Għal dawk, bħali, li fis-snin 80 u 90 tnebbħu mix-xogħol u mill-kitbiet ta’ Jean Vanier, l-aħbar dwar il-mod kif inqeda bil-poter spiritwali li kellu biex jabbuża sesswalment min-nisa hija aħbar verament kerha. Għad għandi kopja ta’ Community and Growth fil-librerija tiegħi. Naħseb li se nħalliha hemm. Biex ma ninsiex.
Kif naraha jien, l-unika ħaġa pożittiva f’din l-istorja hija li kienet L’Arche stess li kkummissjonat l-inkjesta u lbieraħ smajt il-mexxej preżenti ta’ L’Arche fuq il-BBC jesprimi s-sogħba u r-rabja tal-komunità kollha.
Huwa veru li l-bnedmin, anki l-allat, mhuma xejn għajr bnedmin tad-demm u l-laħam. Imma din l-ipokrizija tal-fundatur se tagħmel il-ħsara lil ħafna nies li emmnu fih u fil-komunità li waqqaf.
Jalla jsibu s-sabar.