F’dawn il-limerikki mnebbħin mill-imxija tal-Covid-19 immur kontra n-natura u l-ispirtu tal-limerikki: l-umoriżmu. La huma tad-daħq u lanqas psataż. Niddubita tistax issejħilhom limerikki.
Jixbhu lil-limerikki biss fl-istruttura. Imma lanqas hemmhekk ma kont fidil għalkollox lejn l-istruttura tal-limerikka li jiddeskrivi Oliver Friggieri fid-Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji. Skont iż-żewġ eżempji li jagħti minn Anton Buttigieg, l-ewwel, it-tieni u l-ħames vers huma novenarji waqt li t-tielet u r-raba’ huma senarji. Din hija l-iskema li nimxi fuqha f’ħafna minn dawn il-limerikki, bħal “Perversi.” Kultant fit-tliet versi t-twal nuża d-dekasillabu u fid-distiku nuża s-settenarju, bħal fil-każ ta’ “Vaż”, u kultant nikteb tliet endekasillabi u żewġ settenarji, bħal f'”Bullettin.”
Imma iktar ma bdejt ktibt, iktar bdejt inżomm mal-iskema 9 – 9 – 6 – 6 – 9, bil-pied amfibrakkju, jiġifieri sekwenzi ta’ tliet sillabi li fihom tan-nofs biss hija aċċentata.























































