Tgħanniq Ieħor. Poeżiji mill-Iżolament

Il-ktieb Tgħanniq Ieħor. Poeżiji mill-Iżolament (2020), ippubblikat minn Horizons bl-għajnuna ta’ Inizjamed, huwa ġabra ta’ poeżiji minn 42 kittieb u kittieba miktuba fi żmien l-imxija tal-COVID-19. L-edituri ta’ dan il-ktieb huma Kit Azzopardi, Simone Inguanez u John Portelli.

F’din il-ġabra hemm erba’ “limerikki” li ktibt fl-ewwel xhur tal-pandemija: “L-Iskola d-Dar,” “Sebħ,” “Daħlet ix-Xilep,” u “Kħula.” Din hija n-nota bijografika: “Adrian Grima aktarx beda jikteb il-poeżiji għax kienet issaħħru r-rima. Għalih, f’dawn l-erbgħin sena, il-poeżija baqgħet essenzjalment ħoss, il-ħoss tal-ġisem jitqabad mal-uġigħ, mal-imħabba, maż-żmien. Qabel il-limerikki tal-imxija, ħareġ Skizzi għas-Sette Giugno, ċiklu ta’ poeżiji f’album ta’ mużika jazz ta’ Dominic Galea (2019).”

Tgħanniq Ieħor. Poeżiji mill-Iżolament joffri ritratt intrigranti tal-poeżija li qed tinkiteb f’Malta llum, tal-lingwaġġi l-ġodda li qed jesploraw il-poeti tal-ġenerazzjoni l-ġdida, bħal Claudia Gauci, Simone Galea u Leanne Ellul. Hija ġabra intensa u importanti li toffri poeżiji ta’ kull xeħta u minn kull ġenerazzjoni: minn sensiela ta’ Daniel Massa sa “Kif Tikteb is-Silenzju” ta’ Klara Vassallo. Hemm xogħlijiet ta’ poeti li konna ilna nistennew biex naqraw ix-xogħol il-ġdid tagħhom, u hemm poeżiji ta’ oħrajn li jesploraw kif l-iżolament sawwar l-esperjenza poetika tagħhom.

Wieħed mill-merti l-kbar ta’ din il-ġabra huwa li dawn il-kittieba kollha nġabru madwar esperjenza umana komuni, u mhux biss lokali. Naħseb li għad tibqa’ tissemma din il-ġabra.

Il-qligħ mill-bejgħ ta’ dan il-ktieb se jinghata lill-Fondazzjoni St. Jeanne Antide, SOAR, li taħdem ma’ nisa u tfal li għelbu l-vjolenza domestika.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s