjonali G. Pitrè – S. Marino 1995 (Premio del Presidente). Imbagħad hemm l-iktar ktejjeb riċenti tagħha, Malte: Un archipel au destin fabuleux (Paris Geuthner, 2019).

Żaren Mifsud ta’ Vestru, wieħed mill-għannejja fil-filmat

Bħala riċerkatriċi internazzjonali ewlenija u segretarja ġenerali tal-Għaqda Internazzjonali tal-Istudju taċ-Ċiviltajiet tal-Mediterran (AIECM), Micheline Galley kienet waħda mill-organizzaturi, flimkien ma’ Ġużè Aquilina, ta’ żewġ konferenzi dwar il-kuntatti kulturali fil-Mediterran li saru f’Malta fl-1972 u fl-1975. Kienet ukoll l-editriċi tal-atti ta’ dawn il-konferenzi li ħarġu f’Malta fl-1973 u l-1978. Barra minn hekk, ħadmet żewġ films dokumentarji fuq it-tradizzjonijiet popolari f’Malta: dan il-film dwar l-Imnarja u ieħor ta’ 15-il minuta, Chants sacrés et jeux poétiques, fuq l-innijiet sagri u l-poeżija popolari.

Dan id-dokumentarju imprezzabbli nistgħu nitkellmu fuqu minn għadd ta’ perspettivi, fosthom bħala parti minn viżjoni partikulari tal-antropoloġija tal-Mediterran aktarx imnebbħa mill-mod kif irrakkonta dan ir-reġjun l-istoriku ewlieni Franċiż Fernand Braudel fit-teżi tiegħu tad-dottorat tal-1949. Hemm ukoll it-tradizzjonijiet maħluqa minn ħassieba u antropoloġi Franċiżi u Amerikani li mis-snin tletin tas-seklu għoxrin fil-każ tal-Franċiżi, u mis-snin sittin fil-każ tal-Amerikani bdew jinterpretaw il-kulturi tal-ġnus tal-Mediterran bħala “ċelluli” (biex nuża metafora tal-mibki Oliver Friggieri) li kienu parti minn organiżmu wieħed bi storja u kultura essenzjalment waħda. In-nota fil-bidu nett tal-film li tirreferi għat-taqsima tas-CNRS li ħadet ħsieb dan id-dokumentarju, “Littérature orale, dialectologie, ethnologie, du domaine arabo-berbère,” tagħti ħjiel tal-mod komprensiv u inklussiv, biex ngħidu hekk, kif kienu qed jinterpretaw il-kultura Għarbija u Berbera billi jinkludu fiha l-kultura popolari Maltija. Taħt dan id-diskors hemm interess fil-kultura tal-Mediterran, fis-singular. Imma dan mhuwiex is-suġġett ta’ din l-essay, kemm għax l-antropoloġija mhix il-qasam tiegħi u kemm għax nixtieq niffoka fuq aspetti oħrajn tal-film.

Sensazzjonijiet mingħajr Sensazzjonaliżmu

Wieħed mill-isbaħ elementi fil-film huwa l-preżenza qawwija tad-diskors tan-nies bil-Malti. Hemm firxa ta’ diskorsi: għana spirtu pront; dik li naħseb li tista’ tqisha bħala makkjetta bejn tnejn u li se nerġa’ nirreferi għaliha iktar tard; konverżazzjonijiet bejn qraba u ħbieb; konverżazzjonijiet iktar formali, bħal dik bejn uffiċjal tal-festa tal-Imnarja u l-Arċisqof Gonzi; u diskorsi uffiċjali, bħal dak tal-President tar-Repubblika, Anthony Mamo, u l-Ministru tal-Biedja u s-Sajd, Freddie Micallef. In-narrazzjoni bil-Franċiż mhix prominenti u f’ċertu sens mhijiex l-iktar aspett li jolqot lil udjenza Maltija li għandha idea tal-kultura marbuta mal-festa ta’ San Pietru u San Pawl, mal-għana, u mal-kompetizzjoni tal-biegħa, it-tjur u bhejjem.

Waħda mill-bdiewa li tidher fil-filmat

Minbarra l-lingwaġġi, laqatni ħafna x-xogħol tal-cameras, l-angoli li minnhom inġibdu x-xeni u l-espressjonijiet fuq l-uċuħ. M’iniex espert tal-ċinematografija: qed nitkellem bħala xi ħadd li jħobb d-dokumentarji u qed josserva l-perspettivi interessanti li joffri dan il-filmat. Impressjonani l-moviment tal-cameras għax deherli li ma jnaqqas xejn mid-dinjità tal-persuni u tad-drawwiet u l-passjonijiet tagħhom. Sikwit id-dokumentarji fuq Malta, anki dawk l-aktar riċenti, jirromantiċizzaw u jeżotiċizzaw lill-Maltin, bħallikieku huma ħlejqiet eżotiċi li jġibulek għajnejk wara widnejk, jew kapaċi biss inisslulek tbissima patronizzanti.

Minkejja s-sentimenti u s-sensazzjonijiet li jqanqal f’dawk li huma miftuħin għal dan it-tip ta’ dokument, il-film ta’ Cavillon u Galley mhux qed jipprova joħloq sensazzjoni; mhux l-iskop tiegħu li jbigħ prodott kulturali: kontinwament tinħass il-ħtieġa fih li jifhem id-dinja li qed jirrakkonta bil-kliem u speċjalment bl-immaġni. Mhux l-iskop tiegħu li jivvinta spettaklu minn mument ta’ konvivenza u kompetizzjoni popolari: għall-kuntrarju, naħseb li għal udjenza mhux Maltija, u għal udjenza mhux midħla tal-ilsien Malti, mhuwiex dokumentarju li tarah mingħajr sforz ta’ xejn. Trid tisma’ siltiet ta’ għana pjuttost twal, u diskors uffiċjali bħal dak tal-Ministru tal-Biedja u s-Sajd li jiċċelebra ż-żieda fil-produzzjoni tal-ħalib permezz ta’ ċifri u saff retoriku ta’ awtopromozzjoni.

Il-film jitolbok tapprezza d-dimensjonijiet differenti ta’ dak li qed jgħid u tfittex ukoll dak li qed jesplora mingħajr ma jikkonkludi, bħar-relazzjonijiet bejn il-personaġġi differenti, il-ħarsiet, il-botti u r-risposti, il-poter tar-reliġjon, u l-politika tal-poter, it-tnejn bil-“p” żgħira.

Żeppi Abela, il-Fenka, wieħed mill-għannejja fid-dokumentarju (ħajr lil Charlo Pisani)

Mhux qed ngħid li d-direttur u dawk li qed jiġbdu l-filmati mhux qed ifittxu l-ġmiel tal-uċuħ, tal-ilwien u tal-movimenti, li mhux qed jippruvaw jaqbdu l-fwawar u l-irwejjaħ tat-toqlija, l-ansjetà tal-kompetituri, il-kburija tar-rebbieħa. Għall-kuntrarju, dan il-film jirnexxi wkoll għax jipprova jwasslilna l-istqarrijiet u l-isfumaturi tal-imġiba umana, l-individwalitajiet li flimkien jikkomponu l-folla li ma tixxejjinx fl-anonimat tal-isterjotipizzazzjoni.

L-Għana tal-Maltin Awstraljani

F’nofs id-dokumentarju jidhru ż-żewġ “għannejja-kantanti Maltin Awstraljani” Joe Galea u Rigu Bovingdon li flimkien kantaw waħda mill-ewwel diski fl-Awstralja li kien jisimha “Bejn il-Ħbieb.” F’din il-kanzunetta hemm l-element tan-“nofs għanja,” għax il-kwartina tinqasam bejn iż-żewġ għannejja. Ir-riċerkatur Malti-Awtraljan Mark Caruana qalli f’email tat-8 ta’ Lulju 2021 li Joe Galea hu l-għannej prinċipali tal-“Ballata tal-Maltin ta’ New Caledonia” miktuba minn Frank Zammit, dwar l-esperjenza qarsa tal-emigranti Għawdxin u Maltin fuq il-vapur Gange li ma tħallewx jinżlu l-art meta emigraw lejn l-Awstralja fl-1916. Rigu Bovington, min-naħa l-oħra, huwa l-awtur ta’ studju fuq il-kliem Malti-Awstraljan. “Kemm Joe Galea u kemm Rigu jafu jgħannu spirtu pront għax rajthom jagħmlu hekk jien stess,” imma skont Mark Caruana “huma aktar kantanti milli għannejja.”

Joe Galea fil-filmat

Is-sehem taż-żewġ kantanti-għannejja Maltin Awstraljani, Joe Galea u Rigu Bovingdon, kien sorpriża kbira għalija. Mela l-għannejja u kantanti msifrin ma ġewx minsijin. L-għana għadu ħaj fl-Awstralja, f’Melbourne iżjed minn Sydney, għax għandhom il-klabb tagħhom f’Melbourne, imma l-futur tal-għana mhux jipprometti, għax l-għannejja veterani qed imutu u mhux qed jilħqu ġodda. Għandna ftit tfal tal-Maltin li huma kitarrista primi, li kapaċi jdoqqu l-prejjem, imma għannejja Maltin Awstraljani diffiċli, għx trid ħakma sewwa tal-ilsien Malti.

Mark Caruana
Rigu Bovingdon fil-filmat

Mark Caruana qalli wkoll li “Joe Galea aċċetta li jgħanni għanja bl-Ingliż fis-Sydney Opera House fis-sena 1983 għaċ-Ċentinarju tal-Ewwel Emigrazzjoni Organizzata minn Malta għall-Awstralja (1883-1983). L-għanja jisimha ‘The Centenary Song,’ u ħadt gost li Joe aċċetta s-suġġeriment tiegħi li jgħanni għanja bl-Ingliż fis-Sydney Opera House (li għaliha attendew, 2,690 ruħ) għax xtaqt nuri b’hekk l-integrazzjoni tagħna l-Maltin fl-Awstralja.” Mark Caruana qalli li “Joe Galea mar Sydney ta’ xi 12-il sena u qatt ma għanna f’Malta imma ommu kienet tħobb l-għana u influwenzatu biex jaqbad karriera ta’ kant u għana, billi għandu vuċi ta’ tenur.”

It-Tradizzjoni ta’ Poplu, l-Istorja ta’ Familja

Filwaqt li d-dokumentarju jirrakkonta l-kompetizzjoni agrarja ta’ kull sena nhar l-Imnarja u l-lejla ta’ għana u ikel imsajjar fuq il-post fil-Buskett bħallikieku qed jagħmel rappurtaġġ għall-aħbarijiet, jinqeda bit-teknika aktar tipika tad-dokumentarju meta jsegwi l-istorja ta’ familja waħda, il-familja Attard minn Ħaż-Żebbuġ, u r-rabta tagħha mal-Imnarja.

Salvu Attard, rebbieħ ta’ mijiet ta’ premjijiet, aktarx ma’ ibnu. Skont Guido Baldacchino, “Dak l bidwi li jidher jirċievi r rigali huwa Salvu Attard Ċinkwini minn Ħaż Żebbuġ, li kien ħareġ għall-politika fis-snin sittin.”

Id-dokumentarju jibda b’xena li tqegħedna mill-ewwel, mingħajr introduzzjoni jew spjegazzjoni għajr għal dik tal-għannejja li bil-Malti qed jgħannu dwar l-Imnarja bħala l-festa tal-Maltin fuq palk sempliċi fil-ġonna tal-Buskett. Insibu ruħna mill-ewwel maġenb il-kitarristi u l-għannejja waqt sessjoni ta’ għana spirtu pront li qed issir billejl, bil-ħames kpiepel pjuttost differenti, bl-ilbies pjuttost improvizzat, u b’miġemgħa kbira ta’ nies quddiemhom. Fuq l-isfond tax-xena pjuttost mudlama miġbuda minn ċerta distanza tal-folla miġbura, iktar minn minuta u nofs wara li jkun beda l-film, jidher, bi kliem ċar, qisu dawl ta’ billejl, l-isem tad-dokumentarju li jimla l-iscreen kollu.

Imbagħad nidħlu bla kliem mal-cameras f’xena oħra, ferm iżjed korjografata u formali, tal-quddiesa uffiċjali fil-Katidral tal-Imdina li tiċċelebra l-festa ta’ San Pietru u San Pawl. Iżda l-camera tinsab wara għadd ta’ xemgħat, bin-nar ċkejken ta’ kull waħda minnhom iħeġġeġ. Il-qassisin libsin kostumi tal-okkażjoni nilmħuhom wara dawn id-“dwal” li jkebbsu l-atmosfera kollha minkejja l-formalità u r-ritwalità tagħha. Nafu minn din l-inkwadratura li l-perspettiva li se joffrilna d-dokumentarju mhix se tkun dik ta’ rappurtaġġ tal-aħbarijiet, ta’ kronaka sempliċi f’narrattiva magħrufa. Ix-xemgħat, kważi qrib wisq ta’ wiċċna, jistabbilixxu li dak li se nsibu ma’ wiċċna se jkun kultant mhux tas-soltu, kultant skomdu, u kull tant ħin se jkollna nikkalibraw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħna bħala spettaturi, bħala xhieda. L-għajn tal-camera se tiċċaqlaq bħal dik tax-xjenzati li josservaw, u jekk nabbandunaw ruħna għal din l-esperjenza, ix-xbihat se jqanqluna bil-kurżità u l-għoġba li jissemmew fil-missjoni taċ-ċentru ta’ riċerka li qed imexxina minn u xena għal oħra, minn inkwadratura għal oħra, minn angolatura għal oħra.

Mingħajr ma rridu, u forsi mingħajr ma nafu, fix-xena fil-katidral imkebbsa bix-xemgħat li kważi nibżgħu li se jaħarqu t-tertuqa tal-film jew idewbuha, għajnejna jaqgħu fuq il-figura aġitata tas-sagristan, jew l-assistent tal-funzjoni. Qed jaqla’ waħda waħda x-xemgħat twal minn posthom,, bin-nar għadu jħeġġeġ, u jqassamhom lill-qassisin. Għajnejna jaqgħu fuq rasu li qed tiċċaqlaq b’ċerta ħeffa u imprevedibbiltà u nafu li għajnejh qed josservaw il-movimenti, aktarx prevedibbli, tal-membri tal-Kapitlu Metropolitan. Imbagħad, waqt li l-camera terġa’ tmur wara x-xemgħat, donnha iktar qrib tagħhom minn qabel, jibda jinstema’ l-leħen kollettiv maskili u solenni tal-kor u l-orgni tiegħu, ħoss “kbir” li jimla x-xena kollha b’mod kważi sinestetiku.

Waqt li fl-isfond, bejn il-“kolonni” tan-nar tax-xemgħat li għandna ma’ wiċċna, nilmħu l-figura u l-passi mgħaġġla, donnhom bla sabar, tal-Arċisqof Gonzi bl-iskorta tiegħu mdawra miegħu, tibda saflaħħar in-narrazzjoni bil-Franċiż, żewġ minuti u nofs wara li jkun beda d-dokumentarju. Nobsru minn dan id-“dewmien” li dan se jkun l-istil tar-rakkont li se nisimgħu, li iktar se jitkellmu x-xbihat min-narratur, li iktar se jkellmuna l-ilħna u l-ħsejjes maqbudin fl-ambjent naturali tagħhom mil-leħen “barrani” tal-osservatur.

L-ewwel kliem tan-narrazzjoni bil-Franċiż jeħodna dritt fil-qalba ta’ dan il-proġett ta’ osservazzjoni u dokumentazzjoni għax jirreferi mill-ewwel għat-tradizzjoni, “Selon la tradition,” marbuta mal-Imnarja. L-Imnarja l-film jippreżentahielna bħala spazju privileġġjat tat-tradizzjoni u espressjoni ewlenija tiegħu li tlaqqa’ flimkien l-art u s-sema, il-profan u s-sagru, l-ispontanju u l-uffiċjali.

Imbagħad id-dokumentarju jintroduċi storja li se tibqa’ għaddejja matul il-film kollu, l-istorja tal-familja Attard, bdiewa minn Ħaż-Żebbuġ. Il-festa tal-Imnarja taħbat ma’ żmien il-ħsad u l-film jirrakkontalna l-qtugħ tal-aħjar u l-isbaħ prodott minn membri tal-familja Attard biex jikkompetu bihom fil-ġonna tal-Buskett. Il-filmati jniżżluna fil-frisk ta’ xelter ta’ żmien il-gwerra taħt l-art li fih il-familja Attard tħalli l-prodott sakemm jasal il-waqt tal-kompetizzjoni. Jispikkaw id-daqqiet regolari tal-baqqun fuq il-franka friska tax-xelter u l-ħoss ta’ saqajn il-bdiewa jċafċfu fl-ilma li hemm fih huma u jgħaddu l-ħxejjex minn id għal oħra. Jispikkaw id-djuq u l-għeluq. Imma meta naraw il-bdiewa ħerġin fid-dawl ta’ barra bil-ħxejjex fi ħdanhom nilmħu t-tbissima sodisfatta u kburija tagħhom. L-Imnarja, wara kollox, hija ċ-ċelebrazzjoni tad-dawl.


L-Għannejja u tal-Kitarri | Tagħrif miġbur minn Charlo Pisani

Dan it-tagħrif qed jinġabar minn Charlo Pisani mingħand l-għannejja u se jiġi aġġornat

  • Bidu: Ġanni Sammut it-Tutku (Birkirkara, l-ewwel għannej) u Ġanni Azzopardi l-Qamar (it-tieni).
  • 17:22: Żeppi Abela l-Fenka, Fredu Abela ż-Żejtuni (qmis blu), Mikiel Abela l-Bambinu; wieħed minn tal-kitarri huwa Ġużeppi Farrugia tal-Aħmar (tan-nofs).
  • 20:09: Raymond (kunjom u laqam mhux identifikat) u Mikiel/Kelinu Cutajar is-Superstar (fuq il-lemin).
  • 24:22: Salvu Cachia l-Gegu (Birkirkara).
  • 25:25 Joe Galea u Roderick Bovingdon ir-Rigu (tad-daqna). Il-kanzunetta li qed jgħannu jisimha “Bejn il-Ħbieb” li kienet ħarġet fuq 45rpm (bħala Joe and Rigu & The Diplomats fl-istess sena tal-filmati, l-1976. Tal-kitarri: Frank O’Neill u Tony Camilleri, li iktar tard sar magħruf ukoll bħala “l-Għannej” (minħabba l-kanzunetta tiegħu “L-Għannej” miktuba minn Alfred C. Sant).
  • 29:00: Żaren Mifsud ta’ Vestru (tal-beritta, miż-Żejtun), Fredu Abela ż-Żejtuni (tal-blu) u Ninu Cassar tal-Pasti (minn Ħal Qormi). Ninu Cassar kien jorganizza s-serati tal-għana; kellu ħanut tal-pasti l-Ħamrun; jiġi ħu l-għannej Wiġi Cassar il-Pewx. Akkumpanjament bil-kitarri: Pawlu Seychell l-Għannej (miż-Żejtun); kitarrist mhux identifikat (dahru lejn il-camera).
  • Tmiem: Ġanni Sammut it-Tutku u Ġanni Azzopardi l-Qamar.   

Kif le? Din mhix żerriegħa?

In-Nannu Salvu Attard Ċinkwini u l-Imnarja

Kitba tan-nutar Mariella Mizzi Attard

L-Imnarja għall-familja ta’ Ċinkwini kienet avveniment mistenni kull sena. In-nannu kien jaħdem għaliha s-sena kollha, ikabbar il-prodotti, jiġbor prodotti mingħand ħbieb tiegħu li kienu jispeċjalizzaw f’tipi ta’ ħxejjex u frott partikolari. Pereżempju kien imur iġib it-tut mill-Baħrija, il-frawli mis-Siġġiewi. Imbagħad kellu ħbieb tiegħu Għawdex li kien jipprovdilhom xi esebiti għall-wirja ta’ Villa Rundle f’Santa Marija, u huma kienu jirreċiprokaw kif jistgħu. Kienu jemmnu li b’hekk dejjem tikber u tikkompeti aħjar. In-nannu kien jieħu sehem fil-wirjiet tal-Argotti u ta’ Sant’Anton ukoll. Fil-ġimgħa tal-Imnarja d-dar tan-nannu kienet tkun miftuħa u mixgħula lejl u nhar, nies fil-bitħa jippreparaw, oħrajn iġorru għal ġox-xelter, u storbju sħiħ. Ix-xelter kien ġo ġardina li kont tidħol għaliha minn sqaq imma li kienet tinfed mad-dar tan-nannu min-naħa ta’ wara tad-dar. Ix-xelter kien ikollu pied ilma fl-art, imma b’hekk kien iżomm ħafna frisk. Imbagħad is-Sibt kienu jġorru kollox għal taħt it-tinda tal-Buskett. Iz-Zija Pina kienet tieħu ħsieb il-preżentazzjoni tal-esebiti, twaħħlilhom xi żigarella, jew xi ċoff. It-tadam, il-patata, il-pitravi … kollox kien ikun illustrat biex jidher fl-aqwa tiegħu.

In-nanna kienet tagħmel ġimgħa fuq saqajha, taqli l-bajd, il-laħam u l-patata, biex jieklu dawk kollha li jkunu ġew jgħinu. Ħafna rġiel minn Ħal Muxi kienu jiġu jagħtu ftit għajnuna, uħud minnhom imħallta mal-familja tagħna. Min kellu van kien iġibu biex jintuża għall-ġarr. Kien xogħol iebes, imma fl-istess waqt kulħadd kien kuntent fl-atmospera. In-nannu daqqa taqbiżlu u jibda jgħajjat, u daqqa jidħaq u jiċċaċċra ma’ kulħadd. Kien bniedem ikkulurit ħafna, iħobb il-ħajja u l-avventura. Trabba tifel waħdu u forsi għalhekk kien iħobb dik l-attenzjoni kollha, u verament kien isibha!

Waqt it-tqassim tal-premjijiet iz-zijiet kienu jbigħu l-prodotti lin-nies li kienu jmorru biex jaraw il-premjazzjoni. Il-prezzijiet kienu jżommuhom baxxi biex jeħilsu kemm jista’ jkun mill-prodotti, għax hekk jew hekk wara ġurnata esebiti jkunu se jitħassru u jintremew. In-nies kienu jistennewha, u kont tarahom jiffullaw biex jilħqu l-isbaħ prodotti. Xħin jispiċċa l-bejgħ kienu jbattlu l-ixkafef, u fejn qabel kienu ikun hemm it-tilari u l-platti bil-frott u l-ħaxix kien jiġi trasformat f’mejda kbira tal-ikel. Niftakar konna nitilgħu bilqiegħda fuq tavla, saqajna mdendlin ‘il ġewwa u t-tavla ta’ quddiemna, aktar għolja, konna nużawha biex nieklu fuqha. Hemm kienet terġa’ tidħol fix-xena n-nanna, għax kienet tasal b’ruxxmata dixxijiet bil-fenek moqli u patata l-forn tfuħ.

Kien jaħmi kollox tal-forn ta’ ħdejna u dak il-ħin iġġibu l-Buskett għall-ikel. Kienu jgħinuha n-nisa ta’ wliedha, għax in-nanniet kellhom tifla waħda, iz-Zija Pina, li kienet ħajjata prima imma li fi żmien l-Imnarja kienet tintefa’ tgħin lin-nannu, u ħames subien. Missieri kien wieħed minnhom. Għal dik l-ikla kien ikun mistieden kull min ikun ta xi sehem. L-inbid kien ikun abbundanti, u ovvjament id-deżerta kienet tkun felli dulliegħ jew bettieħ. Kollox bl-abbundanza. Wara dan kollu, konna nerħulha għall-famuża carcade. Konna nirkbu fil-kaxxa ta’ wara tal-vannijiet ta’ dawk li jkunu ġew jgħinu, u nerħulha nduru mat-toroq ta’ Malta nperpru l-palji u nxejru t-tazzi. Għalina t-tfal kienet xalata enormi.

Apparti l-palju u t-tazza n-nannu Salvu kien jirċievi bħala premju xi ħaġa tal-flus. Ammonti żgħar, ħames xelini, tmintax irbiegħi … forsi nofs lira. Niftakar lin-nanna titbissem u tgemgem minn taħt li dawk lanqas jibdew mal-flus li jkun nefaq. Għax in-nanna kienet mara intelliġenti ħafna, tirrazzjonalizza kollox, u ma tagħmlilhiex bżieq fuq imneħirha. Imma lin-nannu kienet tħobbu immens, u kienet tgħinu u tissapportjah, basta tarah kuntent fid-delizzju tiegħu. In-nannu kien raġel intelliġenti ħafna wkoll. Somma kien jaħdimha darba f’moħħu u tkun tajba mill-ewwel. L-istess somma jien kont naħdimha bil-calculator aktar minn darba u qatt ma naqbel. Però kien iħobb wisq l-avventura. L-adrenalina kienet tagħtih saħħa straordinarja.

Minbarra l-Imnarja kellu affarijiet oħra impenjattivi ħafna f’ħajtu: il-kappella ta’ Santa Marija ta’ Ħal Muxi, li kien jorganizzalha festa mill-aqwa, il-politika, u affarijiet oħra. Kien bidwi magħruf, involut ħafna fil-koperattiva tal-bdiewa, fejn kien għal ħafna snin il-President. Kien jitqabbad ħafna drabi mill-Qorti bħala Perit Agrikolu biex jagħmel rapporti meta jkun hemm kawżi dwar l-art agrikola.

Meta sar dan id-dokumentarju kien għadu kemm għadda minn bawxata f’saħħtu. Kienu għamlulu l-pacemaker għax kienet qed tieqaf qalbu. Kif qed tara, ma qatax qalbu, imma beda jdaħħal lit-tfal aktar direttament. L-aktar akkaniti kienu wliedu Pawlu, Ġużi u Salvu. Missieri u Philip kienu jgħinu, imma ma kinux ferventi daqs l-oħrajn. Ġużi kellu anke lil martu u wliedu dilettanti. Fil-fatt jidhru fil-filmati. Meta miet in-nannu, xi 4 snin wara li sar dan id-dokumentarju, baqgħu itellgħu l-prodotti fil-wirja z-zijiet għal xi snin, imma mbagħad kibru u waqfu.

L-14 ta’ Lulju 2021


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s