Nhar is-Sibt 14 ta’ Novembru 2020 fis-7.00pm se mmexxi diskussjoni bl-Ingliż waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb dwar il-letteratura tal-protesta, bis-sehem ta’ Karl Schembri, Nadia Mifsud, Wayne Flask, u Zvezdan Reljić. Bħall-festival kollu, dan se jkun avveniment virwali. Dan l-avveniment qed jorganizzah il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Diskussjoni dwar il-letteratura ta’ protesta
Il-letteratura ta’ protesta ngħatat titli varji tul iż-żminijiet. F’waqtiet hija xokkanti, tfittex li tqanqal l-empatija lejn l-Ieħor li bosta drabi huwa vulnerabbli, jew tkun forma skjetta ta’ attiviżmu. Madankollu dawn kollha jfittxu finalment li jagħrfu l-ħtieġa għall-bidla u l-letteratura ta’ protesta tilħaq lill-poplu biex twassal il-valuri tagħha bħala gwida, inkella billi toffri lilha nnifisha bħala mera tas-soċjetà.
Il-forom varji tal-espressjoni ta’ protesta f’Malta u l-kelma miktuba se jkunu diskussi waqt din il-konverżazzjoni mmexxija minn Adrian Grima u bil-parteċipazzjoni ta’ Karl Schembri, Wayne Flask, Nadia Mifsud Mutschler u Zvezdan Reljić.
Il-Letteratura Maltija u l-Protesta
Aħna f’Malta kemm għandna tradizzjoni tar-rumanz ta’ protesta? Snin ilu Karl Schembri kiteb Il-Manifest tal-Killer u fl-2017, ftit qabel l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Wayne Flask ħareġ Kapitali, żewġ rumanzi li nistgħu nqisuhom ta’ protesta. X’tip ta’ effett nippretendi li rumanzi bħal dawn iħallu? Kemm jistgħu jbiddlu l-affarijiet? Jew dak mhux xogħolhom?
X’inhuma l-merti u l-limiti ta’ dan it-tip ta’ rumanz, jekk nistgħu nsejħulu hekk? Għaliex ftit li xejn għandna tradizzjoni f’dan il-qasam? Il-letteratura ta’ protesta għandha skop immedjat. Kemm hi kapaċi tgħix lil hinn mill-waqt storiku li fih qed tipprotesta?
Id-diskussjoni tagħna se tkun fil-bicca l-kbira bil-Malti.
Dan l-artiklu ta’ Alex Clark, “Writers unite! The return of the protest novel” se jkun wieħed mill-artikli li se nirreferu għalih waqt id-diskussjoni tagħna. L-awtur, Alex Clark, jirreferi għall-ħila ta’ ċerti kittieba “to metamorphose the everyday into the uncanny.” Naħseb li din tidher sew fil-poeżiji ta’ Nadia Mifsud fi-ktieb Kantuniera ‘l Bogħod u fil-poeżiji ta’ Karl Schembri fil-ġabra Passju taħt ix-Xita. Kemm nistgħu nqisu dawn ix-xogħlijiet b’saħħithom bħala eżempji ta’ “letteratura ta’ protesta”?
Hemm ħafna protesta iżda hemm ukoll ħafna poeżija f’din il-ġabra ta’ Karl Schembri u fit-tieni ġabra ta’ Nadia Mifsud
