L-għadira ta’ ilma-qiegħed ta’ din is-soċjetà

Xi mkien kelli kopja ta’ orazzjoni li kien għamel Oliver fi gradwazzjoni fil-bidu tas-snin 90. Ma kontx preżenti meta għamlu imma ħafna nies semmewhuli u kont tlabtu kopja, jidhirli. Jew kont iddubbajt kopja mingħand xi ħadd li kellu. Ma niftakarx.

Dalgħodu, bl-għajnuna tal-uffiċjali fir-Rettorat, waslitli kopja tiegħu. Sabuh fil-Librerija tal-Università, dak il-post li tant kien għal qalb Oliver u li fih hemm il-kitbiet tiegħu kollha. Grazzi lil kull min għen. Id-diskors kien għamlu fit-22 TA’ NOVEMBRU, 1991.

“L-istudenti tiegħi u dawk kollha li kelli x-xorti li nsir naf fostkom jafu kemm tħadditna flimkien dwar il-falzita ta’ pajjiżna, dwar il-qerda mgħaġġla ta’ kulma hu Malti, dwar il-vizzji tal-kalma, tal-paċi, tat-tolleranza, tal-apatija, tal-kwiet.”

oliver Friggieri

Jekk issibu l-ħin taqrawh tifhmu għaliex jien, li ninsa kollox, dan id-diskors ma stajtx ninsieh. U f’dawn il-jiem mill-ewwel ftakart fih. Oliver Friggieri fl-aqwa tiegħu. Elokwenti. Iebes. Mingħajr ma jomgħodha.

Din silta. Qed jindirizza lill-istudenti:

Nixtieq nitlobkom ma tidħlux fl-għadira ta’ ilma-qiegħed ta’ din is-soċjetà. Jeħtieġ Ii tkunu intom Ii ċċaqalqu l-ħsieb rieqed, tqanqlu l-qlub biex iħossu, tieħdu t-tmun f’idejkom u tressquna lejn jum ġdid. Laqatni ħafna x-xettiċiżmu ta’ bosta minnkom, iċ-ċiniżmu li bih tħarsu lejn is-soċjetà u d-daħk Ii bih tisimgħu din il-kaxxa infernali ta’ kliem Ii tisplodi madwarna u Ii ma tfisser xejn. F’art fejn il-kliem hu mħawwad, fejn il-kelma qajla hi stmata jew imfissra tajjeb, tistgħu tkunu intom li tgħidu kelma ġdida. Għiduha dil-kelma, bla ma tibżgħu minn ħadd ħlief mill-kuxjenza tagħkom. Timxu ma’ ħadd ħlief weħidkom ma’ Alla tagħkom, tistennew it-tifħir ta’ ħadd ħlief tal-leħen ta’ ġewwa fikom. Qisu li ma togħġbux lil kulħadd u serrħu raskom li jkollkom l-għedewwa u ma tkunux nies ta’ kull staġun, bażar li ssiblu minn kollox.

Oliver Friggieri

Kull darba li naqrah nirrealizza kemm dan huwa diskors tremend. Mhux tant minħabba l-ħila retorika straordinarja tiegħu, li ssaħħrek, imma l-iktar minħabba l-forza tal-biża’ tal-konvinzjonijiet tiegħu. M’għandix dubju li ntlaqa’ tajjeb ħafna fis-sala – jien b’hekk sirt naf bih – imma naħseb li qanqal ftit oppożizzjoni wkoll. Dak iż-żmien il-Prof. Friggieri kien diġà personalità ewlenija, rispettata ħafna, u naħseb li r-rettur dak iż-żmien kien Fr Peter. Imma żgur li kien hemm min ma ħax pjaċir b’dak li qal. Kull darba li naqrah kważi taħsadni l-forza tal-biża’ tal-verità li hemm fih. Xi mument nara ftit il-gazzetti tal-għada. imma nittama wkoll li nisma’ mingħand nies li kienu preżenti.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s