Isma’ Skizzi għas-Sette Giugno, b’jazz kontemporanju ta’ Dominic Galea u poeżiji ta’ Adrian Grima fuq Youtube u Spotify.

Skizzi għas-Sette Giugno, b’mużika jazz ta’ Dominic Galea u poeżiji tiegħi, issa jinsab fuq Spotify. Tistgħu tisimgħu l-album mingħajr ma tħallsu. Hemm seba’ siltiet li huma strumentali u disa’ siltiet qosra bil-mużika u l-poeżiji. Fil-poeżiji hemm versi minn rakkont ta’ Ġużè Orlando li kien fit-toroq tal-Belt mad-dimostranti.
Ħajr lil Dominic (pjanu u tastiera), Karl Galea (kitarra), Dean Montanaro (electic bass), Carlo Muscat (sassofonu), u Manuel Pulis (drums). Ħajr ukoll lil Manolito tar-rikording.
L-album fih disa’ poeżiji:
- Il-Korla Mhix
- Mherri dan l-Imperu
- L-Ilsna tal-Imgħoddi
- Bil-Munqar
- Xgħir
- Bħal Swied ta’ Qalb dil-Belt
- Ix-Xrara kalb il Porvli
- Il-Piena
- Fid-Dagħdigħa
Tista’ tisma’ l-poeżiji ta’ Skizzi għas-Sette Giugno fuq Spotify.


Ix-Xrara kalb il Porvli Chien nar tal biża u illi bħalu żmien cbir chien ilu ma jidher (Ġużè Orlando) Imbagħad, fi Strada Forni, is-Sibt 7 ta’ Ġunju, bdew ġejjin il-balal. Il-balal tas-suldati. bl-elmijiet. Bil-bajjunetti ppuntati. Uieħed mis-Suldati ta’ leuuel tir bil balla fuk il poplu, sħabu iccupiauħ, u il balal b’deu jinstemgħu ivenvnu għal fuk in-nies. U s-sħana tad-demm saħħnet il-qilla tal-folla. Ftit ’il fuq mill-posta iċċumbaw lil Manwel Attard. F’nofs moħħu. B’idejħ it-tnejn ta dakka fejn laktitu il balla u uaka mejjet fil colp. In-nies ressqu l-katavru fil-ġenb sewwa u qagħdu quddiemu, biex jiddefenduh. Lil Ġużè Bajjada, bil-bandiera f’idu, laqtuh f’ġenbu fi Strada Teatro. Ċarrtet kulma sabet, il-balla, il-ġilda, il-vini, il-fwied. Irvell sħiħ. Hu u jogħtor il-bandiera tħabblet miegħu u waqa’ fuqha, trab tat-triq, bandiera bajda u ħamra, u tbajja'. Tliet stejjer f’balla waħda. Fi Strada Teatro l-folla nfexxet fid-Daily Malta Chronicle. Kollox għal barra. Vendetta tal biża ! Meta l-balla għażlet lil Wenzu Dyer, Telak jiġri u uakgħa fit-truf ta ħajtu. Il-poplu refgħu u resku f’nofs il piazza preċis, resket malajr l’assistenza spirituali, iżda l’imsejchen mingħajr ma ġiè f’sessieħ, ħalla hua ucoll din il ħajja martri għal artu. Imbagħad fi Strada Rjali dehret ġemgħa bil-katavru ta’ Bajjada għadu mkebbeb fil-bandiera kollha tbajja’. L-għada l-Ħadd 8 ta’ Ġunju, wara nofsinhar, attakkaw il-palazz ta’ Francia, l-imperatur tad-dqiq. Ħdejn il-bieb tal-ġenb, il-morini nifdu ’l Karmenu Abela Flok sab ’il ibnu, sab is-sbatax-il pulzier tal-bajjunetta fi msarnu. Dam tmint ijiem jirreżisti. Sakemm fl-aħħar ċeda. U miegħu ċedew l-Ingliżi.