Edizzjoni extra ta’ IL-PONT għal dan is-sajf.
Għażiż Patrick,
Nixtieq nirringrazzjak b’mod partikulari tal-ħarġa ta’ IL–PONT ta’ Lulju 2019 li fiha toffri bosta spunti, perspettivi u esperjenzi tal-letteratura Maltija u l-letteratura b’mod ġenerali. Minħabba l-firxa tagħha u l-konsistenza tiegħek bħala l-fundatur u l-editur, ir-rivista hija punt ta’ riferiment għal dawk fostna li jsegwu b’mod regolari dak li qed jiġri fil-qasam tal-letteratura f’pajjiżna.
L-iktar ħaġa li laqtitni fil-ħarġa ta’ Lulju kienet l-għadd ta’ vuċijiet li fiha, vuċijiet minn diversi oqsma u li joffru perspettivi differenti. Hemm il-kelma tal-poeti u tar-rumanziera, kummenti kritiċi, u riflessjonijiet personali; hemm ukoll għajnuniet għall-għalliema u l-istudenti li jridu jibdew jiskopru xogħlijiet Maltin mill-perjodu Riformista, Modern u kontemporanju. Il–PONT kemm bħala destinazzjoni u kemm bħala punt tat-tluq.
L-editorjal tiegħek dwar il-letteratura bħala reżistenza ġegħelni naħseb fuq kif din il-ħarġa ta’ IL–PONT hija att ta’ reżistenza. Illum, ir-ritmu inevitabbilment “kontra” tal-letteratura jisfida, aktar minn qatt qabel, il-ferneżija tal-messaġġ marsus f’280 karattru; il-kultura tal-botta u risposta; is-simplifikazzjonijiet estremi f’dinja dejjem aktar “ċkejkna” u fl-istess ħin dejjem aktar kumplessa; l-illużjoni dejjem akbar li fhimna storja sħiħa għax rajna servizz ta’ minuta u nofs fuq l-Aħbarijiet; il-liġi l-ġdida tal-approvazzjoni immedjata, tal-Like. F’dan is-sens ukoll, ir-ritmu nnifsu tal-letteratura huwa reżistenza, qdif kontra l-kurrent. Il-letteratura hija reżistenza għax tirrakkonta minn angolu mhux mistenni, kultant skomdu, angolu li ħafna drabi jheżżeż “is-sewwa magħruf”.
Naturalment, hemm tipi differenti ta’ reżistenza. Jien nemmen li ma jeskludux lil xulxin. Mhumiex aħjar minn xulxin. M’hemmx għalfejn inġellduhom ma’ xulxin. Tista’ tinżel fit-triq ma’ mijiet ta’ nies fi Gwardamanġa biex tipprotesta kontra l-“ġenn” (biex nikkwota lis-Sur Sandro Chetcuti) fl-industrija tal-bini, kontra l-imwiet tal-ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol, favur id-drittijiet tal-ġirien maqbudin fil-morsa ta’ dan il-“ġenn,” kontra l-kultura tat-tarmak u l-konkrit li, kif għedt inti, Patrick, “qed iħaxxnu l-bwiet tal-ftit”. Jien nemmen li mhux biss l-awturi imma l-Maltin kollha għandhom jipprotestaw iktar fit-toroq, li rridu nrawmu dik li Wayne Flask tal-Moviment Graffitti sejħilha “l-kultura tal-protesta” pubblika. Imma anki l-letteratura ġenwina, il-letteratura li tiċħad l-isterjotipi, hija att ta’ reżistenza għall-kultura tal-banalizzazzjoni tal-kliem, tal-ħajja u tal-ambjent.
Jien u nerġa’ naqra f’din il-ħarġa “Kull Meta Jmut Poeta” (Lill-poeta Carmel Attard, 1943-1994), ħsibt fuq l-ironija profonda li hemm f’din il-poeżija “klassika” ta’ Louis Briffa: minn banda hemm l-irrelevanza tal-poeti f’soċjetà (li aħna parti integrali minnha) li sikwit tidher tant indifferenti lejn il-fraġilitajiet tal-ħajja, soċjetà li saħansitra tbigħ, tikkummerċjalizza dik il-fraġilità; u mill-banda l-oħra hemm il-forza sovverżiva tar-ritmu tal-poeżija, tax-xbihat awdaċi u kburin, tat-taħdita mqanqla mal-istorja antika tagħha, poeżija li hija stqarrija ta’ fidi fil-ħajja nfisha. Din u tant kitbiet huma att ta’ sovverżjoni, ta’ reżistenza. Għax joffru ritmu differenti.
Saħħiet
Adrian