Il-Ħajku ta’ Oliver Friggieri

Fil-funeral ta’ Oliver Friggieri li sar l-Erbgħa 25 ta’ Novembru 2020 fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, talbuni biex naqra erba’ ħajku tiegħu flimkien mal-attur Mario Micallef, id-direttur Sean Buhagiar, u l-gradwati tal-Malti Maria Agius u Gabriel Lia. Ir-ritratti mhux iffirmati ttieħdu minn Miguela Xuereb ta’ Newsbook. Il-filmat tal-quddiesa tal-funeral jinsab hawnhekk.

Tribut lill-Prof. Oliver Friggieri

Għażla ta’ ħajku, magħmula minn Sean Buhagiar, mill-ġabra Il-Kliem Li Tgħidlek Qalbek ta’ Oliver Friggieri.

Mario Micallef, attur u ħabib li Oliver iddedikalu l-aħħar poeżija tiegħu

Mario Micallef. Ritratti meħud minn Miguela Xuereb għal Newsbook
148.
 Trid tifhem ħolma?
 Qalleb fid-djarju moħbi
 Li kitbet qalbek. 

261.  
Tqila l-memorja.
Għalhekk il-bniedem jogħtor
aktar ma jikber. 

9.
Meta lil qalbek
tkellimha w tibqa’ siekta,
stenna t-tmiem riesaq. 

24.
Il-qalb tixxaqqaq
Kuljum ftit ftit u fl-aħħar
Maqsuma ċċedi. 

Gabriel Lia, student ta’ Oliver u Viċi-President tal-Għaqda tal-Malti Università

Gabriel Lia. Ritratti meħud minn Miguela Xuereb għal Newsbook
187. 
Tistadx iżżejjed
Fil-baħar fond ta’ qalbek.
Ma tafx x’se jitla’.

7. 
Meta titkellem
tinduna kemm hemm ħwejjeġ
li m’għandhomx kelma.

21. 
Hi ħoss il-kelma. 
Kif tidħol fik, tirbombja
Ma’ ruħek kollha.

159. 
Biex tisma’ ‘l Alla
Kull meta jkellmek, darri
Lil qalbek tiskot. 

Adrian Grima, poeta, lettur, u kollega ta’ Oliver

Waqt il-qari ta’ erba’ ħajku ta’ Oliver Friggieri. Ritratt meħud minn Miguela Xuereb għal Newsbook.
221. 
Jekk poeżija
Ma tiktibhiex, il-qasma
Ta’ qalbek tikber.

29. 
Saret l-awtopsja
fuq il-poeta w sabu
qalbu maqsuma.

422. 
Biex jibda jikteb
poeta jsinn il-kelma
mat-tarf ta’ qalbu.

393. 
Imut poeta,
u l-poeżiji tiegħu
Jikbru fuq qabru. 

Sean Buhagiar, Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta u ħadem fuq xogħol Oliver

Sean Buhagiar. Ritratti meħud minn Miguela Xuereb għal Newsbook

275. 
X’inhu l-poeta?
Għasfur għannej li fl-aħħar
Tgħallem kif jikteb.

118.
Ma ssibx lil Alla
Fil-katidral jekk tonqos
Li ssibu f’dudu.

453. 
Staqsejt lil dudu
jekk jafx min ħalqu. Qalli:
“Xi Ħadd li jħobbni!”

515.
Tinsiex, niltaqgħu
F’kull każ fil-bieb tal-Ġenna,
Għażiż kelb tiegħi! 

Maria Agius / edukattriċi, studenta u ħabiba ta’ Oliver

Maria Agius. Ritratti meħud minn Miguela Xuereb għal Newsbook
264. 
Kemm huwa mgħaġġel 
dal-funeral! Il-ħajja
ħliet ħin biżżejjed.

75.
Fil-bieb tal-Ġenna 
Hemm kju Maltin jistaqsu
Għall-qaddis tagħhom.

368. 
Ħaruf u tigra
Mgħannqin għall-ewwel darba:
hekk tkun il-Ġenna!

244. 
Staqsejt lil ommi
Kif tkun il-Ġenna w qaltli:
‘Xtaqt li ġejt qabel!’ 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s