Fil-bidu ta’ Lulju 2021 Gabriel Lia kellimni dwar xogħol teatrali li kien beda jaħdem fuqu “li jfakkar il-kobor tal-umiltà tal-Prof. Friggieri magħna l-istudenti.” Meta weġibt lil Gabriel ma kellix ħsieb li nikteb fit-tul. Imma jien u nikteb irrealizzajt li kien hemm affarijiet oħrajn li ridt ngħid. Ix-xogħol teatrali ttella’ fuq il-kampus ilbies il-Ħamis 22 ta’ Lulju bħala parti mill-festival tas-sajf tal-bank APS u bis-sehem ta’ żgħażagħ li kienu studenti tad-Dipartiment tal-Malti, u ta’ Oliver: Maria Agius, Thea Farrugia, Gabriel Lia, u Luke Vella. Il-vuċi kienet ta’ Mariele Zammit.

Ix-xbieha tal-“kwartieri ġenerali” li kont użajt biex niddeskrivi l-uffiċċju ta’ Oliver Friggieri fl-Università meta intervistawni fuq maltarti fuq TVM ftit wara li ħalliena ma kinitx l-iktar xbieha sabiħa u effettiva. M’iniex kuntent ħafna biha. Imma ma jisgħobbinix li użajtha, għax ħafna inizjattivi u pubblikazzjonijiet kienu jinħmew waqt il-laqgħat li kienu jsiru f’dak l-uffiċċju bil-bieb dejjem miftuħ fejn “għex” Oliver Friggieri.
Kien ċentru ta’ attività, ta’ qsim ta’ ideat, imma kien ukoll spazju intimu li fih ħafna studenti, kollegi, personalitajiet magħrufa minn Malta u minn barra, u nies komuni minn barra l-Università kienu jiftħu qalbhom ma’ Oliver għax fih kienu jaraw missier li jisma’ u jagħder.
F’dan is-sens, dak l-uffiċċju kien aktar “santwarju” milli “kwartieri ġenerali.” Il-kelma toqgħod eżatt għax tfakkrek fl-intimità tal-emozzjonijiet u l-ħsibijiet profondi, fil-fidi Kattolika, fl-umanità u l-Umaniżmu, fil-poeżija, fil-kelma meqjusa u mġarrba. Kien santwarju għal Oliver ukoll, spazju kenni li fih seta’ jaqra u jirrifletti fuq il-ħajja tiegħu u fuq it-tiġrib ta’ ħafna nies li l-istejjer tagħhom kien ikun semagħhom fil-programmi ta’ filgħaxija fuq it-televiżjoni Taljana, bħal Quarto Grado, jew irrakkontawhomlu n-nies li kienu jżuruh u jkellmuh wiċċ imb wiċċ.
Qatt ma naf li kien jitkellem ma’ ħaddieħor fuq it-tiġrib li kienu jaqsmu miegħu n-nies imma l-affarijiet li kien jgħidlek kienu jkunu dejjem mgħobbijin bit-tbatijiet li jkun sema’ u l-mistoqsijiet il-kbar li jkun staqsa lilu nnifsu wara li jkun semagħhom. Iktar ma kiber iktar straħ fil-kenn tal-fidi Kattolika tiegħu, fl-ispjegazzjoni inspjegabbli li offrietlu dik il-fidi u li serrħitlu rasu li fit-tbatija kollha kien hemm, jekk mhux ħjiel ta’ sens, almenu xi tip ta’ fidwa.
Kien konfessur f’dan il-waqtiet Oliver, imma mingħajr il-penitenza, mingħajr l-assoluzzjoni, u mingħajr il-frażijiet magħrufin u r-ritwali. Kien konfessur u missier, imma kien ukoll psikologu, counsellor, rakkontatur, filosfu tal-ħajja ta’ kuljum, u fuq kollox ħabib. Min qatt seta’ jobsor li bniedem tant kbir kellu s-sabar u l-ħin jisma’ t-tiġrib tan-nies komuni? Waqt li kien konxju u kburi bil-kisbiet tiegħu f’tant oqsma, waqt li kien japprezza r-rispett li kien igawdi, mhux biss ma kibritlux rasu imma kellu qalbu żgħira. Naħseb li kienet din il-qalb żgħira li fiha sabu l-faraġ u l-wens tant nies li l-istejjer individwali tagħhom kien jafhom hu biss.
L-uffiċċju kien santwarju tal-kotba wkoll, il-kotba li Oliver kien iqassam lil kull min jagħmel l-att ta’ fidi li jidħol fih, att ta’ fidi fit-tjubija umana, fl-inġenwità tal-fidi, fl-avventura tal-ħsieb. Kien santwarju ta’ noti tal-lectures u l-ewwel edizzjonijiet tal-kotba tiegħu, imma anki ta’ teżijiet antiki li kellhom il-ħila jgħixu aktar minn min kitibhom, karti tal-eżami li fihom kien hemm l-isforz ta’ moħħ u ta’ qalb, l-esplorazzjoni ta’ territorji mentali ġodda, u t-tifkira ta’ fiduċja, sikwit ta’ ħbiberija li nbniet bejn studenta jew student u intellettwali li kien ukoll għalliem b’vokazzjoni kbira.
Is-santwarju ta’ Oliver kien ukoll l-ispazju tan-nofs dalma, tal-purtieri dejjem magħluqa, tat-tubu l-antika mixgħul minkejja d-dawl tax-xemx fuq barra moħbija wara dawk il-purtieri leali. Ma nafx għaliex kien idejqu d-dawl ta’ barra. Forsi kien sinjal tal-malinkonija kronika li nies li ma kinux jafuh mill-qrib kienu jassoċjaw miegħu.
Imma kien ukoll mimli ċajt Oliver, mimli entużjażmu, mimli proġetti. Forsi ried jipproteġi l-kotba dejjem skjerati maġenbu fuq l-iskrivanija mid-dija ta’ barra: minħabba l-pożizzjoni tal-uffiċċju fil-binja tal-Fakultà tal-Arti, ma naħsibx li setgħet tidħol xemx diretta minn dawk it-twieqi injorati.
Ma kienx it-tip li joqgħod jittawwal mit-tieqa li kellu eżatt maġenbu lejn ix-xemx għaddejja fuq il-kampus. Ma kienx joħroġ rasu mit-tieqa biex isejjaħ lil xi ħadd. Forsi għajnejh ma kinux iħobbu d-dija tal-Mediterran, ir-reġjun tagħna, is-Sud tas-Sud li tant kien iħobb jitkellem fuqu u li f’dak l-uffiċċju-santwarju kien donnu jistkenn minnu. Forsi ried jikkonċentra biss fuq dak li kellu quddiemu, Oliver, id-dawl tal-moħħ u l-ispirtu uman, id-dija mill-kurċifiss umli li kellu mdendel warajh u li kien jiddeffes f’kull ritratt li sikwit kien jieħu ma’ min kien iżuru fl-uffiċċju.
Santwarju tassew dak l-uffiċċju ta’ Oliver Friggieri, ta’ fidi, ta’ poeżija, ta’ tiġrib, imma fuq kollox ta’ umanità dejjem imbaqbqa, dejjem onesta.
Ghandi habib tieghi, Frank Zammit, poeta u l-awtur tal-Ballata tal-Maltin ta’ New Caledonia, li qalli li Oliver Friggieri kien jippromuovi l-kitba tal-Maltin Awstraljan, u Frank Zammit kien f’kuntatt kontinwi mieghu. Dan jurina li Oliver kellu vizjoni wiesgha hafna, li mhix ristretta ghal Maltin ta’ Malta biss, imma li tinkludi wkoll il-Maltin Msifrin, Maltin ‘l barra mix-Xtut Mta’ Malta Artiklu deskrittiv hafna li jagh
mel gieh lil Oliver. Kellu l-eta tieghi ghax twieled fis-sena 1946.