Fil-konferenza nazzjonali dwar L-Istat tan-Nazzjon organizzata mill-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika nar il-Ġimgħa 4 ta’ Ġunju 2021 fil-Palazz Verdala l-Girgenti, talbuni biex nieħu sehem f’sessjoni dwar “Kultura, arti u komunikazzjoni: Mill-Feniċi għall-Facebook. Is-sessjoni mexxieha Toni Attard (Culture Venture) u fiha ħadu sehem ukoll il-kollegi Immanuel Mifsud u Vicki Ann Cremona, li għamlu diskorsi fuq is-suġġetti, u jien u Raphael Vella li rreaġixxejna għal dawn id-diskorsi.
L-ewwel intervent tiegħi kien dwar il-kwistjoni tal-lingwa (u l-lingwi) u, tal-lingwaġġ u l-ħtieġa ta’ ħolqien ta’ spazji, li mhumiex dawk ta’ Facebook jew tat-televiżjoni, li fihom ftit li xejn hemm distinzjoni bejn id-diskussjoni u r-reklam, jew il-promozzjoni: spazju fiżika bħal dak li offra l-President u spazji virtwali inqas dubjużi minn dawk ta’ Facebook.
Fit-tieni intervent tiegħi, wieħed mill-argumenti kien li m’għandniex nippretendi li l-awturi jitkellmu “f’isem il-poplu.” Għalija l-kittieba jridu jirrakkontaw dawk l-istejjer li m’hemmx post għalihom fl-ispazju sikwit tossiku tas-siti soċjali tat-televiżjoni. F’dan il-kuntest semmejt l-essay u l-ħtieġa li dan il-ġeneru niżviluppawh iżjed biex ikollna kitba li għandha element ta’ esperjenza personali, ta’ analiżi u ta’ fehmiet infurmati.

It-tielet intervent li għamilt kien ispirat l-iżjed mill-ktieb tal-filosfu Franċiż tal-1967, Guy Debord, dwar Is-Soċjetà tal-Ispettaklu. Żgur li Debord ma seta’ qatt jobsor kemm kienet se tkun attwali llum, iktar minn nofs seklu wara, it-teżi tiegħu dwar soċjetà li fiha r-relazzjonijiet ta’ bejnietna jkunu kkundizzjonati mill-immaġnijiet li noħolqu tagħna nfusna u ta’ ħaddieħor. U f’din is-soċjetà sikwit finta jew iffalsifikata, is-siti soċjali u t-televiżjoni għandhom sehem ewlieni.
Fl-aħħar mill-aħħar, f’pajjiż li fih iktar minn 20 fil-mija tan-nies ma tweldux Malta, li fih l-ispazju għall-analiżi u d-diskussjoni huwa maħnuq mill-pubbliċità u l-promozzjoni ta’ min diġà għandu l-poter, speċjalment il-poter ekonomiku, li fih l-iżviluppaturi qed joħonqu l-ispazji pubbliċi, u li fih inwaħħlu fl-identità, jew il-kultura, jew “il-mod kif aħna magħmula,” għall-iżbalji li nagħmlu u l-iżbalji li għamlu ta’ qabilna, irridu niddeċiedu x’tip ta’ Malta rridu. Jekk ikun fadal fuq xiex niddeċiedu.