Ħadt gost nisma’ lil Naomi Klein titkellem dwar temi li huma għal qalbi u għal qalb ħafna nies f’Malta, bl-ekoloġija fraġli tagħha.
L-argument ewlieni tagħha, kif interpretajtu jien, kien li l-kwistjoni tal-bidliet fil-klima globali huma marbutin sew mal-kapriċċi u l-egoiżmi tal-pajjiżi s-sinjuri, suppost żviluppati, u ma’ kwistjonijiet importanti ta’ governanza, spekulazzjoni finanzjarja, onestà, u neo-kolonjaliżmu.
Klein għamlet sforz biex ma tkunx pessimista, mhux għax ma mhuwiex loġiku li nkunu pessimisti imma għax ma nistgħux nagħmlu dan il-kapriċċ li jċedu l-armi.
Ħadt gost ukoll, jekk mhux iżjed, nisma’ lill-ġurnalista Matthew Vella jippreżentaha bil-passjoni ta’ min jemmen fix-xogħol li jagħmel u fl-importanza tal-kelma ħielsa fi stat ċkejken assedjat minn egoiżmi lokali u globali kbar li jilbsu l-kostum tal-libertà, tal-progress, taċ-ċiviltà, tad-demokrazija, u l-bqija.
Imma għamilt id-dwejjaq għax kull tema globali li semmiet Naomi Klein qed immissu magħha hawnhekk imma xorta waħda kollox jibqa’ għaddej: il-kostruzzjoni bla rażan ta’ xejn għall-ġid tas-sinjuruni u a skapitu tan-nies komuni; il-poter tal-ispekulazzjoni finanzjarja; l-enfasi fuq l-enerġija tradizzjonali ġġenerata miż-żjut u t-twarrib tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa; it-tħaddim ta’ sistema fiskali li taġevola lis-sinjuruni tad-dinja li jkomplu jistagħnew waqt li d-dinja tkompli tiftaqar fir-riżorsi tagħha u tgħakkes lill-fqar nett; il-ħerba li qed issir mir-riżorsi naturali (bħall-ilma, l-arja u l-art) u mill-ġid komuni…
Dak li ilu jiġri f’Malta għal ħafna snin huwa parti minn fenomenu globali ta’ żvilupp insostenibbli li waqt li qed ikabbar l-inugwaljanzi bejn il-ftit u l-ħafna, għad jolqot fil-laħam il-ħaj lil kulħadd. Għax man-natura m’hemmx nejk.
Ħajr lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li ġab lil Naomi Klein u t-temi tagħha Malta.