Jien m’iniex lingwista. Dawn l-għaxar kummenti ddiskutejthom ma’ kollegi li huma lingwisti, l-aktar ma’ Dr Michael Spagnol, imma fl-aħħar mill-aħħar fihom se ssibu r-riflessjonijiet tiegħi.
Nittama li jgħinukom tapprezzaw dejjem aktar ilsienna bħala organiżmu ħaj li għandu storja twila imma għandu wkoll il-ħila li jiġġedded. Dan it-tiġdid inwettquh kuljum aħna li nħaddmu dan l-ilsien li, bħal kull ilsien ieħor, huwa uniku.
L-imxija tal-COVID-19 u l-Malti | 10. NAZZJONALI U UFFIĊJALI
Dan ir-ritratt ta’ waħda mill-konferenzi stampa tal-Prof. Charmaine Gauci jiġbor fi stampa waħda l-istatus tal-lingwa nazzjonali ta’ Malta, il-Malti, u t-tliet lingwi uffiċjali, jiġfieri l-Malti, l-Ingliż u l-lingwa tas-Sinjali.

Proset lill-awtoritajiet tal-mod serju u regolari kif qed jikkomunikaw magħna, anki ma’ dawk li ma jafux bil-Malti u dawk li jużaw il-lingwa tas-sinjali,.
imxija | kwarantina | iżolament | test li joħroġ pożittiv jew negattiv | tieħu l-virus, tlaqqat il-virus, tibla’ l-virus, timrad bil-virus | pulmonite | tbegħid soċjali | għeluq parzjali, għeluq totali | ventilaturi | il-mewġa tat-tsunami | individwu (dejjem maskil) | persuna (dejjem femminil) | Supretendent tas-Saħħa Pubblika
Saħħa u sliem lil kulħadd
Adrian
L-imxija tal-COVID-19 u l-Malti | 9. INDIVIDWU MINGĦAJR “A”
Meta kien qed jitkellem fil-bulettin tal-aħbarijiet tat-8.00pm fuq l-istazzjon nazzjonali, il-Prim Ministru semma “l-individwu, jew l-individwa.” Issa fil-Malti, “individwa” ma teżistix u ma tistax tużaha. Imma fiha nfisha, din formazzjoni interessanti.

Kien qed jitkellem fuq ir-restrizzjonijiet ġodda li għadhom kemm daħħlu l-awtoritajiet biex inrażżnu t-tixrid ta’ din l-imxija insidjuża: “qed nirresponsabbilizzaw lill-indvidwu, jew lill-individwa, illi jagħmel l-aqwa għażla fiċ-ċirkostanzi ta’ dik il-familja partikulari”
Il-kelma “individwu” tirreferi kemm għal mara u kemm għal raġel. Imma hija grammatikalment maskil, bħalma l-kelma newtrali “persuna” hija grammatikalment femminil. Aktarx li l-Prim Ministru ħoloq “individwa” għax ried ikun inklussiv. Għall-kollega tiegħi Dr Immanuel Mifsud, dan huwa eżempju “tal-pressjoni li ħafna minna qegħdin iħossu biex ikunu politikament korretti. Billi din il-pressjoni hija fenomenu riċenti, uħud (jew ħafna) minna jitfixklu, speċjalment fin-nuqqas ta’ gwida mill-esperti tal-lingwa jew minħabba li hemm ideat differenti u kunfliġġenti.”
Naħseb li hemm fattur ieħor. Għalkemm ħafna minna nagħmlu sforz biex nużaw ilsienna sew, nafu wkoll li l-Malti joffri ċerti possibilitajiet (bħal meta lit-tifel tgħidlu “żgħiru” jew tivvinta xi ħaġa bħal “żgħirina”) u li nistgħu nikkreaw biex nissodisfaw bżonnijiet ġodda.
Jiġifieri minn banda rridu ngħidu mingħajr tidwir li fil-Malti teżisti biss “individwu” u ma tistax tuża “individwa”, u mill-banda l-oħra, nistgħu nħarsu lejn dan l-iżball u nirriflettu fuq x’nistgħu nagħmlu, kif qed turi s-sensiela eċċellenti li ġġib l-istess isem fuq TVM, bi Lsienna.
L-imxija tal-COVID-19 u l-Malti | 8. LOCKDOWN
Din l-imxija ġabet magħha armata żgħira imma determinata ta’ kliem, minn “coronavirus”, “curve” u “contact tracing” sa “swabbing”, “social distancing” u “lockdown”. Virus ġdid, terminoloġija ġdida.
Jidher li l-kelma “lockdown” bdiet fl-Amerka bejn l-1970 u l-1975. Inħolqot fuq il-mudell ta’ nomi bħal crackdown u shutdown. Skont l-Oxford English Dictionary, tfisser, fost l-oħrajn, “a state of isolation, containment, or restricted access, usually instituted as a security measure; the imposition of this state.”

Id-dizzjunarji ma jagħtux verżjoni Maltija ta’ “lockdown”. Is-sit tat-terminoloġija tal-UE, l-IATE, jagħti l-istess kelma, “lockdown”, bħala l-verżjoni Maltija. Google Translate jagħmel l-istess.
Il-mezzi tax-xandir Taljani u Franċiżi qed jużaw “lockdown” ukoll. Rai News xandru artiklu dwar “Ocse: ogni mese di lockdown fa perdere due punti di Pil.” Fi Franza, il-ġurnal Libération kitibha bil-korsiv, “l’exécutif a donc décidé le lockdown complet du pays.” Le Monde tefagħha bejn il-virgoletti, “la Norvège et le Danemark sont en « lockdown » (blocage)” u ttraduċiha fil-parenteżi bħala “blocage”, meta jieqaf kollox, jew, skont Joseph Cutayar, “imblokk”.
Le Monde kien diġà uża “lockdown” f’artiklu li xandar fl-2016 dwar l-attakki terroristiċi fi Brussell.
Bl-Ingliż jidher li qed jużaw prepożizzjonijiet differenti ma’ “lockdown”: The New Yorker ippubblika storja dwar “Life on Lockdown in China” waqt li The Washington Post kitbet, “As India goes into lockdown, fear spreads”. Il-BBC ħareġ artiklu dwar “Coronavirus: A snapshot of American life under lockdown.” On, into, under.
Jidhirli li l-Ministru Chris Fearne, waqt konferenza stampa, sejjaħ il-lockdown “għeluq totali.” Nissakkru ġewwa. U jieqaf kollox. Imma għadna ma wasalniex s’hemm. Għall-Prim Ministru, fuq TVM, “Din mhix lockdown”.
L-awtoritajiet konvinti li min irid għeluq totali minnufih qed jgħaġġel. Bir-raġun iridu jtawlu l-mewġa. Kif tista’ ma taqbilx?
L-importanti li naslu qawwijin u sħaħ sal-istaġun tal-mewġ l-ieħor, il-proprja. Għax fis-sajf, mingħajru, jaqbadni breakdown.
L-imxija tal-COVID-19 u l-Malti | 7. IRRIDU NKUNU NEGATTIVI
Bil-Malti ngħidu li bniedem għandu l-virus, ħa l-virus, marad bil-virus, laqqat il-virus, jew bela’ l-virus. Għamlulu t-test u ħareġ pożittiv.
L-espressjonijiet “sabuh pożittiv” u “ttestja pożittiv” deħlin (jew daħlu). Sħabi l-lingwisti dejjem ifakkruni li l-lingwi huma organiżmi ħajjin u l-ħin kollu jinbidlu. U jiġġeddu. Huwa normali taqbad espressjoni minn lingwa oħra u taqlibha għall-Malti (tkun qed toħloq dak li jgħidulu “kalk”).
Il-mod kif qed jintuża l-verb “ittestja” fil-frażi “ttestja pożittiv” jinstema’ stramb fil-Malti. Hija “formazzjoni ġdida”. Għandna bżonnha? F’kuntesti oħrajn nużaw “irriżulta pożittiv” (jew “negattiv”).
Il-verb “ittestja” nużawh, ovvjament, bħal fil-frażi “ttestjat l-ilma.” Jiġifieri dan il-verb nużawh bħala verb “tranżittiv.”
Il-punt tiegħi hu li għandna għadd ta’ kliem u frażijiet li sabu posthom fi lsiennha u li bihom nistgħu nvarjaw id-diskors. B’dan il-mod inkunu qed nużaw ir-riżorsi kollha tal-Malti. M’hemmx għalfejn bilfors nittraduċu l-frażi kif inhi mill-Ingliż.
F’artiklu li deher ftit jiem ilu kien hemm din is-sentenza: “Dan ifisser li issa n-numru totali ta’ persuni f’Malta li ttestjaw pożittivi għall-Covid-19 laħqu l-110, li tnejn minnhom huma mfejqa għal kollox.”
Jien kont nikteb xi ħaġa hekk: “Dan ifisser li n-numru ta’ persuni f’Malta li mardu bil-Covid-19 laħaq il-110 u minnhom tnejn fiequ għalkollox.”
Il-frażi “ttestja pożittiv” ġejja mill-Ingliż, imma tidher ukoll fil-Franċiż. Ftit jiem ilu The New York Times ippubblikaw artiklu dwar “Celebrities, Athletes and Politicians Who Have Tested Positive for Coronavirus,” waqt li RFI qalu li fl-Iżvizzera, “plus de 10 600 ont été testés positives.”
Fit-Taljan jużaw frażijiet simili. Fil-Corriere della Sera tat-12 ta’ Marzu kien hemm artiklu dwar “Coronavirus, per quanto tempo un soggetto positivo ma asintomatico resta contagioso?” Il-ġurnalista kitbet frażijiet bħal “chi è stato trovato positivo”. Xi drabi r-rabta mat-“test” hija espliċita, kultant impliċita.
Ċertu kliem u ċerti frażijiet jiksbu popolarità f’salt, u mbagħad jiżvintaw. L-importanti li fejn tidħol din l-imxija qattiela, kif iħobb jgħidli Michael Spagnol, ir-riżultat joħroġ dejjem negattiv.
L-imxija tal-COVID-19 u l-Malti | 6. PERSUNA
Il-kelma “persuna” hija dejjem mara (anki meta tkun qed titkellem fuq raġel).
Ħa ngħidha mod ieħor: “Persuna” hija nom fil-femminil. Dejjem.
Biex nieħu eżempju mill-interventi tal-virologu Dr Chris Barbara fil-programm Dissett tal-Erbgħa 25 ta’ Marzu:
- meta nidentifikaw persuna infettata bil-virus tal-Covid-19
- naraw il-kuntatti kollha li kellha dil-persuna
- it-tobba jistaqsu lill-persuna fejn kienet u ma’ min iltaqgħet
Kultant tinduna kemm persuna taf titkellem mill-mod kif tuża l-kelma “persuna”. Jekk tużaha fil-maskil (għax tkun qed tirreferi għal raġel) ifisser li mhix qed tirrispetta r-regoli elementari tal-lingwa.
L-iżball jaf ġej mill-fatt li kelmiet bħal “kollega” u “vittma” tista’ tużahom fil-femminil jew fil-maskil skont is-sess tal-persuna li tkun qed tirreferi għaliha. Ngħidu aħna, “Għandi kollega tiegħi għadhom kemm għamlulha t-test tal-Coronavirus,” jew, “Kollega tiegħi ġie lura mis-safar ilbieraħ u mill-ewwel laqqat il-kwarantina.”
Dawk li jsibuha bi tqila biex jgħidu “din il-persuna” meta jkunu qed jirreferu għal raġel jistgħu jużaw “bniedem,” “dan il-bniedem.” Fil-każ ta’ mara jistgħu jużaw il-kelma “bniedma”).
Nispera li l-użu ħażin ta’ “persuna” huwa biss passa.
L-imxija tal-COVID-19 u l-Malti | 5. TISLIJIET FI ŻMIEN TA’ KRIŻI
Kemm ilha li bdiet din il-kriżi, sirt ferm aktar konxju ta’ kif intemm l-emails tiegħi.
Kumbinazzjoni jien minn dejjem nuża “Saħħiet.” Għandi l-impressjoni li din b’xi mod kont ħadtha mingħand Oliver Friggieri.

Imma hemm ukoll “Saħħa,” li qiegħda iktar f’ħalq in-nies.
Sħabi tad-Dipartiment tal-Malti, il-Prof. Albert Borg, il-Prof. Arnold Cassola, Dr Immanuel Mifsud, u Dr Michael Spagnol, ipproponewli wkoll:
“Ħu ħsieb saħħtek”
“Kuraġġ”
“Agħmel il-qalb”
“Qawwi qalbek”
Jalla dan l-għawġ jgħaddi ma jdumx.
Nawgura fejqan ta’ malajr lill-morda u x-xogħol lil min tilef xogħlu jew tilef parti mis-salarju tiegħu.
Saħħiet
Adrian
NOTA:
Fil-kummenti tal-qarrejja ta’ dan il-messaġġ kien hemm għadd ta’ proposti: Saħħa u sliem, Tgħanniqa, Ħu ħsiebek, Ħu ħsieb saħħtek, Nixtieqlek is-Saħħa, Ir-risq, u Is-sliem.
L-imxija tal-COVID-19 u l-Malti | 4. IL-MEWĠA TAT-TSUNAMI
Mingħajr l-għodda tal-metafora ma nistgħux naħsbu u nitkellmu fuq affarijiet bħall-mard li jew ma jidhrux, jew ikunu astratti, jew ma jkollhomx struttura.
Il-Ministru Chris Fearne nqeda bil-metafora konvenjenti tal-mewġa tat-tsunami biex jispjega l-istrateġija tal-awtoritajiet tas-saħħa Maltin fejn tidħol l-imxija ta’ Covid-19.
Mewġa ta’ tsunami, li tkun kbira u tiġi f’salt, ma nistgħux inlaħħqu magħha. Imma mewġ żgħir li jibqa’ ġej, imqar fuq medda twila ta’ żmien, nistgħu nlaħħqu miegħu. Fl-immaġinarju tagħna, tsunami huwa katasfrofi naturali li ma nistgħux nikkontrollawha, traġedja liema bħalha.
Ix-xbieha tat-tsunami daħlet bil-goff fil-kuxjenza kollettiva tagħna meta seħħ terrimot fl-Oċean Indjan fl-2004. F’dik it-traġedja umana mietu mal-230,000 ruħ. Minn dakinhar ‘il quddiem, il-kelma “tsunami” saret parti mil-lingwaġġ ta’ kulħadd u bdiet tintuża bħala metafora f’ħafna ċirkustanzi.
L-argument tal-Ministru tas-Saħħa hu li firxa f’salt u bla kontroll tal-coronavirus joħloq terremot li kapaċi jfarrak is-sistema tas-saħħa tagħna. L-implikazzjoni hi li n-nies jibdew imutu mhux għax ikollhom kundizzjoni li ma tfiqx minnha imma għax is-servizzi tas-saħħa ma jibdewx ilaħħqu mal-każijiet.
Qed jintużaw metafori oħrajn ukoll, bħall-metafora tal-“ġlieda” jew tal-“gwerra” kontra “għadu li ma jidhirx.” Ngħidu aħna, il-gazzetta The Guardian ta’ Londra kellha artiklu lbieraħ bl-isem, “NHS hospitals likened to war zones as doctors prepare to make grim decisions.” U dalgħodu fuq is-sit tar-RAI: Parla il commissario all’emergenza: Arcuri, l’Italia reagisce al coronavirus “Combattiamo un nemico invisibile.” L-għadu inviżibbli.
Min-naħa l-oħra, artiklu li deher fl-India Today tat-18 ta’ Marzu b’xi mod jeħodna lura minn fejn bdejna: “Coronavirus impact greater than tsunami: Malaysia warns of Covid-19 spread if curbs ignored.” Imma din mhix metafora: hawnhekk l-awtoritajiet tal-Malasja qed iqabblu sitwazzjoni ma’ oħra.
L-imxija tal-COVID-19 u l-Malti | 3. PULMONITE
Bil-Malti ngħidu “pulmonite” (għal “pneumonia”), marda serja li tiġi b’infjammazjoni tal-pulmuni, anki minn irjieħ. Hemm ukoll bronkopulmonite, marda aktar kumplikata b’infjammazjoni tal-bronki wkoll, barra l-pulmuni. Missieri kien iwissina biex noqogħdu attenti għax nibilgħu xi pulmonite.
L-imxija tal-COVID-19 u l-Malti | 2. Kwarantina u Iżolament
KWARANTINA: Bil-Malti ngħidu “toqgħod kwarantina,” “qiegħed kwarantina,” “żammewha kwarantina,” “poġġewhom kwarantina,” “għadha kwarantina,” “ilha kwarantina,” “spiċċajt il-kwarantina” (mingħajr prepożizzjonijiet bħal “fi” u “taħt”).
Jiġifieri żmien li fih passiġġieri jew bhejjem jinżammu maqtugħin min-nies meta jkun hemm suspett ta’ xi epidemija fil-pajjiż mnejn telqu (Id-Dizzjunarju Malti u Teżawru ta’ Malti Mħaddem).

Jien qiegħed kwarantina għax kont Pariġi, imma din il-kelma nużawha wkoll għal min qiegħed f’iżolament biex ma jinxteridx il-mard minkejja li ma jkunx siefer. Fil-fatt, l-awtoritajiet tas-saħħa qed jużaw ukoll il-kelma “IŻOLAMENT,” ironikament minn “isola,” jiġifieri “gżira.”
Tista’ tkun kwarantina volontarja, kwarantina obbligatorja, kwarantina mandatorja, u kwarantina bilfors.
F’Il-Miklem Malti, Erin Serracino Inglott jippreferi l-verżjoni “KORANTINA.” Jgħid li ġejja mill-Isqalli, “curantina.” u tifhimha minħabba l-kuntatti kbar li Malta dejjem kellha ma’ Sqallija u l-portijiet tagħha. “Kwarantina” ġejja mit-Taljan “quarantena” u “quarantina,” ‘spazio di quaranta giorni in cui persone o cose provenienti da luoghi contagiosi vengono tenute in osservazione.”
Fid-Dizionario portatile Maltese-Italiano-Inglese ppubblikat Livorno fl-1843, Francesco Vella jikteb “quarantina” u jgħid li l-verżjoni popolari tal-kelma, kif jgħiduha n-nies, hija “curantina.” Fid-dizzjunarju tiegħu tal-1845, Giovanni Battista Falzon jagħti “kwarantina,” u l-istess jagħmel Dun Karm Psaila mitt sena wara fl-1947.
Skont Erin Serracino Inglott, “korantina” hija “żmien ta’ erbgħin jum (dari; illum jistgħu jkunu inqas) li fihom, passiġġier, jew dak li wasal fuqu fi gżiritna, ikun suspettat li sata’ ġieb miegħu xi mard jittieħed, jeħtieġlu jinżamm maqtugħ minn man-nies, taħt għajnejn is-sanità għal li jista’ jiġri; p.est. kull xorta ta’ żmien li fih xi ħadd jew xi mkien jeħtieġ li jinżamm segregat għal skopijiet ta’ saħħa ġenerali; nżamm korantina: inżamm ġewwa; ma tħalliex imur jiġġiera ‘l hinn u ‘l hawn, għal raġunijiet ta’ saħħa.
Il-kelma “kwarantina” tfisser ukoll affarijiet oħrajn, imma fuq hekk, f’dan iż-żmien ta’ ċaħda, mhux se nitkellem.
L-imxija tal-COVID-19 u l-Malti | 1. IMXIJA
IMXIJA – Bil-ħila tal-ġurnalisti u x-xandara, din il-kelma sabiħa li l-għeruq tagħha mill-ewwel jindikawlek xi tfisser, erġajna tajnieha prominenza.
Mid-dizzjunarju ta’ Erin Serracino Inglott, Il-Miklem Malti: IMXIJA, mard mexxej li joħduh bosta nies, bħall-influwenza, il-ħosba, eċċ.; mard li jintrikeb, epidemija.