OLIVER FRIGGIERI U “IL-LEJL F’DAN L-ISTAZZJON”

F’nofs Lulju tal-2018 bgħatt email lil Oliver. Kienet l-aħħar edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta organizzat minn Inizjamed li kont qed nieħu ħsieb jien. Abigail Mallia u Carlos Debattista kienu qed jaħdmu fuq film tal-poeżija ikonika tiegħu, “Il-Lejl f’dan l-Istazzjon” u ddiskutejna l-idea li jidher fil-film. Ma stajtx nimmaġinah attur. Oliver poeta, rumanzier, ideologu, oratur, professur, konfessur, edukatur, missier. Imma attur…

Fil-films tal-poeżija teżisti wkoll tradizzjoni li jidher l-awtur. Jekk jidher, ħafna drabi jitkellem fuq il-poeżija tiegħu. Jew almenu jaqraha. Ma niftakarx sew – fil-każ jikkoreġuni huma – imma naħseb li ssuġġerejtilhom l-idea jien. Forsi kienet idea tagħhom. Il-punt hu li għalija – u naħseb li ħadd mhu se jieħu għalih jekk ngħidha din – id-dehra ta’ Oliver fl-aħħar tal-film kienet l-iktar mument emozzjonanti. Il-climax tal-film.

Wara snin twal bħala student tiegħu, mill-1987, u mbagħad kollega, narah iħażżeż maġenbi l-pajsaġġi rurali intensi u l-kruċifissjonijiet tiegħu waqt il-laqgħat twal u impenjattivi tad-Dipartiment tal-Malti… wara dawn is-snin kollha, waħda mill-iktar memorji għeżież li għandi hija ta’ Oliver, ftit mifxul, ftit kburi, aktarx kuntent li qed jaħdem l-ewwel parti tiegħu f’film, fil-ġenb tal-ajruport, in-naħa ta’ Ħal Safi, qed jobdi l-istruzzjonijiet preċiżi ta’ Abigail Mallia u jimla film sħiħ bil-ħarsa intensa, mimlija bil-patos eżistenzjali tipika tiegħu. Poeżija sħiħa maqbuda f’inkwadratura waħda.

F’nofs Lulju tal-2018 bgħattlu dik l-email: “Bħalissa Abigail u Carlos qed jaħdmu fuq film tal-poeżija tiegħek ‘Il-Lejl f’dan l-Istazzjon.’ Jixtiequ niltaqgħu miegħek nhar it-Tnejn. Possibbli, Oliver? Semmewli d-9.30am imma ovvjament nimxu skont il-ħin li jkun konvenjenti għalik.”

Ir-risposta elettronika tiegħek kienet telegrafika. Kemm kemm jinqeda. L-oppost tal-Oliver li tiltaqa’ miegħu wiċċ imb wiċċ. Bejn Oliver u l-informatika kien hemm kważi gwerra bierda. Mingħajr glasnost. Sal-aħħar.“

Ghaziz Adrian,

Iva, tajjeb ghalija, nhar it-Tnejn,

fid-9.30am fil-kamra tieghi fl-Universia’. Inseli ghalik hafna u nirringrazzjak.”

Meta l-ġbid tal-film kien wasal lejn l-aħħar, fil-bidu ta’ Awwissu 2018, Abigail u Carlos talbuni biex inkellem lil Oliver fuq is-sehem tiegħu fil-film. Ridt nagħmel minn kollox biex ninkoraġġih. Imma ma kienx hemm bżonn. Aċċetta mill-ewwel. Forsi biex jikkuntenta lili, lil Abigail u lil Carlos. Forsi għax poeżija tiegħu li kienet għal qalbu. Mhux il-poeżiji kollha kienu għal qalbu l-istess. Forsi għax kellu kurżità xi jħoss l-awtur li jsir attur. Imqar għal mument wieħed żgħir. Għal ħarsa waħda. Aktarx ma kienx konvint li kienet idea tajba. U aċċetta l-iktar biex jiksrilniex qalbna. Oliver kellu qalb kbira.

Għaddejt għalih id-dar Fleur de Lys. Kien qed jistennieni. Fil-karozza qgħadna nitkellmu, ovvjament. Il-kelma għal Oliver kienet kollox. U kien iħobb jitkellem fuq kollox. Speċjalment fuq dak li jkun qed jiġri fil-pajjiż. U la ma kienx hemm Arnold Cassola, biex joqgħod jaqbad miegħu u jizzikah, qgħadna nitkellmu fuq affarijiet oħra. L-ewwel jistaqsini x’naħseb u mbagħad jgħidli x’jaħseb hu. Bl-intensità ta’ bniedem li ħabb bla qies lil pajjiżu. Meta kien jarani għaddej fil-kurutur tal-Fakultà tal-Arti, dejjem kien jgħidli biex nidħol ħdejh. Ma’ kulħadd kien jagħmel hekk.

Għal Oliver kelma bejn il-ħbieb kienet l-essenza ta’ kollox. Il-waqt li jagħti sens lill-ħajja sikwit imwiegħra tagħna. L-uffiċċju tiegħu kien qisu l-kwartieri ġenerali tal-Fakultà. Kienu jiġu nies minn kullimkien. U Oliver qasam ħafna fruntieri u sewwa ħafna qlub f’dak l-uffiċċju bil-bieb dejjem miftuħ. Kellu qalb dejjem miftuħa. Qalb kbira dejjem miftuħa. U ħarsa intensa.

Meta wasalna fil-ġenb tal-ajruport għall-filming, kulħadd beda ġej ħdejna biex isellimlu. Kulħadd jaf lil Oliver Friggieri. Kellu l-ħila jġiegħel lil kulħadd joħroġ l-umanità tiegħu. Mingħajr ma jġiegħel. U meta konna se nitilqu, xi siegħa wara, meta l-attur reġa’ sar il-poeta, kulħadd ried isellimlu. U aħna u sejrin lura d-dar, fis-skiet tat-toroq ta’ Awwissu tard billejl bejn Ħal Safi u Fleur de Lys, reġa’ kellimni fuq pajjiżna. Dak il-pajjiż li tah, matul ħajtu kollha, dak kollu li seta’ jtih. Bl-imħabba straordinarja tiegħu. U saħansitra bil-ħila mhux magħrufa tiegħu fil-poeżija tar-reċtar.

Abigail Mallia, Oliver Friggieri u Carlos Debattista

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s