Dan kien il-kumment tiegħi, fost sensiela ma taqta’ xejn ta’ kummenti simili minn kull min kien preżenti, fil-Laqgħa Pubblika tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar il-proġett tad-db fuq dik li kienet art pubblika. Il-mistoqsija li għamilt fl-aħħar twieġbet kif stennejna li se titwieġeb:
“Il-preżentazzjonijiet li għamel l-iżviluppatur jikkonfermaw kemm kellna raġun tliet snin ilu u jikkonfermaw kemm għandna raġun illum li nirrifjutaw il-proġett kollu kemm hu. Tant kellna raġun li l-iżviluppatur ma waqafx jiftaħar fuq “Id-downscale drastiku li sar.” Biżżejjed insemmu l-bini storiku li ma rax tliet snin ilu u llum ra d-dawl u saħansitra qed jiftaħar li se jirranġah. L-istess ton pożittiv smajnieh tliet snin ilu meta skont l-iżviluppatur tal-lum dan il-proġett kien esaġerat. Dakinhar id-db kien qed jipprova jbellgħalna r-ross bil-labra u hekk qed jerġa’ jipprova jagħmel illum.
Li jmissu jgħidilna l-iżviluppatur huwa li dan l-ispazju pubbliku li għandna llum id-db se jagħmlu spazju privat, għall-gost u l-pjaċir tiegħu. U aħna se nkunu barranin fir-raħal tagħna stess.

Il-preżentazzjonijiet ikkonfermaw kemm dan huwa proġett kontra r-residenti u kontra dawk in-nies kollha, eluf, li jidħlu Pembroke kuljum preċett. Huwa proġett kontra l-iktar aspetti sagri tal-ħajja tagħna. Id-dritt għall-ispazju. Id-dritt għall-kwiet. Il-libertà fundamentali tagħna li niċċaqalqu minn post għal ieħor mingħajr ma nagħmlu ħin sproporzjonat fit-traffiku. Id-dritt għall-mistrieħ. Is-serħan tal-moħħ.
Dan il-bini massiv, bid-dwal kollha li se jkissru l-lejl tar-residenti, huwa bully kbir li se jinvadi d-dar tagħna bil-goff u jbiddlilna ħajjitna għal dejjem. Fl-aħħar mill-aħħar id-dar tagħna mhix se tibqa’ tagħna. Se tinbela’ minn dagħdigħa ta’ regħba u konkrit. Minn ġentrifikazzjoni bla gost.
Illum se nkunu nafu jekk l-istituzzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li suppost tipproteġina hijiex istituzzjoni taparsi. “