L-Erbgħa 24 ta’ Ġunju 2020, bejn is-6.00pm u s-7.30pm, Campus FM 103.7 se jxandar żewġ taħditiet dwar il-letteratura: bejn is-6.00pm u s-6.45pm Dr Antony Licari se jitkellem fuq Committed Literature of Committed Writers Part 5, waqt li bejn is-6.45pm u s-7.30pm, il-Prof. Adrian Grima mid-Dipartiment tal-Malti se jitkellem fuq Letteratura Mqarba: Passaport ta’ Antoine Cassar.

Dawn it-taħditiet huma parti minn sensiela għall-istudenti tal-Università tat-Tielet Età u għall-pubbliku inġenerali.
Hawnhekk issibu l-lectures kollha li saru mit-18 ta’ Marzu 2020. https://campusfm.um.edu.mt/pages/webcastspages/Spring_20/uni3.htm

Mill-Introduzzjoni:
Il-letteratura hija dejjem imqarba. Dejjem tisfida l-ideat u r-regoli stabbiliti ta’ żmienha. ´Iġġegħelna nħarsu lejn l-affarijiet b’mod differenti, b’mod li naraw realtajiet li qatt ma nkunu rajna qabel. Il-letteratura hija dejjem imqarba għax waqt li tibni fuq il-lingwa magħrufa, stabbilita, tkissirha u tibniha mill-ġdid, kif jidhrilha hi.
Biex nuża espressjoni komuni, forsi ftit goffa, il-letteratura għandha alla għaliha. U aħna, bħala qarrejja, bħala semmiegħa tal-letteratura, dejjem nippretendu affarijiet mhux tas-soltu minnha. Ma rridux rendikont ġurnalistiku. Ma rridux trattat filosofiku, jew analiżi purament politika, jew soċjoloġika, jew psikoloġika. Aħna mil-letteratura nistennew il-mhux tas-soltu, is-sogru. Imma mhux sogru għall-gost tas-sogru.
Mhux l-użu sempliċiment sensazzjonali tal-lingwa, jew il-promozzjoni ta’ ideat u esperjenza sensazzjonali, biex jimpressjonaw. Għax mil-letteratura nistennew ukoll, b’xi mod, l-onestà.