
Fi Frar kelli l-opportunità nżur il-Maghreb-Orient des Livres, festival ta’ tlitt ijiem tal-kotba mill-Magreb u l-Lvant Nofsani fil-bini majestuż ta’ Hotel de Ville fil-qalba ta’ Pariġi. Is-sessjoni dwar l-Iran, 40 sena wara r-rivoluzzjoni (Iran, an 40 après la Révolution), kienet eċċellenti. Tliet kittieba Franko-Iranjani tkellmu dwar ir-realtajiet kumplessi ta’ dan il-pajjiż mill-isbaħ.
Skont it-tliet kelliema, Azadeh Kian, Michel Makinsky, u l-moderatur Bernard Hourcade, għalkemm ħafna mill-Iranjani tal-lum huma Musulmani li jħaddnu bis-sħiħ it-twemmin tagħhom, huma nies miftuħin ħafna li jemmnu wkoll bis-sħiħ fid-distinzjoni bejn ir-reliġjon u l-istat. Imma t-tmexxija tal-pajjiż hija maqtugħa mir-realtà progressiva tan-nies fl-ibliet u ‘l barra mill-bliet. Il-grad tal-alfabetizzazzjoni huwa għoli ħafna u, fi ħdan is-sistema preżenti, in-nies iridu l-bidla u ilhom ħafna snin jiġġieldu biex isseħħ.
Is-soċjologa u studjuża tat-temi marbutin mal-ġeneru, Dr Azadeh Kian, tkellmet fit-tul dwar il-ġlieda li ilha sejra għexieren ta’ snin biex in-nisa jiksbu d-drittijiet tagħhom. Tkellmet fuq il-fatt li l-presidenti meqjusa bħala Riformisti ma wettqux il-bidliet mistennija biex il-mara jkollha l-istess drittijiet tar-raġel u fid-dar ir-raġel għadu jitqies bħala l-kap, stat ta’ fatt li għandu konsegwenzi kbar.
L-esperjenza tal-waħx tal-gwerra kontra l-Iraq ta’ Saddam Hussein li kellu l-appoġġ sħiħ tal-Amerka, l-Unjoni Sovjetika, Franza u ħafna pajjiżi Għarab (1980-88) għaqqdet lill-poplu. Skont il-kelliema hija gwerra li tispjega parzjalment in-nazzjonaliżmu fost il-poplu Iranjan. L-Iranjani huma kritiċi ħafna tal-gvern tagħhom imma ma jridux iwaqqgħuh għax m’hemmx alternattiva għalih. Il-kelliema qalu wkoll li l-poplu jqis li l-Iran huwa mhedded minn ħafna bnadi u mdawwar bil-gwerer. Hemm ukoll ir-rivalità reġjonali kbira mal-Arabja Sawdita, rivalità li skont il-kelliema m’għandha xejn x’taqsam mal-firda reliġjuża bejn ix-Xiiti u s-Sunni. Il-monarkija Sawdita tara lill-Iran bħala theddida kbira.
Minkejja r-ripressjoni, minkejja l-inġustizzji, l-Iranjani japprezzaw li għandhom gvern stabbli f’reġjun mimli kunflitti u theddid u l-poplu ma jridx ineħħih: irid jirriformah.
Xi ħadd mill-udjenza staqsa dwar l-involviment fis-Sirja. Il-kelliema qalu li dan seħħ biex l-Iran ikollu aċċess għall-Baħar Mediterran. Xi ħaddieħor staqsa jekk il-barranin jistgħux iżuru l-Iran. Ħafna nies tbissmu jew daħqu. Il-ġeografu espert tal-Iran li mexxa d-diskussjoni, Bernard Hourcade, wieġeb li l-ħafna barranin li jżuru l-Iran jissaħħru wara l-ġmiel tal-pajjiż u jħossuhom milqugħin ħafna mill-Iranjani. Imma l-Iranjani jiċċajtaw li ma jafux għalfejn il-barranin imorru l-Iran meta l-Iranjani jridu jitilqu.




Avec Yves Aubin de la Messuzière, Gilles Gauthier, Sid-Ahmed Ghozali, Manon-Nour Tannous. Modération : Christophe Ayad

Avec Stéphane Beaud, Omar Benlaala, Mehdi Charef, Slimane Dazi,Mabrouck Rachedi. Modération : Yves Chemla — ġo Maghreb-orient des livres 2019, Hotel de Ville, Paris.