Fil-Mina

football-referee-letters-stand_a5f4c74b01dff36
Ritratt meħud minn hawn

Ippubblikata fuq il-paġna Leave Pembroke Alone wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Awtorità favur il-proġett tad-db Group fuq is-sit tal-ITS.

Il-ground kien maħnuq bin-nies. Sa min-naħa l-oħra tal-għoljiet ġew. Bil-vannijiet. Wegħduhom logħba bla nifs, bil-ballun tiela’ u nieżel, ġirjiet ħfief, xeni, daħliet goffi, rabuxxati u kull xorta ta’ akrobaziji. Ħadd minn dawk li ħonqu l-arena ma ddispjaċih, għax l-ispettaklu kien kbir.

Ftit minuti wara t-tisfira tar-referee, il-players kienu diġà kollha għarqanin xraba. Mal-ġenb tal-pitch, il-coach u l-istaff tekniku tagħhom kienu qed jisħtu s-siegħa u l-mument li ma ġabux l-uffiċċju magħhom. Meta se jagħmlu l-istadiums kollha bl-ac bħal tal-Qatar? Kemm bqajna lura, madonna?

Forsi fuq hekk kienu qed jitkellmu mal-players tat-tim l-ieħor ir-referee u l-assistenti tar-referee u l-assistenti tal-assistenti tar-referee fil-mina qabel ma daħlu fil-pitch. Fuq il-frisk. Fuq kif se jqiegħdu ‘l kulħadd għall-frisk. Fid-dagħdigħa ta’ taptip fuq l-ispallejn u ġbid tad-dirgħajn u daħq u tbissim, kien hemm waqtiet meta l-uffiċjali tal-logħba saru l-players tat-tim l-ieħor u l-players tat-tim l-ieħor saru l-uffiċjali tal-logħba. Kif jiġri kultant, hux? Il-moħħ jara dak li ma jkunux qed jaraw l-għajnejn. Jew bil-maqlub. Il-foga tas-sajf fl-agunija tiegħu kultant tkun iktar kattiva fuq il-moħħ u l-għajnejn mis-sħana fl-eqqel tal-istaġun.

Mill-ewwel għafsuna. U fl-Enclosure d-dilettanti li ġew bil-vannijiet bil-wegħda li se jaraw logħba kumbattuta bejn żewġ timijiet li kienu diġà ilhom jissieltu bil-kliem bdew iħabbtu idejhom flimkien u jaqbżu kull darba li jmiegħku lil wieħed mill-players tagħna. U kif immissuhom ħafna xeni u xenati u rrumblar u reċti fuq il-ħaxix artifiċjali. Imma r-referee kien qed jirreffja logħba differenti. Forsi minħabba s-sħana terribbli, jew forsi minħabba xi taptipa bla ħsieb li qala’ taħt il-mina qabel ma dħalna fil-pitch, kull darba li jmiegħku wieħed minn tagħna beda jsaffar simulazzjoni. Kull darba li jkun hemm simulazzjoni minn wieħed minn tagħhom isaffar foul kontrina. Inti bis-serjetà?

Ftit qabel ma għalqet l-ewwel taqsima saffar foul ieħor kontrina. U l-player tagħna qabad jgħajjar lill-uffiċjali tal-logħba mixtrijin. Ma kinitx kelma. L-uffiċjal tal-logħba ġera lejn il-player, waqaf f’salt quddiemu qisu stikka, daħħal idu fil-but biex joħroġ il-karta, u nduna li l-but kien vojt. Illlalla. Fejn ħalliehom il-karta s-safra u l-karta l-ħamra u l-card tas-supermarket u t-tessera? Reġa’ bagħbas ġismu kollu imma ma seta’ jsib il-karti mkien. Fuqu ma kinux. Kellem lill-assistenti tiegħu u mbagħad lill-assistenti tal-assistenti tiegħu, imma ħadd ma kellu.

Alla ried li wieħed mill-players tat-tim l-ieħor kellu l-karti fuqu, imqabbdin maċ-ċinta tal-qalziet ta’ taħt, fejn ma jtellfuhx. Ħariġlu l-karta s-safra u l-karta l-ħamra u ħallieh jagħżel. Kieku int liema tagħżel, staqsa r-referee? Il-player mejjel kemm kemm idu. U r-referee qabad il-ħamra. Illlalla.

Ma’ tmiem l-ewwel taqsima, dħalna fid-dressing room b’qalbna maqtugħa. Kif tilgħab b’għaxra min-nies kontra tim li huwa l-għira tad-dinja u kontra r-referees u l-assistenti tagħhom? Noqogħdu fid-dressing room bħala protesta? Nibagħtu email malajr lil SportMalta?

Ma domniex naħsbuha wisq. Laħlaħna wiċċna, għamilna pipì, u ħriġna.


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s