Il-Lirika ta’ Mario Vella tal-Brikkuni

Introduzzjoni għat-taħdita ta’ Sephora Francalanza | Prof. Adrian Grima

DSC_0946

It-taħdita tal-lum mhix apprezzament kritiku tal-lirika tal-Brikkuni. Sephora Francalanza għamlet analiżi kemm jista’ jkun komprensiva ta’ din il-lirika fit-teżina tagħha tal-Baċellerat, “Bejn Kanzunetta u Poeżija: Il-Lirika tal-Brikkuni.” U naturalment kellha iddejjaq sew il-firxa tal-analiżi eċċellenti tagħha biex kollox jidhol f’94 paġna. Issa aħna nafu li lil Mario Vella ma tistax iddaħħlu kollu f’94 paġna, aħseb u ara f’taħdita ta’ siegħa.

Għalhekk, it-taħdita tal-lum taqbad karatteristika waħda biss, imma karatteristika fundamentali, tal-lirika ta’ Mario Vella: il-mod kif tuża, b’mod intelliġenti u ħafna drabi sovversiv, il-lingwa ta’ kuljum, il-frażijiet, l-espressjonijiet, l-idjomi, il-qwiel, il-metafori li ninqdew bihom biex nitkellmu, biex nifhmu, biex nirraġunaw, biex nispjegaw, biex nisfidaw id-dinja li ngħixu fiha. Imma din il-materja prima rikka l-liriċista jħaddimha sew qabel jużaha, mhux sempliċiment jirriproduċiha. Huwa manipulatur intelliġenti tal-lingwa ta’ kuljum, vuċi kritika li tinqeda bil-lingwaġġ tar-realtajiet stess li trid tikkritika.

2018-11-06 18.27.30
Ritratt meħdu minn Michael Spagnol

Fl-ewwel versi ta’ kanzunetta li nista’ ngħid li, ħa nuża clichè, ma nixba’ nismagħha qatt, “Rub Al Khali,” Mario Vella juża x-xbieha tal-qoffa: “Nitolbok twaddabnix ġo qoffa mal-bqija.” Taħt dik ix-xbieha tal-qoffa hemm id-diwi tal-ixkora fl-espressjoni popolari, titfa’ lil kulħadd fi xkora waħda. Fil-Malti għandna għadd ta’ espressjonijiet bil-qoffa: Minn kull miżbla għandu qoffa; Jieħu dejjem ta’ wiċċ il-qoffa; ta’ qoffa ħa qartalla ta ftit u tiegħu ħa ħafna; qoffa tielgħa u oħra nieżla (ripetizzjoni, monotonija); qoffa ġejja u oħra sejra (ripetizzjoni, monotonija). Għaliex l-użu ta’ qoffa minflok xkora joħloq effett differenti fil-kanzunetta tal-Brikkuni? Dan huwa t-tip ta’ mistoqsijiet li nsaqsu.

Għalhekk, is-suġġett tat-taħdita ta’ Sephora Francalanza huwa suġġett li jmiss il-qalba nett tal-estetika tal-Brikkuni, li l-unika ħaġa li tista’ tipprevedi dwar il-kanzunetta tagħhom hija l-imprevedibiltà. Għax il-Brikkuni ma jħaddmux il-formoli stabbiliti tal-kanzunetta tal-festivals li ħafna drabi, mal-ewwel erba’ noti, mal-ewwel vers, taf fejn sejrin u tiddeċiedi li ma tridx tmur magħhom.

DSC_0944

L-ewwel ħaġa li kienet sammritni meta smajt il-kanzunetti tal-Brikkuni kienet ir-rifjut tagħhom li jagħmlu dak li jagħmlu l-biċċa l-kbira tal-kanzunetti bil-Malti, li jużaw l-istess frażijiet għajjenin, l-istess xbihat sofor biż-żmien, l-istess rima, l-istess tonalitajiet, l-istess emozzjonijiet faċli. Kellhom ħoss differenti l-Brikkuni ta’ għaxar snin ilu. U kellhom, għalija li midħla iżjed tal-lingwa u r-rotot tagħha, lingwaġġ ġdid.  Dan ma jfissirx li nibtu mix-xejn, mill-arja. Sephora tiddiskuti ftit il-ħamrija Maltija li fiha aktarx nibtet il-lirika tal-Brikkuni imma dan mhuwiex is-suġġett tat-taħdita tal-lum.

Il-punt hu li, għal ħafna nies, fosthom nies li kienu qatgħu qalbhom mill-potenzjal tal-mużika u l-lirika tal-kanzunetta bil-Malti, Mario Vella u l-Brikkuni fetħu, biex nuża cliché perikoluża, toroq ġodda; ejja ngħidu, minflok, firxu pjanura sħiħa ta’ mogħdijiet imprevedibbli quddiem dawk kollha li kienu qegħdin ifittxu emozzjonijiet veri, saffi differenti. Il-lirika tal-Brikkuni ttrattat lill-udjenza Maltija bħala nies intelliġenti li kapaċi jsegwu l-ħafna mogħdijiet fil-mużika u l-lirika, kapaċi jaqbdu l-assoċjazzjonijiet, l-allużjonijiet artistiċi, ir-riferimenti soċjali, kulturali u storiċi, kapaċi japprezzaw l-ironija u l-awtoironija, kapaċi jinżlu fil-qiegħ nett tad-diżappunt, tad-dgħufija tal-mument u d-dgħufija dejjiema, tad-diqa inspjegabbbli, tad-diżorjentament.

Kif qed taraw, ħafna drabi t-teżijiet li mmexxu huma proġetti ta’ riċerka li xtaqna kieku ħdimna fuqhom aħna stess, imma la kellna ż-żmien u forsi lanqas l-għodda kollha.  Sephora Francalanza ħadmet fuq dan il-proġett ta’ riċerka b’ħila u passjoni kbira, imma hemm ħafna xogħol ieħor ta’ apprezzament akkademiku xi jsir. Kull qari huwa qari wieħed, individwali. Ladarba dawn it-testi tal-Brikkuni huwa testi illi kieku Umberto Eco \jsejħilhom xogħlijiet “miftuħa,” kull darba li xi ħadd jismagħhom joħloqhom mill-ġdid. Jistgħu jinqraw minn ħafna perspettivi differenti; effettivament, dejjem “jinqraw” minn perspettiva differenti, għax aħna lkoll differenti.

2018-11-06 18.27.20.jpg
Ritratt meħdu minn Michael Spagnol

Nixtieq nagħlaq din l-introduzzjoni twila billi ngħid kelma fuq dak li m’għamlitx it-teżi ta’ Sephora u mhix ħa tagħmel din it-taħdita: Sephora mhux se tgħid lil Mario Vella kif jikteb lirika aħjar, jew fejn għandu l-iżbalji. Din mhix il-funzjoni tagħha jew tar-riċerka tagħha: Sephora tanalizza kif jaħdmu ċerti aspetti ta’ din il-lirika, x’effetti kapaċi joħolqu. Tal-lejla mhix taħdita dwar x’seta’ sar qabel il-kitba tal-lirika; hija taħdita dwar dak li tħalli warajha. Ngħiduha kif inhi, il-kanzunetta ma teħtieġx analiżi akkademika. Teħtieġ min jismagħha, min jitqanqal biha, imqar jekk ikunu biss dawk li joħolquha. Fl-istess ħin, kif jgħid Mario Vella stess, il-kanzunetta tistagħna b’kull reazzjoni, b’kull diskussjoni li ssir fuqha f’bar, fuq sit soċjali, f’kull analiżi akkademika.

Fil-kanzunetta “L-Eletti” Mario Vella jgħid li kien hemm nutar li qallu li l-kliem tal-kanzunetti tiegħu jifleġ il-melodija għax hemm wisq kliem. Naħseb li ndunajtu li jien ma naqbilx.


DSC_0922

Il-Lirika ta’ Mario Vella tal-Brikkuni|Taħdita ta’ Sephora Francalanza

It-Tlieta 6 ta’ Novembru fis-6.15pm fis-Sala Francis Ebejer (LT2), wara l-librerija prinċipali tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, Sephora Francalanza se tagħmel taħdita pubblika mis-sensiela dwar It-Tradizzjoni Orali tad-Dipartiment tal-Malti dwar “L-Idjoma Brikkuna fil-Lirika ta’ Mario Vella”.

Din l-attività hja miftuħa għal kulħadd u mingħajr ħlas.

Il-lirika tal-Brikkuni hija minsuġa bl-espressjonijiet tal-poplu. Minkejja d-dehra sempliċi, it-testi jilagħbu b’mod sikwit awdaċi bl-idjomi u l-metafori popolari u waqt li jibnu fuq ħsibijiet u esperjenzi komuni, jaqilbuhom ta’ taħt fuq. Għalhekk il-lirika tal-Brikkuni hija sikwit ħarsa mqarba lejn il-poplu Malti, bid-dgħufijiet, il-fissazzjonijiet, il-gosti, u l-viżjoni partikulari tiegħu tad-dinja. Fil-lirika li jikteb, Mario Vella jsensel numru ta’ idjomi Maltin stabbiliti, u oħrajn li mhumiex: kliem li jinsab fuq fomm Ċikku l-poplu, imma mhux dejjem issibu fil-kotba tal-qwiel u idjomi Maltin.

F’din it-taħdita Sephora Francalanza se tanalizza l-idjomi jew ħjiel ta’ idjomi Maltin li jidhru fit-tliet albums tal-Brikkuni, b’xi eżempji mit-teżi tagħha tal-Baċellerat fil-Malti (Unuri), “Bejn Kanzunetta u Poeżija: Il-Lirika tal-Brikkuni,” li firdet il-kliem mill-mużika f’tentattiv biex titfa’ dawl fuq il-letterarjetà tal-lirika.

Dan l-avveniment pubbliku huwa addattat għal udjenza matura.

Sephora Francalanza għadha kemm temmet l-istudji tagħha fil-grad ta’ Baċellerat fil-Malti bl-Unuri. Fl-2017 inħatret bħala l-President tal-Għaqda tal-Malti – Università, għaqda studenteska li torganizza bosta attivitajiet relatati mal-Malti li jippruvaw iqarrbu l-lingwa u l-letteratura Maltija lejn in-nies. Bħala President tal-Għaqda, hija serviet ta’ Editriċi Ġenerali fil-Bord Editorjali ta’ Leħen il-Malti għadd 37, li se jitnieda fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Sephora qiegħda tkompli l-istudji tagħha fil-livell ta’ Masters u taħdem fil-qasam tal-ġurnaliżmu.

 


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s