It-Tradiment tal-Lingwa ta’ Marco Bellocchio

 

Wara d-diżappunt kbir ta’ Loro ta’ Paolo Sorrentino, apprezzajt kull waħda mill-140 minuta ta’ Il Traditore ta’ Marco Bellocchio fl-aħħar lejla tal-Valletta Film Festival fi Pjazza Teatru Rjal nhar il-Ħadd 23 ta’ Ġunju 2019.

Il-film ħareġ ftit ġimgħat ilu, fit-23 ta’ Mejju, fl-anniversarju tal-qtil, fl-1992, ta’ Giovanni Falcone, martu Francesca Morvillo, maġistrat hi wkoll, u t-tliet pulizija tal-iskorta tiegħu, Vito Schifani, Rocco Dicillo u Antonio Montinaro, f’Capaci, fi Sqallija. (Robert Aloisio kiteb żewġ kotba bil-Malti dwar Falcone u Borsellino u dawk li Sfidaw il-Mafia).

Jien la jien espert u lanqas midħla ta’ ħafna films. Qed nitkellem bħala spettatur komuni. Bellocchio juża l-figura ta’ Tommaso Buscetta bħala l-fokalizzatur matul il-film kollu. Ma joħloqx eroj minnu. Ma jimliex il-film bih. Fl-aħħar mill-aħħar jirrakkonta storja sempliċi: ħajjet Buscetta mill-perspettiva tiegħu. Seta’ għamel film sparpaljat (bħalma għamel Sorrentino). Seta’ pprova jirrakkonta “kollox.” Minflok jirrakkonta prinċiparjament ir-rwol tiegħu bħala “collaboratore di giustizia,” “pentito,” “traditore.” 

Ir-ritmu huwa mgħaġġel għax minkejja li l-film huwa twil, Buscetta għandu ħafna xi jgħid. U Bellocchio iktar minnu. L-isfond storiku u morali li fih isseħħ il-ġrajja huwa kbir. Ħafna ikbar milli jiflaħ film wieħed. Imma Bellocchio ma ħallinix bl-impressjoni li pprova jgħid wisq. Lanqas xejn.

L-angoli u d-dawl f’ċerti xeni għalija kienu memorabbli. Ovvjament il-film għandu tendenza jirrakkonta iżjed bix-xbihat u d-dellijiet milli bil-kliem, minkejja l-istorja assolutament verbali ta’ Buscetta.

Ma nimmaġinax li hu film li se jsammar lil min qed ifittex l-isperimentazzjoni ċinematografika. Fl-aħħar mill-aħħar kull xogħol artistiku tajjeb huwa riflessjoni fuq il-ġeneru li jħaddem. Imma kollox ma’ kollox, ma naħsibx li Bellocchio ried jagħmel film prinċiparjament dwar kif tagħmel film: naħseb li ried jirrakkonta waħda mill-akbar stejjer fl-istorja tal-Italja fit-tieni nofs tas-seklu 20.

Ix-xeni fl-aula bunker tal-Maxi Processo ta’ Palermo, sala li nbniet apposta fi ftit xhur maġenb il-ħabs ta’ Ucciardone, huma meravilja. Għal min jissaħħar bl-użu tal-kliem, dawn ix-xeni li fihom jitkellmu l-mixlijin ta’ Cosa Nostra huma festa ta’ ironija, metafora, manipulazzjoni tal-lingwa. Anki d-diskors ta’ Totò Riina, ir-re tar-retiċenza, l-alla tal-allat siekta, juża l-lingwa biex jgħid dak li ma jgħidx.

Bellocchio kellu fejn jixxala. Min jaf kemm ħa deċiżjonijiet diffiċli. Min jaf kemm “ċaħħadna” minn waqtiet memorabbli. Meta tisma’ lill-kriminali professjonali jużaw il-lingwa b’tant intelliġenza, b’tant malizzja, b’tant ħeffa, tispiċċa taħseb fil-limiti kbar tad-diskors pubbliku f’pajjiżna. Imma dik storja oħra.

Ġawhra dal-film. Kull pass. Kull angolu. Kull kelma.

 


 

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s