Il-Belliegħa tan-Nazzjon Maltija

Juann Mamo 

Dan l-artiklu ta’ Juann Mamo deher fil-gazzetta Il-Ħmar (1 ta’ Ġunju, 1921) u nkiteb  tliet ġimgħat wara l-mewt ta’ Manwel Dimech f’Lixandra

Lixandra, 10 ta’ Mejju 1921

Maltin,

In-nazzjon tagħna qiegħda tinbela’ f’belliegħa tal-għaġeb bla ma dak li jkun jintebaħ, u l-ħtija ta’ dan mhix ħlief ta’ min qieħged irieġi dik il-Gżira. Naraw kif:

Il-Maltin li qegħdin jiġu hawn l-Eġittu huma bil-wisq, u bħalma qegħdin jiġu hawn, kif naħsbu aħna, qegħdin ukoll jixxerrdu f’pajjiżi oħra mal-erba’ parti tad-dinja. Issa, jekk f’dan it-tixrid fi bnadijiet oħra qiegħed jiġri bħalma jiġri hawn, il-belliegħa fuq imsemmija tista’ tissejjaħ waħxija. Tara bħallikieku ‘il dak jew ‘il dan il-ġdid Malti, li wara li jaqbad jaħdem u jidra l-pajjiż, jibda biex jagħmel skont ma’ dan il-pajjiż irodd. Bħallikieku jinnamra ma’ din jew ma’ dik il-Franċiża, Griega jew Taljana aktarx flok Maltija, għax it-tlieta tal-ewwel aktarx iżjed idandnu; wara li jiżżewweġ, bejn għax ikun forsi ġa jaf xi ftit Taljan (nitkellmu għal eżempju fuq it-Taljana) bejn għax fl-ilsien il-mara tagħleb u bejn għax il-ġajji jagħti hekk jibdew fid-dar kollox bit-Taljan. Meta mbagħad ikollhom it-tfal, u jikbru, idarruhom li fid-dar kliem xejn ħlief bit-Taljan, għax dan l-ilsien juri li int iżjed sinjur u xieraq għal libsa kollha fjuri illi fuqu jew fuqhom ikollhom! It-tfal kif darrewhom baqgħu, u fi lsienhom ġa saru Taljani.

Barra dan, il-fieragħ missier, sabiex iżjed jista’ juri li hu pulit, juri li hu xi ħaġa, u sabiex ikabbar iżjed id-dehra ta’ moħħu f’għajnejn min jarah, jibda biex jekk kunjomu huwa Paris iżidlu I fit-tarf u jagħmlu Parisi, u hekk Camilleri Camiglieri, Borg Borge, Teuma Theuma, eċċ. biex b’hekk jista’ jgħid forsi li mhux Malti, u jekk hu, aktarx ġej mir-razza ta’ nies kbar, għax il-bużnannu tiegħu kien wieħed kbir fl-Italja, eċċ. F’każ bħal dan, jekk infittxulu l-arblu tar-razza insibuh Għawdxi gabillott f’ta’ Kerċem jew f’xi raħal ieħor.

F’dawn il-każijiet jinsabu ħafna, bħal ma nafu aħna, li ġieli ġew fi ġlied għax huma Bajada mhux dak Bajada ta’ Malta imma Bajada li jinqara Bagiadà b’daqqa t’aċċent gravissmu fuq l-aħħar a!!!… Għidulna xi nsejħulhom ‘il dawn f’ġieħ is-Sema!

Issa, immorru fejn konna, biex naqraw u nidħqu, jew aħjar nibku. Dak il-għaref missier miet, uliedu jitkellmu bit-Taljan (u xejn Malti) ommhom Taljana, id-dar Taljana, kunjomhom mibdul, u hekk, dik il-ferħa ta’ razza baqgħet miexja b’Taljana, (Franċiża, Griega, eċċ.) u daħlet fil-kbir xejn għall-Malti. Bħal dan qiegħed jiġri dlonk minn bosta Maltin fi friegħi stranġieri, u naħsbu li hekk ikattru l-belliegħa tan-Nazzjon Maltija!

Intom, o nies tal-hekk imsejjaħ Kumitat tal-Emigrazzjoni, wara li l-ewwel ħajjartu lil ħutna għall-ħruġ minn Malta tagħhom, u dewwaqtuhom il-ħlusija tal-Barrani, issa ridtu żżommuhom f’daqqa mill-ġdid għall-gaġġa, u fallielkom: għaliex, għall-inqas, qabel joħorġu ma turuhom it-triqat tas-sewwa u tgħallmuhom l-imħabba għal pajjiżhom? Għaliex iġġibuhom fi stat li jibdlu kunjomhom biex ma jurux li minnkom jiġu? li ma demmkom x’jaqsmu m’għandhomx? Huma b’hekk, barra milli javvelixxu lilhom infushom, javvelixxu wkoll lilkom, lit-tmexxija tagħkom, fejn b’hekk ukoll lilna iġagħlu li lil isimkom għala dejjem ta’ dejjem nisħtu.

Juann Mamo


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s