Il-Maġija tal-Kelma f’Moviment

pic by Christine Joan Muscat-Azzopardi
Ritratti meħudin minn Christine Joan Muscat-Azzopardi

Is-Sibt 27 ta’ Ottubru 2018 kelli x-xorti nara d-dramm Tebut Isfar. Il-kitba kienet impekkabbli. Kellha l-maġija, il-poeżija, u d-dixxiplina. Kull kelma tissorprendik u fl-istess ħin tidħol f’postha, mingħajr skossi ta’ xejn. Kull kelma skoss.

Għalija, fl-ekonomija ta’ dan id-dramm ġenjali, f’kull aspett, xejn ma kien mistenni u kollox qagħad f’postu. Huwa dramm li jitkellem ma’ drammi oħra (bħal Menz ta’ Ebejer) u ma testi letterarji oħra, fosthom ta’ Clare Azzopardi stess, bħal “Polly” tal-pupi mlaqqtin. Hemm saffi fuq xulxin kull fejn tħares, imma kollox jimxi ħarir, b’pass mexxej li jagħtik ċans tgawdi kull ħolqa fid-diskors, kull tidwira, kull żifna.

Jien bniedem tal-letteratura. Dejjem infittex il-kelma. F’Tebut Isfar, b’direzzjoni teatrali stupenda ta’ Marcelle Teuma, disinn tas-sett ta’ Romualdo Moretti, u produzzjoni ta’ Adrian Buckle u Unifaun Theatre, il-kelma tidħol u toħroġ minn ġot-twiebet. Imkien mhi f’postha. Il-ħin kollu toqmos, tiela’ u nieżla, tinħeba u tittawwal, toqros u tnawwar fil-ġrieħi, tilgħab għall-gost u tilgħab bis-serjetà, bħal Yasmina, parti maħduma b’mod memorabbli minn Mariele Zammit.

F’dan id-dramm, jispikka l-moviment tal-kelma; tispikka l-kelma li hemm f’kull moviment. Il-kelma hija kontinament ħarriefa, giddieba, qarrieqa, kixxiefa; hija l-unika ħaġa li tostor u tikxef fl-istess nifs. Yasmina timmanipula d-diskors biex timmanipula n-narrattiva: twieġeb meta jidhrilha, twieġeb kif jidhrilha. Ħafna drabi ddawwar id-diskors, tibdel in-narrattiva.

Bħall-pistola ta’ Chekhov li d-dramm jalludi għalih f’kolp ta’ metalingwa maġistrali, kollox għandu postu, imma dak il-post mhuwiex il-post mistenni. Għax bħalm’hi dejjem fil-kitba dejjem aktar imqanqla u fina ta’ Clare Azzopardi, il-finzjoni hi r-realtà, u r-realtà tasal biss permezz tal-finzjoni, tal-logħob bil-kliem, tat-taparsi.

M’hemm xejn straordinarju fil-komponenti tal-lingwa li d-drammaturga tqiegħed fuq il-palk, u m’hemm xejn ta’ barra minn hawn fl-għamara u l-pupi żarmati, żmembrati, li bihom Marcelle Teuma tgħammar ix-xena. L-istraordinarju jidher f’dak li jagħmlu Azzopardi u Teuma bl-għodda li joħorġu minn ġol-kaxxa. Ir-ritmi u t-tidwir; il-kliem u l-moviment li kontinwament jiżżerżaq b’ħeffa li ma bħalha minn ġo kaxxa għal oħra.

pic Christine muscat azzopardi
Ritratti meħudin minn Christine Joan Muscat-Azzopardi

Dan huwa wkoll dramm dwar il-ħuta l-kbira li trid tibla’ l-ħuta ż-żgħira, dwar l-ispekulaturi tal-bini li jiġu jaqgħu u jqumu mill-bnedmin u jridu jqaċċtuhom minn għeruqhom, bħas-siġar, u jħalluhom imutu xi mkien ieħor, fejn taparsi kellhom jibdew ħajja ġdida, ikbar, iktar spazjuża, iktar dinjituża.

Imma dan mhuwiex sempliċiment lament ta’ ġustizzja soċjali u ambjentali. Clare Azzopardi tkompli tħuf qalb il-katavri midfunin bil-ġrieħi u s-sigrieti tagħna. Kollox huwa logħba u xejn mhuwa logħba. Id-dramm jeħodna, bħal tazza nbid qawwi li tinduna li ħadek meta tipprova tagħmel kikkra kafè u ma jirnexxilekx tikkoordina jdejk. Jew meta ssib pistola f’idek u tagħfas il-grillu għax ġiet ix-xemx f’għajnejk.

It-teatru, bħall-arti kollha, huwa interpretazzjoni tal-ħajja, manipulazzjoni tal-għodda. Il-kelma, l-ispazju, il-ħoss, il-moviment, it-tensjoni… It-teatru, bħall-arti kollha, huwa fabbrikazzjoni. Imma anki l-ħajja fabbrikazzjoni, storja mdawra.

Ilbieraħ, fit-teatru tal-Università tal-Belt, f’din is-sena li kellha r-responsabbiltà li tesplora r-rikkezza kulturali tanġibbli u intanġibbli tal-Belt u ta’ pajjiżna, ġarrabt għal darb’oħra l-esperjenza ta’ dar taħt asedju minn forzi ferm iktar insidjużi mit-Torok tal-1565 jew id-dgħajjes tal-iddisprati resqin, bla ma jafu u bla ma jridu, lejn xtutna.

Ġarrabt id-diqa tnawwar ta’ familja miġruħa u ltima, ta’ spazju pubbliku u privat li qed jisirquhulna minn taħt imneħirna b’ħeffa li qed tistordina u tidfinna ħajjin f’darna stess.

tebut isfar

L-atturi Leigh Ann Abela u Anthony Ellul għamlu karikatura b’saħħitha tal-ispekulaturi wiċċhom infurrat li qed jixorbulna, kuljum, kull roqgħa nifs li fadal. U mingħalihom qed jitnejku bina.

Ġarrabt id-diqa ta’ missier, parti maħduma b’mod memorabbli wkoll minn Peter Galea, li għadu ma jistax iġerragħ is-suwiċidju makabru ta’ martu u d-diżorjentament ta’ bintu. Ma nafux min jidfen lil min: forsi Yasmina tirrifjuta li toħroġ minn ġot-traġedja li ħakmithom; forsi missierha ma jridx iħalliha toħroġ għalkollox għax jibża’ li tispiċċa tħallih waħdu. Forsi l-ikbar tebut, dak li sibna ruħna fih kollha kemm aħna fit-teatru, huwa d-destin. U m’għandux rispetti.

Tmiem id-dramm rajtu imprevedibbli u konvinċenti, tidwira oħra fid-diskors li saħħritni. Ħassejt li kien għeluq xieraq imma ħassejt ukoll, għall-ewwel darba matul id-dramm kollu, li x-xena waslet malajr, forsi malajr wisq. Ħassejt ukoll li l-inklużjoni tax-xbieha tal-proġett porkerija tad-db fis-sit tal-ITS f’Pembroke kienet żejda, għax in-narrattiva tal-ġentrifikazzjoni u s-serq tal-ispazju pubbliku, kienet ġa b’saħħitha ħafna f’dan id-dramm ambjentat il-Belt, imma jista’ jkun li qed ngħid hekk għax dik il-porkerija ma nistax inneħħi minn quddiem għajnejja.

Madankollu, l-idea li fl-aħħar tad-dramm, iż-żewġ strutturi tal-ħadid iduru, bla mistenni, u fuq daharhom tidher animazzjoni bid-dawl tal-bini li qed joħnoqna b’ħeffa li ma bħalha, kienet ġenjali u tatni ċ-ċans nassorbi l-aħħar xena tal-atturi.

(Ritratti meħudin minn Christine Joan Muscat-Azzopardi)


 

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s