Ilbieraħ kont preżenti għall-ewwel provi ġenerali fit-Teatru Salesjan. Se jkun kunċert sabiħ, b’tiżwiqa dinamika ta’ stejjer, kitarri, ilħna, filmati, dellijiet, rekordings, u għana spirtu pront. Jien ktibt xi versi msejsa fuq il-kunċett li żviluppaw Andrew Alamango u Domenico Castaldo. Ktibt ukoll għanja waħda, verżjoni kontemporanja ambjentalista ta’ “X’aħna sbieħ min jaf jarana.”
Din il-produzzjoni se ttitella’ bis-sehem tal-għannej, Anġlu Theuma ‘il-Kina’, il-kantanta Mariele Zammit, il-Prim Kitarrist Frederick Mallia ‘Ir-Re’, l-akkumpanjament ta’ Raymond Schemer ‘Iċ-Ċiranu’, li se jgħanni wkoll, d-disinn viżwali ta’ Jimmy Grima.
https://www.facebook.com/events/847028782158985/
Fejn hu leħni ta’ dari?
Kemm kelli leħni sabiħ!
Qiegħed fejn qiegħed, ġibuhuli.
Għax naħseb ħaduli r-riħ
X’se tkanta meta titwieled it-tarbija tiegħek? U x’se tkanta meta tħoss in-nuqqas tal-maħbubin tiegħek? Kif se tesprimi x-xenqa ta’ dak li jkun għall-art mitlufa fejn trabbejna?
Fit-tfittxija ta’ dan il-leħen mitluf, L-Ilħna Mitlufa hi ċelebrazzjoni tat-tradizzjoni fir-ritmu u l-għana, espressjoni vokali li ntirtet mill-art li qabel konna tant marbutin magħha. Hu vjaġġ mużikali fit-tfittxija tal-leħen li xi darba kellna, użat minn dawk li ġew qabilna biex jesprimu l-biżgħat kif ukoll l-aspirazzjonijiet ta’ kuljum.
Storja antika, minsuġa minn kantanti passati u preżenti u rrakkuntata f’poeżija – imlissna, miktuba u rrekordjata – fejn l-għannej bħala l-poeta, il-kustodju tal-memorja, ir-rakkuntatur u l-kummidjant, jgħanni f’isimna u f’isem dawk li tilfu leħinhom biex b’hekk tigġedded it-tradizzjoni mhux miksura; li nkunu flimkien fil-għana.
Storja li ġġagħlek tfittex leħnek, u l-bżonn li tgħanni meta l-kliem ma jkunux biżżejjed.
Għana – Anġlu Theuma ‘il-Kina’, Mariele Zammit
Prim Kitarrist – Frederick Mallia ‘Ir-Re’
Akkumpanjament – Raymond Schemer ‘Iċ-Ċiranu’, Andrew Alamango
Kunċett, Riċerkatur, Direttur Mużikali- Andrew Alamango
Drammatruġija – Domenico Castaldo
Kitba – Adrian Grima
Disinn Viżwali – Jimmy Grima
Dawn huma ritratti li ħadt bil-mobile waqt il-provi ta’ Ilħna Mitlufa fit-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema l-Erbgħa 9 ta’ Mejju 2018.