Din hija silta qasira mill-kitba, bl-isem provviżorju ta’ “Lanqas Ikkalkulatni,” li qrajt dwar il-mewt it-Tnejn 29 ta’ Ottubru waqt Poeżijaplus, L-Għid tal-Imwiet, b’koordinazzjoni ta’ Ġużi Gatt.

Iltqajt mal-mewt l-ewwel darba, wiċċ imb wiċċ, l-Isptar Mater Dei. Seta’ kien sptar ieħor. Setgħet kienet ġurnata oħra, siegħa oħra, sena oħra. Għall-mewt, il-ġurnata u s-siegħa mhumiex determinanti. Ħadd minnhom m’għandu l-ħila jdawwarha jew ixejjinha. Il-ġurnata u s-siegħa huma inċidentali. Il-mewt mhix.
Sibt ruħi quddiem Antonia Mifsud, xebba Tanti, imwielda fl-1918, mimduda f’sodda li ma kinitx tagħha, fil-lejl tal-Erbgħa, 9 ta’ Jannar 2008, meta n-nifs kien beda jonqos bil-mod. Il-pulmun ma riedx jibqa’ jitbaqbaq.
Meta l-mistrieħ tal-pulmun u l-arja insidjuża tal-mewt jinzertaw ‘il xulxin fl-istess sala u jimmarkaw l-istess korp tinduna wara, wara li jgħaddi kollox, li s-sikta li ħajmitek, ħadmitek, li l-pulmun bela’ dik l-arja insidjuża, u la kont protagonist u lanqas spettatur. Tinduna li l-preżenza tiegħek hija iktar dgħajfa mill-aħħar battuti tal-pulmun, ferm iktar insinifikanti. Stajt qomt f’salt u qabbadt iktar magni, iktar wires, iktar tubi; stajt għamilt xenata li tibqa’ tissemma, storja tinkiteb; stajt ċempilt nofs sptar. Kont tikkonferma l-preżenza ftit jew wisq inutli tiegħek.
Minflok sempliċiment ma ndunajtx. Jew ma fhimtx. Kelli l-mewt quddiemi u m’għarafthiex. Qatt ma kont rajtha qabel. U l-iktar ħaġa li fixklitni kienet l-assenza tagħha. L-assenza preżenti fin-nifs, fin-nuqqas ta’ nifs. Il-ħakma insidjuża tagħha tan-nifs ta’ nannti. Tal-pompa u l-pulmun. Wara kollox aħna magni li jibqgħu jaħdmu sakemm jidhrilhom huma. Aħna nissettjawhom, nipprajmjawhom; meta jiġi l-waqt insewwuhom. Imma jiġi l-waqt meta jagħżlu d-destin tagħhom huma. U nintebħu li aħna spettaturi. Nistgħu nkunu passivi; nistgħu nkunu akkaniti. Forsi eżaltati. Imma meta jiġi l-waqt tal-prova, spettaturi nibqgħu. U l-ġisem imur naħa u aħna mmorru n-naħa l-oħra. Ma nafx fejn immorru. Hawn ma nibqgħux żgur. Forsi nintilfu. Forsi niżvintaw.


