Dakinhar filgħodu li Oliver Friggieri kien qed jieħu l-aħħar nifs kont qed nagħti lecture lil grupp ta’ studenti Ċiniżi li qed jistudjaw il-Malti fil-Beijing Foreign Studies University, studenti tal-kollega tagħna Dr Jinjing Xu. Il-lecture ta’ siegħa u erbgħin minuta, it-tieni wieħed minn sensiela ta’ erbgħa, beda fit-tmienja ta’ filgħodu. Beijing dak il-ħin kienu t-tlieta ta’ wara nofsinhar, seba’ sigħat qabilna.

Tliet sigħat wara li spiċċajt il-lecture, fuq mejda ta’ restaurant ir-Rabat Għawdex ma’ Nathalie, qed ingawdu l-kwiet u l-arja, irċevejt messaġġ mingħand Michael Spagnol. “Ħalliena Oliver.” Ma ridtx nemmen. Wara qalli li lanqas hu ma ried jemmen. Imma maż-żewġ kelmiet żied messaġġ li kien għadu kemm tella’ Victor Fenech fuq Facebook. Il-mara t’Oliver, Eileen, kienet għadha kemm ċemplet lill-mara ta’ Victor biex tgħidilha. Ċempilt lil Michael minnufih u ppruvajna niffaċċjaw il-mument u l-isturdament ta’ niket li ġab miegħu.
Ma nafx għedtlux dak il-ħin lil Michael. Imma aħna u nitkellmu rrealizzajt li waqt li Oliver kien qed jieħu l-aħħar nifs tiegħu, fl-iktar mument drammatiku fil-ħajja ta’ bniedem li kien protagonist tal-aħħar ħamsin sena tal-istorja tagħna minkejja li qatt ma fittex li jkun f’nofs tal-palk, jien kont qed niddiskuti studju tiegħu tal-istorja tal-letteratura Maltija ma’ studenti n-naħa l-oħra tad-dinja. Il-lectures tiegħi fassalthom fuq diskussjoni kritika ta’ “Main Trends in the History of Maltese Literature,” studju ta’ Oliver Friggieri tal-1994. Kien ippubblikah fir-rivista akkademika Neohelicon (vol. 21, nru 2, 1994) li tiffoka fuq il-letteratura komparata u dinjija, u fuq it-teorija u l-kritika letterarja, l-oqsma li dejjem assoċjajt mal-Prof. Friggieri minn mindu sirt nafu bħala student tiegħu fl-1987 fil-kors tal-Baċellerat fl-Arti li kien għadu kemm reġa’ fetaħ. Neohelicon kienet (u għadha) pubblikazzjoni tal-akkademja prestiġjuża Ungeriża ta’ Budapest Akadémiai Kiadó. Fiha, fuq medda ta’ snin, Oliver Friggieri xandar għaxar studji, ħafna minnhom fuq il-letteratura Maltija, imma mhux biss. Bħal dan l-artiklu li kont qed nippreżenta lill-istudenti Ċiniżi, uħud minnhom studenti tat-Taljan, bħalma kien Oliver, xandar mijiet ta’ artikli f’pubblikazzjonijiet prestiġjużi oħrajn madwar id-dinja.
Waħda mill-affarijiet li kienet saħħritni fih meta beda jgħallimni kienet ix-xibka kbira ta’ kuntatti li kien niseġ b’xogħol iebes u ħila fid-dinja tal-letteratura u tal-akkademja, speċjalment fl-Ewropa tal-Lvant u fin-Nofsinhar tal-Italja. F’dawk is-snin kien fl-aqwa tiegħu: kiteb l-istudji li llum huma l-bażi tal-istudju u t-tagħlim tal-letteratura Maltija u tat-teorija u l-kritika letterarja bil-Malti u siefer kemm felaħ, minn pajjiż għal ieħor, minn konferenza għal oħra, minn avveniment letterarju għal ieħor.
F’Ottubru tal-1987, meta sirna l-ewwel studenti tal-letteratura Maltija ta’ Oliver fil-Fakultà tal-Arti li kienet irxuxtat mill-mewt, dik l-attività intellettwali u letterarja kollha ta’ Oliver kienet ħaġa tal-għaġeb għalija. Kien żmien ieħor. Qabel il-komjuter personali. Qabel l-internet. Qabel id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Qabel id-disponibilità ta’ vjaġġi relattivament irħas lejn l-Ewropa kollha. (Wara kellu jissaħħar hu meta bdejna nirrakkontawlu l-vjaġġi tagħna ’l bogħod mill-Mediterran u mill-Ewropa biex nieħdu sehem f’konferenzi u festivals letterarji. U kien kburi bina għax kien jaf kemm kellu sehem fit-tiswira tagħna. Imma dik storja oħra.)
Jiġifieri dakinhar filgħodu għamilt kważi sagħtejn insemmi lil Oliver Friggieri u niddiskuti l-verżjoni tiegħu tal-istorja tal-letteratura Maltija. U noffri alternattivi għaliha. Verżjoni li tagħti iktar prominenza storika lir-Realiżmu Malti li kien qabad sew fin-novelli, u mbagħad fir-rumanzi, tas-snin tletin u erbgħin. Verżjoni li ma tqisx biss il-letteratura Romantika “nazzjonali” jew “nazzjonalista,” imma tħares anki lejn ir-rumanz Gotiku melodrammatiku tal-faxxikli, saħansitra lejn il-letteratura tal-kittieba nisa, minn Concetta Brincat, Luċija Levanzin Inglott, Mary Caruana, u Ondina Tayar, sa Mary Meylak, Doreen Micallef, Lillian Sciberras, u Maria Grech Ganado. L-istorja mhix sensiela ta’ fatti inkontestabbli imma proċess kontinwu ta’ interpretazzjoni tal-fatti magħrufa.
Il-pjan oriġinali tiegħi kien li nagħti ħarsa lejn l-artiklu akkademiku ta’ Oliver fl-ewwel Sibt biex imbagħad fit-tieni Sibt, il-21 ta’ Novembru 2020, il-jum li fih missieri kien jagħlaq 80 kieku ma ħalliniex f’Ottubru tal-2010, nipproponi storja differenti minn dik li kien fassal Oliver Friggieri. Imma bħalma jiġrili dejjem, domt ferm iżjed niddiskuti l-istudju ta’ Oliver milli ħsibt. Għax il-kitba tiegħu, jgħaddi kemm jgħaddi żmien minn fuqha, tibqa’ dejjem toffri perspettivi importanti, mibnijin fuq għarfien vast u profond tas-suġġett. U Oliver dejjem fisser ruħu bir-rassa tal-kliem u l-ħsibijiet li kienet sinjal tal-awdaċja u r-reqqa intellettwali tiegħu.
Dakinhar tal-21 ta’ Novembru semmejtu b’ismu kemm-il darba għax ridt nippreżenta l-ġrajja tal-letteratura Maltija lill-istudenti li kienu jinsabu ’l bogħod ħafna f’Beijing. Semmejtu bla ma kont naf li ftit kilometri ’l bogħod mid-dar kienet qed tintemm il-ġrajja ta’ bniedem li ta ħajja ġdida, dejjem isbaħ, lil tant nies.
Fit-tielet lecture s-Sibt ta’ wara, it-28 ta’ Novembru, ma stajtx nieqaf nitkellem fuq Oliver Friggieri u fuq id-dinja tal-letteratura li fetħilna beraħ quddiemna bil-passjoni u d-dixxiplina intellettwali tiegħu. Bħal ħafna nies li kienu jafuh, f’Malta u barra, u anki ħafna nies li ma kinux jafuh mill-qrib, ħassejt il-bżonn li naqsam ma’ ħaddieħor l-esperjenza umana u intellettwali ta’ bniedem li sawwar il-moħħ u mess il-qalb tiegħi u ta’ kull min iltaqa’ miegħu u mal-kitbiet tiegħu.
Dawn l-aħħar snin kienu diffiċli ħafna għal Oliver Friggieri, il-bniedem li bil-kelma dejjem sawwar u saħħar lil min semgħu jitkellem. Iktar minn qatt qabel sab l-imħabba u l-għajnuna kollha tal-familja tiegħu. Imma kienu snin diffiċli għal bniedem li moħħu baqa’ tajjeb imma ġismu beda jittradih. F’dawn l-aħħar snin naħseb li kien hemm mumenti meta beża’ li x-xogħol kollu li kien għamel matul ħajtu kien se jitwarrab, għax il-musmar il-ġdid dejjem jaqla’ l-qadim. Jien u sħabi fid-Dipartiment tal-Malti konna konxji minn dan il-biża’ tiegħu. Huwa biża’ naturali. U konna qed nagħmlu minn kollox biex nuruh, bil-kliem u fil-fatti, li x-xogħol li għamel la kien se jitwarrab u wisq inqas jintesa. Ma nafx ikkonvinċejniehx. Naf żgur li dak li ġara wara li ħalliena kkonferma li meta tiżra’ l-ġid, jikber u jwarrad fil-ġdid. U Oliver, il-bniedem umli, żgur li hu kburi bil-ġid kollu li żera’.
Adrian Grima
L-Erbgħa 2 ta’ Diċembru 2020
Qabbiżtli demgħa Adrian Grima. Grazzi tal-ħsibijiet profondi tiegħek fuq il-Professur Friggieri. Kif ħafna drabi jiġri, meta titlef xi ħaġa tkun taf xi tfisser. Bla dubju Oliver Friggieri ma jintesa qatt. Permezz ta’ kitbietu se jibqa’ f’qalbna u f’moħħna għal dejjem. Jistrieħ fis-sliem!🙏