L-Umanità Ġenjali ta’ Patri Ġwann

Sirt naf lil Patri Ġwann Xerri permezz ta’ oħtu Anna, soru ta’ Madre Tereża, Sr Elise, li mietet f’inċident ikrah tat-traffiku fl-14 ta’ Awwissu 1998. Kienet f’coach sejra lura Varsavja wara ħarġa rari ta’ mistrieħ ma’ sħabha s-sorijiet, mal-voluntiera u ma’ grupp ta’ nies li kienu jgħixu f’dar tas-sorijiet. Dik it-traġedja kienet riegħdet lil Patri Ġwann, lill-familja kollha u lill-ħafna ħbieb u kollegi tagħha. Min jaf kemm-il darba ftakar fiha f’din l-aħħar sena ta’ mewt ma’ kullimkien.

IL-FABBRIKA, IL-BRAŻIL U T-TEOLOĠIJA TAL-LIBERAZZJONI

Lejn l-aħħar tas-snin tmenin sħabi tal-Grupp għat-Tielet Dinja kienu stiednu lil Anna biex tiġi tkellimna dwar l-esperjenza ta’ volontarjat li kienet għadha kemm għamlet fil-Brażil, fejn kien hemm ħuha Dumnikan. Frei João Xerri, mixgħul bit-Teoloġija tal-Liberazzjoni u esponent ewlieni tagħha. Kien ħabib tal-qalb ta’ wħud mill-figuri ewlenin ta’ dik it-teoloġija li spiċċat assedjata mill-egoiżmu ta’ Neoliberiżmu salvaġġ u li t-twarrib tagħha nikktet b’mod profond lil Patri Ġwann.

Kienet supervisor f’fabbrika Ġermaniża taż-żraben dak iż-żmien, Anna. Għal sħabha kienet “terremot”. Kapaċi f’kulma tagħmel, żvelta, ħabrieka, issus wara l-ħaddiema fit-taqsima tagħha, taqbeż għalihom kemm tiflaħ u mingħajr biża’ ta’ xejn kull fejn kien ikun hemm bżonn. Ma kellhiex wisq paċenzja ma’ min kien għażżien jew imfissed jew mitluq. Kienet indipendenti u kburija li kellha l-ħila tixtri l-karozza tagħha, imma fl-istess ħin kienet qrib ħafna tal-familja, leali għalkollox lejhom u lejn il-ħbieb tal-qalb. 

Kelma ma kinitx tomgħodha imma kellha qalb tad-deheb. Kull min kien jafha jgħidlek li ġiet lura mill-Brażil bniedma differenti. Trasformazzjoni bħal tal-films, imma dan ma kienx film. Altru li film. Kienet titkellem fuq din il-bidla hi wkoll, ovvjament, anki fuq ix-xogħol. Mhux biss għax il-Brażil ħuha Johnny laqqagħha ma’ dinja oħra ta’ faqar inġust u ta’ solidarjetà, imma għax fiha kien hemm il-qalb kbira u miftuħa li kien hemm fih.

Patri Ġwann Xerri fi programm li xxandar il-Ħamis 16 ta’ Frar 2017

Issa ħalliena Patri Ġwann. Il-Ħadd 30 ta’ Mejju 2021 fis-6.00pm, ħin ta’ Malta. Fid-19 ta’ Mejju, waqt li kien rikoverat l-isptar f’Goiânia f’qagħda gravi, għalaq 74 sena. Kien ilu ġimgħat sħaħ jissielet ma’ mxija li kissret il-ħajja ta’ miljuni ta’ fqar fil-Brażil u madwar id-dinja. Nies li qatt m’hi se tinkiteb l-istorja tagħha. Traġedji bla ħoss li l-pandemija fakkritna li huma r-regola mhux l-eċċezzjoni. It-tip ta’ stejjer li lil Patri Ġwann kiddewh matul ħajtu kollha. Traġedji li dejjem fittex li jagħtihom tifsira permezz tas-solidarjetà, permezz tal-ħbiberija. 

Daħal l-ITU fl-aħħar ta’ April bis-sodium fid-demm baxx. Bl-għajnuna tat-tobba u l-infermiera ssielet u rkupra. Il-messaġġ li wasal mill-Brażil fis-7 ta’ Mejju kien mimli tama: “João is getting better every day. Yesterday proved to be totally conscious, more animated. Sodium is certainly recovering.” Imbagħad, minkejja x-xogħol kollu tal-paramediċi, minkejja t-tilqim li kienu tawh, ħa l-COVID mill-isptar. U minn hemm ’il quddiem, l-aħbarijiet li bdew jaslu mingħand il-provinċjal kienu koroh biss. Sakemm l-organi bdew jintfew wieħed wieħed. 

M’għandix dubju li kieku qiegħed hawn ħdejja, jien u nitqabad mal-kliem biex nipprova nfisser din it-telfa tant siekta u tant kiefra, Patri Ġwann kien jgħidli li l-istorja tiegħu mhix speċjali, li bħalu nħatfu mill-mewt miljuni ta’ nies. Kien jgħidli li l-pandemija hija konferma li l-privileġġi u l-kapriċċi tal-ftit iħallsu għalihom il-ħafna bil-faqar u bil-mewt. Li Jair Bolsonaro mhuwiex miġnun imma jirrappreżenta sistema profondament inġusta li taħdem biss favur min jiflaħ iħawwel. U kien jgħidli li din is-sistema mnawra ma teżistix fil-Brażil biss. Teżisti hawn ukoll, fl-Ewropa mdawla. Fil-patrija l-oħra tiegħu, disat elef kilometru ’l bogħod.

Traġedja mod ieħor dik li għex Patri Ġwann f’din l-aħħar sena, differenti mit-tiċrita fil-qalb ta’ Awwissu tal-1998 meta mietet Anna. Għax bniedem li dejjem għex man-nies u għan-nies kellu jgħix l-aħħar sena ta’ ħajtu maqful ġewwa minħabba marda ħalliela u inviżibbli. U minkejja dan is-sagrifiċċju mhux mistenni, l-aħħar ftit ġimgħat spiċċa jqattagħhom waħdu f’sala tal-kura intensiva, ’il bogħod min-nies li tant ħabbewh u li tant ħabb tul ħajtu kollha. ’Il bogħod mill-kuntatt uman li dejjem kebbes il-ferħ tal-ħajja ġo fih.

Conversando Com Você – Frei João Xerri OP | Paróquia São Judas Tadeu Goiânia – Goiás | Streamed live on Feb 10, 2021

ID-DON LI TISMA’ U TGĦID GRAZZI

Jien u nikteb dan il-kliem, l-għada tal-aħħar nifs ta’ Patri Ġwann, l-attivisti tal-Moviment Graffitti, li meta kien ikun Malta kien imur il-laqgħat tagħhom b’mod regolari għax kien iħobbhom ħafna u kienu jispirawh, bdew azzjoni diretta ta’ protesta fil-Balluta fejn bajja pubblika ngħatat lill-kumpanija privata tal-Fortina. Storja tant komuni f’Malta indipendenti u neoliberali li tlifna l-kont ta’ fejn tibda u fejn tispiċċa. Kieku kien hawn Patri Ġwann ħdejja l-ewwel ħaġa li kien jagħmel kien li jirringrazzja lil sħabu tal-Graffitti. L-ewwel u qabel kollox “grazzi”. Kien jgħid xi ħaġa bħal, “Intom il-profeti tal-lum.” Imma kien jgħidha aħjar minni.

F’dik il-lejla li fiha kont smajt lil Anna titkellem fuq l-esperjenza tagħha taħdem fost il-fqar il-Brażil niftakarha titkellem fuq kemm hi ċkejkna d-dinja tagħna bħala individwi li ngħixu f’Malta, fuq kemm għandna bżonn niftħu moħħna u qalbna għal dak li qed jagħmlu u dak li qed isofru u jissieltu kontra tiegħu ħutna l-bnedmin fi bnadi oħrajn tad-dinja. Smajtha titkellem fuq il-ħtieġa li naraw il-faqar ta’ madwarna wkoll, ferm iktar qrib tagħna. Fuq kemm ma tħosshiex speċjali għax marret il-Brażil taħdem mal-fqar. Kienet saħħritni l-kelma tagħha għax kienet misjuqa mill-konvinzjoni u mill-azzjoni. L-azzjoni diretta, biex nuża espressjoni tal-Graffitti.

Imbagħad meta kelli x-xorti nsir naf lil Patri Ġwann saħħritni l-kelma tiegħu. Il-ħila tiegħu li janalizza b’mod kritiku, li jara affarijiet li jien ma kontx kapaċi narahom. Saħħritni l-analiżi dejjem onesta u dejjem bla ħniena tiegħu. Tkun kemm tkun iebsa l-verità li kien jara kien ifissirha. Imma mbagħad kellu l-ħila kważi inspegabbli li jibqa’ dejjem pożittiv. Mhux biex ikun faċli. Mhux biex ikun falz. Mhux biex jirbaħ il-voti tal-apprezzament. Kien pożittiv għax kien magħmul hekk. Jemmen fil-qawwa inspjegabbli tal-umanità li hemm f’kull persuna. Jemmen fil-forza bla tmiem tal-ġustizzja. Jemmen li l-istorja tagħna l-bnedmin hija storja ta’ mewġiet u li daqqa tkun fuq u daqqa tkun isfel. Jemmen li Alla huwa qrib ta’ dawk li qed ibatu permezz ta’ bnedmin oħrajn.

Fl-1999, meta l-Grupp għat-Tielet Dinja organizza African Week, Patri Ġwann Xerri kien strumentali biex inġibu Malta lill-ħabib tiegħu l-Prof. Charles Villa-Vicencio mill-Kummissjoni għall-Verità u r-Rikonċiljazzjoni tal-Africa t’Isfel li kien ħadem mill-qrib mal-Arċisqof Desmond Tutu fix-xogħol kuraġġuż li għamlet din il-kummissjoni. Patri Ġwann kien kapaċi jiftħilna l-bibien għal realtajiet importanti li mingħajru ma kellniex aċċess għalihom. F’ċertu sens fetħilna l-bieb għad-dinja, dik tal-maġġoranza, mhux tal-minoranza privileġġata.

F’dik is-sena tlabtu jitkellem fit-tnedija tal-ewwel ktieb tiegħi tal-poeżiji, It-Trumbettier, u kien aċċetta bil-kundizzjoni li jgħid li hu mhux kritiku letterarju. Għalih li jieħu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni kien ifisser li jaqsam mument ta’ ħbiberija. U naturalment għamel intervent mill-isbaħ. Naħseb li tlabtu jitkellem mhux biss għax kont nivvinta kull opportunità biex nisimgħu jitkellem imma biex naqsam l-umanità ġenjali tiegħu ma’ ħbieb tiegħi li ma kinux jafuh. 

Patri Ġwann kellu kuntatt ma’ ħafna mill-iktar inizjattivi importanti ta’ paċi u ġustizzja fi nħawi differenti tad-dinja. Meta fl-2002 għedtlu li kont sejjer Puerto Rico biex nitkellem fuq Juann Mamo u r-rumanz tiegħu Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka f’konferenza dwar il-letteratura, qabbadni ma’ attivisti li kienu qed jaħdmu favur id-drittijiet tan-nies li jgħixu fuq il-gżira ta’ Vieques, li l-Amerikani kienu qed jużawha biex jittestjaw il-bombi l-aktar qerrieda tagħhom.

Patri Ġwann Xerri u Lilia Azevedo, WorldFest, il-Ħadd, 6 ta’ Ġunju 2004

Permezz ta’ Patri Ġwann sirna nafu wkoll lil Lilia do Amaral Azevedo, il-kollega li magħha u ma’ ħbieb oħra ħadem favur il-paċi u l-ġustizzja ma’ komunitajiet li ma kellhomx vuċi. Magħha kiteb numru ta’ kotba bil-Portugiż marbutin sew mar-realtajiet li ġarrbu huma u sħabhom il-Brażil. Fil-festival tal-kummerċ ġust fil-Barrakka ta’ Fuq fil-bidu ta’ Ġunju tal-2004 organizzat mill-Koperattiva Kummerċ Ġust bit-tema ta’ “Small Change, Big Difference”, Patri Ġwann u Lilia kienu tkellmu f’żewġ diskussjonijiet pubbliċi: waħda fuq “Social Development in Developing Countries” u l-oħra fuq “Alternattivi għall-Paċi”. Kienu mumenti sbieħ ta’ analiżi, riflessjoni u ċelebrazzjoni ta’ viżjoni differenti, ġusta, solidali, sostenibbli tar-relazzjonijiet bejnietna bħala bnedmin. 

Patri Ġwann kien ikun fl-aqwa tiegħu mhux f’dawk il-mumenti meta kien ikun il-protagonista tal-mument imma meta l-protagonista tkun il-“kompliċità”, kelma li kien iħobb ħafna, li jkun hemm bejn il-bnedmin.

P. Ġwann Xerri OP – Kapitlu Ġenerali 2010 – Ruma

Li Tiftakar

F’għeluq is-sena, tnejn u għoxrin sena ilu, mill-mewt traġika ta’ oħtu Anna, Patri Ġwann kiteb dwar l-esperjenza tal-memorja. Meta kont bdejt naħdem fuq l-idea li nikteb ktieb dwar Anna, proġett li kien ħafna għal qalbu imma li jien ma rnexxilix inkomplih, almenu mhux fis-sura li kellna f’moħħna dak iż-żmien, oħthom iż-żgħira Maria kienet bagħtitli din il-kitba. Minkejja l-elokwenza straordinarja tiegħu, ma kienx bniedem ta’ ħafna kitba, Ġwanni. Naħseb li kieku ma ħabirkitx Lilia, qajla kien ikollna kitba tiegħu. Kien iktar bniedem tal-mitkellem, tal-inkontru wiċċ imb wiċċ. 

Patri Ġwann kiteb hekk: “Tiftakar tfisser tgħożż it-tamiet tal-passat – hekk jaħsibha l-filosfu Adorno. Li tiftakar, li żżomm it-tifkira ta’ xi ħadd, tfisser li tiċħad il-loġika tal-mewt, u dan hu wieħed mill-prinċipji li nħaddnu fil-fidi tagħna.” Kiteb li għalih “li tiftakar hu li tagħmel xi ħaġa preżenti, preżenti bħala tama.” Għalhekk hemm diversi raġunijiet għalfejn ngħożżu t-tifkira ta’ persuna, bħal dik ta’ Anna jew tiegħu stess, “u mhux bilfors li raġuni teskludi lil oħra.” F’din il-kitba tal-1999 Patri Ġwann jgħid li hu jiftakar lil oħtu Anna l-aktar “għall-valuri li għexet. Ħafna nies ħabbew lil Anna; ħabbewha għax identifikaw ruħhom mal-valuri tagħha. Raw fiha valuri li huma stess jgħożżu, valuri li jemmnu fihom, li għexuhom u jixtiequ jibqgħu jgħixuhom.”

Dak li jgħid dwar il-mod kif jiftakar lil oħtu Anna huwa dak li nħoss jien ukoll meta niftakar fih. Niftakar lil Patri Ġwann għax issaħħarni l-umanità ġenjali tiegħu, il-ħila tiegħu li joftoq u janalizza l-affarijiet bl-akbar oġġettività u fl-istess ħin jibqa’ tant uman, tant sensittiv lejn l-oħrajn. Kellu l-kapaċità kbira, dejjem iżjed rari f’dinja ta’ diskors bla waqfien, li jisma’. Li joqgħod jisimgħek b’mod sħiħ, b’intensità kbira. U jiftakar dak li tkun għedtlu, anki wara ħafna żmien.

Lejn l-aħħar tal-kitba qasira tiegħu fuq il-memorja, Patri Ġwann jitkellem fuq il-ħila ta’ oħtu Anna li ġġib in-nies flimkien. “Fost l-uġigħ u t-tbatija li ġabet magħha l-mewt ta’ Anna, intbaħna li Anna kienet ġabet flimkien ħafna nies.” Hija ħaġa li ammira ħafna fiha għax kienet ħaġa li kien jemmen ħafna fiha hu, ħaġa li wettaq il-ħin kollu f’ħajtu. 

Bħala wieħed mill-ħafna nies li kelli x-xorti kbira li nsir naf lilu, u permezz tiegħu lill-familja u l-ħbieb tiegħu, bħala ħabib li kelli x-xorti nilqgħu f’dari flimkien ma’ Nathalie u ma’ wliedi u nitkellem miegħu fuq kollox, dan huwa parti mid-dejn kbir li għandi lejh. Dejn li minnu issa ma nista’ nħallas xejn. Imma kieku hawn Patri Ġwann, żgur li jidħaqha u jgħidli li m’hemmx għalfejn.  

Intervista bil-Portugiż ma’ Patri Ġwann dwar ħajtu, it-Teoloġija tal-Liberazzjoni u r-relazzjoni bejn il-fidi u l-politika – L-ewwel parti
Intervista bil-Portugiż ma’ Patri Ġwann dwar ħajtu, it-Teoloġija tal-Liberazzjoni u r-relazzjoni bejn il-fidi u l-politika – It-tieni parti

Fra Ġwann Xerri intervistat fir-rivista Żminijietna fl-2014

Il-31 ta’ Mejju 2021


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s