L-Istorja tar-Raħal Jismu Malta

sherman_anderson_otu_img
Benedict Anderson in Amsterdam, circa 1958. (Melanie Anderson)

Ladarba n-nazzjonijiet huma essenzjalment narrazzjonijiet, hemm relazzjoni intima bejn l-arti tan-narrazzjoni u l-kunċett tan-nazzjon. Benedict Anderson jgħid li n-nazzjon huwa “komunità politika immaġinata” bħala limitata u sovrana. Hija komunità mistħajla għax il-membri qatt m’huma se jsiru jafu lil ħafna minn sħabhom il-membri l-oħra, jew imqar jiltaqgħu magħhom jew jisimgħu bihom. Minkejja dan, f’moħħ f’kull wieħed u waħda minn dawn il-membri hemm din ix-xbieha ta’ l-għaqda. Il-komunità nazzjonali hija sovrana għax in-nazzjonijiet iridu l-ħelsien; barra minn hekk, in-nazzjon nimmaġinawh bħala komunità għax dejjem nikkonċepuh bħala ħbiberija profonda u orizzontali.

Nations, like narratives, lose their origins in the myths of time and only fully realize their horizons in the mind’s eye.

Skond Homi Bhabha, din ix-xbieha tan-nazzjon, jew tan-narrazzjoni, tista’ tidher “impossibbilment romantika u metaforika żżejjed”, imma kien minn dawk it-tradizzjonijiet ta’ ħsieb politiku u lingwaġġ letterarju li ħareġ in-nazzjon bħala idea storika b’saħħitha fil-Punent, bħala idea li l-ġibda kulturali tagħha tinsab fl-għaqda impossibbli tan-nazzjon mal-qawwa simbolika.

Il-Kuxjenza Etnika u l-Valuri Tradizzjonali tal-Bdiewa

Il-kittieba ta’ wara l-Indipendenza rreaġixxew kontra l-isterjotipi dwar Malta li mlew il-letteratura romantika lokali u attakkaw b’mod speċjali l-atmosfera oppressiva fl-irħula żgħar u magħluqin li ġew idealizzati mill-kittieba ta’ qabilhom; imma xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn ir-riformisti donnhom baqgħu jemmnu li l-post veru ta’ Malta jinsab (biss?) fir-raħal rurali.

L-istoriku soċjali Carmel Cassar isib l-ewwel ħjiel tal-viżjoni romantika tal-kultura rurali fis-seklu 18 u fil-kitbiet ta’ intellettwali bħal Ġ.F. Agius De Soldanis (1712-1778) u Mikiel Anton Vassalli (1764-1829). Fil-kitbiet tiegħu f’nofs is-seklu 18, il-kanonku Għawdxi Agius De Soldanis ra l-kultura tal-bdiewa, b’nostalġija ċara, bħala l-kultura “vera” tal-Maltin. Il-kuxjenza etnika ntrabtet mal-valuri tradizzjonali tal-bdiewa minflok ma’ l-istil ta’ ħajja eteroġenja ta’ l-inħawi urbani l-ġodda u bdew iħarsu lejha bħala lqugħ jew difiża kontra “t-theddida” minn barra. L-eliminazzjoni tal-kultura urbana meqjusa bħala aljena “saffiet” il-kategorija popolari u wittiet it-triq biex il-kultura tradizzjonali tal-bdiewa sservi bħala bażi għall-kuxjenza etnika.

Min-naħa l-oħra, Vassalli, bħall-Ġakobini, għamel enfasi fuq “il-kriterju etno-lingwistiku tan-nazzjonalità bħala waħda mill-kundizzjonijiet għal ċittadinanza sħiħa.” Hu għaraf il-karattru uniku tal-lingwa tal-poplu u emmen li n-nies li mhumiex parti mill-passat komuni – dawk li huma “aljeni” – iridu jitqiegħdu ‘l barra mill-konfini tal-kultura nazzjonali. Fil-kunċett nostalġiku tiegħu ta’ passat nazzjonali komuni hemm moħbija l-kultura idealizzata tal-bdiewa assoċjata mal-ħelsien etniku tal-Maltin.

Cassar jargumenta li “l-għoti ta’ karatteristiċi etniċi tista’ tħares lejh bħala att ta’ reżistenza kontra l-modernizzazzjoni min-naħa tas-saffi aktar konservattivi tas-soċjetà.” Il-kwalitajiet etniċi li esprimew din il-pożizzjoni konservattiva bl-iktar mod effettiv kienu dawk tal-kultura tal-bdiewa. “This image transcribes the notion of peasant society as being, through the nature of their activity, extremely suspicious of all changes.”

Ir-Raħal Nazzjonali

Fir-rumanz Samuraj (1975) ta’ Frans Sammut, ir-raħal fejn isseħħ ħafna mill-ġrajja huwa metafora ta’ Malta ta’ wara l-Indipendenza li qed tipprova, u ħafna drabi ma jirnexxilhiex, tiffaċċja dik li Dennis Austin isejħilha l-”ħruxija ta’ l-indipendenza”. Ir-Raħal maqtugħ u għadu lura huwa mifni bin-natura bipolari ta’ l-istruttura soċjali tiegħu u fgat mill-Knisja b’saħħitha. Il-komunità morali tqis il-fatt li l-protagonista jirrifjuta li jġib ruħu bħall-oħrajn bħala sfida diretta għall-awtorità tagħha, u r-reazzjoni aggressiva tagħha ġġiegħel lil Samwel jirrikorri għall-memorja mnikkta imma fl-istess ħin sabiħa ta’ ommu għall-wens, bl-istess mod li Malta, li suppost hija indipendenti, mhuwiex jirnexxilha tinfatam mill-imgħoddi kolonizzat tagħha.

Ir-Raħal rurali tradizzjonali anonimu huwa dinja sħiħa fih innifsu, bl-insularità tiegħu, bl-organizzazzjoni u l-ġerarkija soċjali u reliġjuża tiegħu, u bil-politika tiegħu. Skond Oliver Friggieri huwa Malta sħiħa, sostituzzjoni metaforika ta’ l-isem proprju. Waħda mill-indikazzjonijiet tal-metaforiċità tar-Raħal hija l-fatt li, f’kuntest espliċitament Malti, hu jibqa’ bla isem. Ir-”R” kbira fl-isem tagħti l-impressjoni li dan huwa r-raħal Malti proprja, “ir-raħal nazzjonali”.

Id-distinzjoni fir-rumanz bejn ir-raħal u l-belt aktarx li hija reali għax fiż-żmien li nkiteb, l-antropologu Olandiż Jeremy Boissevain ra differenzi ċari fil-valuri, fl-ilbies u anki fid-diskors bejn dawk li jgħixu fl-inħawi urbani madwar il-Belt u l-Port il-Kbir u dawk li jgħixu fl-irħula.

Min-naħa l-oħra, bejn l-irħula nfushom, Boissevain ra “omoġeneità kulturalli ta’ l-għaġeb”, l-aktar minħabba l-influwenza unifikatriċi ta’ knisja b’saħħitha f’soċjetà żgħira u relattivament iżolata. Il-knisja parrokkjali tiddomina fuq id-djar miġburin madwarha u fuq ir-relazzjonijiet soċjali fi ħdan ir-raħal. Boissevain jemmen li għal sekli sħaħ, il-knisja kienet il-punt ta’ riferiment ewlieni għall-poter u l-awtorità fir-raħal u s-sors ta’ gwida morali. Min-naħa l-oħra, mir-riċerka tiegħu dwar iż-żwieġ u aspetti oħra tal-ħajja fit-tieni nofs tas-seklu 18, Frans Ciappara jikkonkludi li għandna nirridimensjonaw il-poter kbir li mingħalina kellha l-knisja matul l-aħħar mijiet ta’ snin fuq il-ħajja anki privata tal-Maltin. Iżda Boissevain jattribwixxi wkoll l-omoġeneità kulturali ta’ l-irħula lill-valuri kulturali simili li kellhom, il-lingwa, il-valuri morali u fatturi li fuqhom jistrieħu l-prestiġju u l-klassi.

Bejn ir-raħal anonimu ta’ Samuraj u r-raħal mistħajjel ta’ San Rokku ta’ Il-Għar tax-Xitan (1973) ta’ J. J. Camilleri hemm xebh li jolqtok minnufih. Fit-tieni paragrafu tar-rumanz, Camilleri jiddeskrivi ‘l San Rokku bħala “daqsxejn ta’ raħal moħbi f’wied qalb il-għoljiet, […] maqtugħ għalih waħdu mid-dinja u jiġi bogħod ħafna mill-eqreb belt kbira. Tista’ tgħid li l-biċċa l-kbira tad-djar huma mgeddsin qaqoċċa mal-knisja, neħħi xi ftit irziezet imxerrdin ‘l hawn u ‘l hinn mal-wilġa;” għaldaqstant, bħal Malta San Rokku huwa maqtugħ mill-pajjiżi l-kbar mimlijin attività u diversità (“belt kbira”). Bejn San Rokku u l-belt it-triq kienet “twila ma tispiċċa qatt;” għal Petriga il-belt kienet “in-naħa l-oħra tad-dinja.” Il-belt hija barranija, differenti ħafna mir-raħal ta’ San Rokku u r-ritorn tal-protagonista raġel Jumi Ħarr lejn pajjiżu jfisser li dak li kien “ta’ ġewwa” issa sar barrani u għaldaqstant l-isfida tiegħu għan-normi tal-komunità magħluqa tar-raħal hija inqas skandaluża. Bħala barrani mhux mistenni jġib ruħu bħal ta’ ġewwa, imma l-iżvantaġġ huwa li t-tentattivi tiegħu biex jisfida l-viżjoni tad-dinja u d-drawwiet tan-nies tar-raħal aktarx jitqiesu bħala irrilevanti għax ta’ ġewwa ma jemmnux li l-barranin kapaċi jkunu jafu u jifhmu dak li qed iseħħ fuq ġewwa.

Meta jitkellem dwar il-belt, Il-Għar tax-Xitan huwa mimli bi sterjotipi li jfakkruk fil-karikatura li jagħmel Juan Mamo f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka (1930-31) tal-mod kif emigranti illitterati Maltin mill-irħula jħarsu lejn l-Istati Uniti. Fir-rumanz ta’ Camilleri,

il-kappillan kien iħobb isemmiha ta’ sikwit il-belt il-kbira mikula b’ħażen u skandli ta’ l-għaġeb. Għal Dun Iddew il-belt kienet ix-xempju tad-dinja, wieħed mit-tliet għedewwa qliel tal-bnedmin.

Il-belt kienet il-mudell tad-dinja; iż-żewġ għedewwa ħorox l-oħra tal-bnedmin huma x-xitan u l-ġisem. Missier Jumi Sidor jesprimi din il-fehma meta jikkonkludi li l-belt irvinat lil ibnu u ġegħlitu jitlef il-fidi tiegħu, waqt li ommu, bħal Dun Iddew, tibża’ mis-seħer maġiku tal-belt li tqarraq bik. Jista’ jkun li n-narratur jaf b’dawn il-konċezzjonijiet żbaljati tal-belt, imma aktarx mhuwiex konxju tal-mod superfiċjali kif ġiegħel lil Petriga, it-tfajla ta’ Jumi, tħares lejn il-belt bħala post fejn ftit hemm spazju għall-valuri u l-morali.

Id-Diversità Kulturali u l-Eteroġeneità

L-identifikazzjoni ta’ Malta “proprja” ma’ rappreżentazzjoni konservattiva tar-raħal rurali eskludiet ċerti karatteristiċi tal-ħajja Maltija li huma marbutin mal-bliet ħajjin. Karatteristiċi ewlenin taċ-ċivilità urbana huma d-diversità kulturali u l-eteroġeneità, il-koeżistenza ta’ għadd ta’ gruppi, saffi u klassijiet soċjali bi drawwiet kulturali u modi ta’ ħajja differenti. Fil-każ ta’ Malta, l-influss kbir ta’ barranin u ta’ nies mill-irħula fiż-żoni urbani l-ġodda li beda fl-ewwel nofs tas-seklu 16 bil-wasla tal-Kavallieri f’Malta u ttrasforma lil Malta f’wieħed mill-iktar ċentri attivi fil-Mediterran, “biddel il-karattru etniku tal-popolazzjoni” u bil-mod il-mod ħoloq distinzjoni bejn il-mentalità urbana u dik tal-bdiewa. Cassar jemmen li

urban culture did not simply renew or transform earlier cultural practices, but organized them according to fundamentally new principles based on a ‘market economy.’ Obviously city life, independently of class attachments, ethnic identity and other traditional prejudices, was looked upon by the indigenous population as ‘alien,’ right from the very beginning of the Order’s rule.

Minn nofs is-seklu 16 żdiedet b’mod impressjonanti ċ-ċirkolazzjoni tan-nies minn u lejn Malta u dan wassal għall-ħolqien ta’ “atmosfera kosmopolitana li ħalliet il-marka tagħha fuq il-karattru tal-Belt Valletta u għamlet il-ġid anki fil-kampanja, speċjalment fl-attivitajiet kreattivi”.

Fil-qasam ekonomiku, il-Belt Valletta daħħlet il-modernità fil-Gżejjer Maltin bi swieq li saru postijiet fejn jitħalltu n-nies u fl-istess ħin isir in-negozju. B’dan il-mod, l-influwenza artistika u kulturali, l-informazzjoni u l-aħbarijiet kienu jaslu anki sal-kampanja. Il-Belt, bħal kull belt kapitali Ewropea oħra fil-perijodu modern bikri, kienet il-“power station” ta’ dan it-tibdil kulturali. Flimkien mal-bliet l-oħra fl-inħawi tal-Port il-Kbir, il-Belt immonopolizzat ir-riżorsi ekonomiċi u amministrattivi ta’ l-istat il-ġdid: “Tant kienet qawwija l-influwenza tal-belt kapitali li l-mod ta’ ħajja rurali fil-manifestazzjonijiet tiegħu kollha twaħħad simbolikament ma’ nuqqas ta’ suċċess kulturali, fehma li kienet partikularment mifruxa fost l-iktar intellettwali influwenti.”

Malta ma tistax tinfired mill-Baċir li tinsab fih. Il-Mediterran huwa reġjun ta’ vvjaġġar u kuntatti, ta’ skambji soċjali, kulturali u ekonomiċi u kunflitti antiki; il-ġeografija u l-istorja ħadmu biex il-kulturi tal-popli u l-viżjonijiet tagħhom tad-dinja jinfluwenzaw u jħallu lilhom infushom jiġu influwenzati minn xulxin u mill-popli li daħlu fil-Mediterran minn barra biex jagħmlu l-kummerċ bl-oġġetti u bl-ideat u biex jiġġieldu l-gwerer. Qatt daqs illum ma konna konxji ta’ kemm l-esperjenzi storiċi u kulturali huma “ibridi b’mod stramb”,

of how they partake of many often contradictory experiences and domains, cross national boundaries, defy the police action of simple dogma and loud patriotism. Far from being unitary or monolithic or autonomous things, cultures actually assume more ‘foreign’ elements, alterities, differences, than they consciously exclude.

Qari mill-ġdid tal-metafori li jagħtu struttura lill-kunċett ta’ Malta ma jistax jinjora lil din l-ibridità: jekk il-metafora ta’ Malta bħala raħal jew bħala omm, ngħidu aħna, ma tqisx l-irwol tal-gżira bħala wieħed mill-iktar ċentri attivi fil-Mediterran; u jekk ma tqisx l-ibridità inerenti fil-biċċa l-kbira ta’ l-esperjenzi storiċi u kulturali, irridu nistaqsu għaliex u x’inhuma l-konsegwenzi fuq il-mod kif “naħsbu” lilna nfusna.

Qari/Kitba mill-Ġdid ta’ l-Istorja Tagħna

Id-deċiżjoni ta’ komunità li “tirrakkonta lilha nfisha” tfisser li qed “twettaq” il-jedd li għandha fuq l-istorja tagħha permezz ta’ l-att liberatorju tan-narrazzjoni. Fin-nuqqas ta’ narrazzjoni orali mifruxa, il-letteratura trid terfa’ responsabbiltà tabilħaqq kbira: kull ġenerazzjoni, jgħid Quasimodo, trid tiffaċċja l-problema li ssib il-lingwaġġ tagħha; it-tiftixa għal lingwaġġ ġdid hija mhux biss leġittima imma indispensabbli.

Il-proġett “Bliet (u Miti)” ta’ Inizjamed, u sa ċertu punt anki l-proġett “Cityspaces” ikkoordinat mill-artist Raphael Vella, għandu l-għan li jagħmel proprju dan, li jaqra u jibni mill-ġdid “l-istorja”, l-immaġinarju nazzjonali Malti.

Awwissu 2002

Dan l-artiklu ġie ppubblikat l-ewwel darba f’Awwissu ta’ l-2002 fuq il-website ta’ Babelmed.net

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s