F’ismi, f’isem id-Dipartiment tal-Malti tal-Università, u f’isem il-membri tat-tim li jikkoordina l-proġett fuq It-Tradizzjoni Orali, nixtieq insellem lil Marlene Mifsud Chircop li għadha kemm ħallietna.
Nixtieq nagħti l-għomor lil ulied Marlene u l-familji tagħhom f’dan il-waqt ta’ niket kbir għal kulħadd, imma speċjalment għalihom.

Marlene kienet ħabiba, kollega, u riċerkatriċi li ħadmet bla heda, tul ħajjitha kollha, sal-aħħar, fuq it-tradizzjonijiet orali tagħna u fuq il-folklor b’mod ġenerali. Din hija telfa kbira għalina lkoll. Imma huwa wkoll il-mument biex nerġgħu nirringrazzjawha tal-kontribut imprezzabbli tagħha.
Marlene kienet għalliema tiegħi meta kont student tas-sekondarja fil-Kulleġġ San Alwiġi mal-erbgħin sena ilu. Fl-2016 sirt nafha iktar mill-qrib meta bħala dipartiment nidejna l-proġett fuq il-wirt mitkellem tagħna u ridna naħdmu ma’ dawk kollha, riċerkatura fl-akkademja u fil-komunità, li ddedikaw ħajjithom għal din ir-riċerka.
Sa mill-bidu, Marlene kienet membru tat-tim li jikkoordina l-proġett u ħadet sehem attiv fid-diskussjonijiet fuq in-natura u l-firxa tal-proġett, fuq l-oqsma li xtaqna nagħmlu riċerka ġdida fuqhom, u fuq is-suġġetti tat-taħditiet. Għenet ukoll fit-tħejjija professjonali ta’ riċerkaturi żgħażagħ biex dan il-qasam ikompli jiżviluppa.
Marlene ħadmet mill-qrib mar-riċerkatriċi żagħżugħa, Yanika Schembri Fava, u għallmitha ħafna affarijiet li tgħallmet fuq l-oqsma differenti li ħadmet fuqhom.
Fl-istess ħin, Yanika għenet lil Marlene fil-ħidma tagħha li baqgħet għaddejja sal-aħħar u naf sew kemm Marlene kienet tħobbha, temmen fiha u tapprezza l-għajnuna tagħha. Min jaf kemm kienu jsibu xi jgħidu fil-karozza ta’ Yanika u fid-dar ta’ Marlene meta kienu jkunu flimkien. Is-sabiħ ta’ proġett “b’qalb kbira” bħalm’hu dan hu li jiffaċilita inkontri u ħbiberiji bħal dawn.

Uħud mill-50 taħdita li saru fis-sensiela dwar It-Tradizzjoni Orali għamlithom Marlene stess jew b’xi mod kienet involuta fihom. Kull meta kienet tagħtina ħjiel li kellha suġġett għal taħdita konna naħtfuha fil-kelma u naraw li jkollha l-għajnuna kollha li kellha bżonn biex tagħmilha.
Kuntent ħafna li ffilmjajna dawn it-taħditiet u bi ftehim magħha xandarniehom fuq il-mezzi soċjali biex ikun jista’ jarahom kulħadd.
Permezz ta’ Yanika, Daniel Bezzina u Joseph Borg, u bl-appoġġ ta’ Bernard Micallef u Michael Spagnol, ħdimna mill-qrib ma’ Marlene biex ngħinuha tiddokumenta l-kitbiet akkademiċi u l-materjal etnografiku tagħha u ta’ żewġha, il-mibki Ġorġ Mifsud Chircop. Marlene xtaqet li dawn ikunu disponibbli għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-etnografija ta’ Malta u tal-Mediterran.
Fuq is-sit tradizzjoniorali.org (u eventwalment fuq malti.mt) tistgħu taraw u tapprezzaw ix-xogħol kbir li għamlet Marlene fuq il-kultura f’Malta u fil-Mediterran u forsi titħajru tibnu fuqu, kif qed nagħmlu fil-proġett tagħna, u b’hekk tkomplu fejn ħalliet hi u fejn ħallew ħafna riċerkaturi bravi oħra.

Bdejt din il-kitba bil-ħasda u d-diqa ta’ telfa kbira li ħasditni u nikktitni. Imma jien u nikteb dwar Marlene, inħoss li l-għatx bla qies tagħha biex tisma’ lin-nies u tiskopri dejjem elementi ġodda tal-wirt mitkellem tagħna qed jimlieni bil-ħeġġa li qatt ma kienet nieqsa minnha hi.
Grazzi ta’ dak kollu li għamilt għall-għarfien tal-kultura popolari tagħna, Marlene. U grazzi ta’ kemm nebbaħtna.
Adrian Grima
Ftit riżorsi minn It-Tradizzjoni Orali
- Marlene Mifsud Chircop, “It-12-il Ħrafa tas-Seħer Maltin ta’ Stumme skont Propp u l-Funzjonijiet tal-Ħrafa” (2018)
- Marlene Mifsud għamlet taħdita fuq “Il-Ħrejjef ta’ Ġaħan u l-Irrakkuntar Tagħhom“ (2018)
- Marlene Mifsud Chircop, Bernard Micallef, Carmel Cassar, Mark Montebello, “Il-Qtil ta’ Patri Viċenz Grimani” (2017)
- Marlene Mifsud Chircop, “L-Għana tal-Fatt” (2016)

Tghanniqa lill-memorja ta’ Marlene, Kienet studentessa tieghi l-Universita x