
Fil-jiem li għaddew, Elena Cardona għamlitli intervista fuq id-Diploma fil-Letteratura Maltija li se tixxandar fuq l-istazzjon tar-radju tal-komunità ta’ Għajnsielem, Radju Lauretana, fuq il-frekwenza 89.3FM.
Elena Cardona tmexxi l-programm Il-Malti, il-Letteratura u lil Hinn li beda jixxandar f’Awwissu tal-2016. Oriġinarjament kien jismu Ilsienna Teżor imma Elena biddlitlu ismu biex ikun jista’ jinkludi temi li mhumiex direttament marbuta mal-lingwa Maltija. L-istazzjon Radju Lauretana jxandar erba’ darbiet f’sena: fi żmien il-Milied, l-Għid, il-festa ta’ Sant Antnin u l-festa tal-Madonna ta’ Loretu.
Il-programm Il-Malti, il-Letteratura u lil Hinn hu twil nofsiegħa u ġew diskussi diversi temi li huma marbuta mal-Malti. Saru wkoll xi intervisti lil kittieba Maltin (Claudia Gauci, Jean Paul Borg), gruppi mużikali (Plato’s Dream Machine), u artisti (Katel Delia)
Il-programm dwar id-diploma se jixxandar fis-6 ta’ Ġunju fl-10.00am.
Ir-rikordings tal-programmi kollha ta’ Radju Lauretana jinsabu fuq is-sit tal-istazzjon skont meta xxandru. http://www.radjulauretana.com/podcast.htm
Il-mistoqsijiet ta’ Elena Cardona dwar id-Diploma fil-Letteratura Maltija kienu dawn:
- Din id-diploma tiffoka fuq il-letteratura tas-seklu 21. Barra min hekk, tistħarreġ ukoll l-editjar, il-qari tal-letteratura fil-pubbliku u fuq il-mezzi tax-xandir fost l-oħrajn. X’inhu l-għan prinċipali ta’ din id-diploma? Għaliex id-Dipartiment tal-Malti ħa din id-direzzjoni meta ġie biex joħloq din id-diploma?
- Id-Dipartiment tal-Malti qiegħed jikkollabora mill-qrib ma’ BNF Bank (Malta) plc u l-Kunsill Malti għall-Arti. BNF Bank (Malta) plc se jħallas il-miżata, sa massimu ta’ 2000 ewro, tal-kors tal-istudent jew l-istudenta li tiġi l-ewwel fil-kors, waqt li l-Kunsill Malti għall-Arti se jagħti għajnuna finanzjarja lill-aħjar erba’ proġetti tal-istudenti fit-tieni sena tal-kors. Tista’ tagħtina iktar informazzjoni dwar dan il-proġett li l-istudenti jridu jagħmlu fit-tieni sena tal-kors?
- Fuq il-fuljett, li d-Dipartiment tal-Malti ħareġ dwar id-Diploma fil-Letteratura Maltija, hemm il-lista tal-letturi. Wieħed jinnota li l-letturi mhumiex biss mid-Dipartiment tal-Malti imma minn oqsma oħra. Fl-opinjoni tiegħi dan jagħmel il-kors iktar interessanti. Ikkummenta.
- Din id-diploma tesplora wkoll il-kitba kreattiva. Xi jsir f’dan il-kors biex tiġi sfruttata din il-ħila?
- Min jista’ japplika għall-kors? Hemm bżonn ta’ xi kwalifiki partikolari biex tapplika għalih?
- Il-kummenti tal-istudenti li qegħdin jagħmlu l-kors bħalissa huma pożittivi immens. Huma jistqarru li jħossuhom parti minn familja, id-Dipartiment tal-Malti dejjem lest li jgħinhom, apparti li t-tagħlim tal-letteratura huwa ppreżentat b’mod innovattiv. Għaliex tħeġġeġ lin-nies japplikaw għal dan il-kors?