Nhar it-Tnejn 26 ta’ Marzu 2018, waqt ċerimonja li saret fil-Berġa ta’ Kastilja, tnieda l-ktieb Mill-Petali ta’ Ħajtek. Kitbiet f ’ġieħ Oliver Friggieri, pubblikazzjoni tal-Klabb Kotba Maltin li tikkumplimenta l-awtobijografija Fjuri li ma Jinxfux.
KONTRIBUTURI: Josette Attard, Anthony Aquilina, Ġorġ Borg, Paul P. Borg, Tonio Borg, Joseph Brincat, Charles Briffa, Arnold Cassola, Charles Coleiro, Charles Dalli, Victor Fenech, Henry Frendo, Philip Farrugia Randon, Joe Friggieri, Sergio Grech, Mons. Victor Grech, Adrian Grima, Godfrey Grima, Ray Mangion, Bernard Micallef, Ugo Mifsud Bonnici, Achille Mizzi, Roger Ellul Micallef, Joseph Muscat, Terence Portelli, Rev. Hector Scerri, Ray Sciberras, Rev. Kalċidon Vassallo, Richard Vella Laurenti, Trevor Zahra, Marcel Zammit-Marmara
BORD EDITORJALI: Joseph Borg, Prof. Ray Mangion, Marcel Zammit-Marmara, Joseph Mizzi, u Trevor Zahra.
Il-kitba tiegħi f’dan il-ktieb f’ġieħ Oliver Friggieri hija dwar “Nazzjonalità Aktar Profonda: Il-Mediterraniżmu ta’ Oliver Friggieri.” Din hija silta minn din il-kitba:
Fil-kitba letterarja tiegħu, Oliver Friggieri ma jsemmix il-Mediterran b’ismu, la bħala baħar u lanqas bħala reġjun kulturali u uman: hu dejjem jgħidli li għalih jinsab kullimkien. Jien ninterpreta din ir-risposta bħala konferma li għalih Malta hi mikrokożmu tal-Mediterran u għalhekk fejn tissemma hi jkun qed “jissemma” r-reġjun. Min-naħa l-oħra, fil-kitba akkademika tiegħu mill-aħħar tas-snin sebgħin tas-seklu għoxrin ’il quddiem, lill-Mediterranjetà jagħtiha prominenza f’firxa ta’ kitbiet fuq il-letteratura Maltija, speċjalment il-poeżija, u fuq l-identità u l-kultura tal-Maltin, speċjalment Il-Kuxjenza Nazzjonali Maltija. Lejn Definizzjoni Storika-Kulturali (1995). L-ewwel riferimenti għall-Mediterran jidhirli li huma marbutin mal-istudji li fihom jinkwadra l-istorja tal-letteratura Maltija fil-kuntest storiku, kulturali u letterarju tal-influwenza Taljana.
F’wieħed mis-Saġġi Kritiċi li ppubblika fl-1979 Friggieri jinqeda bl-aġġettiv “Mediterranja” biex jifred dik li jsejħilha l-metaforizzazzjoni l-ġdida “Maltija” tal-Poeżija Moderna ta’ Daniel Massa mill-metaforizzazzjoni “Mediterranja, Ewropea, eċċ.” (Saġġi Kritiċi 289). Waqt li f’dan is-saġġ il-Mediterranjetà ma jiddefinihiex, fi Storja tal-Letteratura Maltija (1979) jistabbilixxi wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-viżjoni tiegħu tal-Mediterranjetà, essenzjalment Ewropea, tal-kultura u l-letteratura Maltija meta jirreferi għall-“parteċipazzjoni naturali u sħiħa” ta’ Malta “f’identità kumplessa ta’ ċiviltà waħda,” jiġifieri “ċ-ċiviltà Mediterranja” (Storja 16). Friggieri jemmen li “l-Ewropeità ta’ Malta letterarja” hi xhieda anki ta’ Ewropeità li mhix biss letterarja: għalih, il-kwistjoni mhix ta’ “influwenza” Ewropea (Storja 16), primarjament Taljana, fuq Malta, imma s-sehem naturali ta’ Malta fil-kultura Latina, kultura tan-naħa t’isfel tal-Ewropa. Mhux qed jitkellem fuq l-identifikazzjoni tal-kultura Mediterranja mat-trijonfaliżmu tal-Imperu Ruman li jattakka bla ħniena Gabriel Audisio f’Jeunesse de la Méditerranée (1935) u Jeunesse de la Méditerranée II: Sel de la Mer (1936), it-trijonfaliżmu tal-kolonjalisti Franċiżi tal-lemin fl-Alġerija kkolonizzata. Li tkun Malti jew Maltija, jgħid Friggieri f’intervista li ta lil Costanza Ferrini fl-1999, ifisser “taċċetta” l-“forza superjuri” tal-identità Mediterranja, u “toqgħod għaliha;” il-Mediterranjetà li qed jitkellem fuqha hija Ewropea u Latina, għax “Malta tħares iktar lejn il-Mediterran tan-naħa ta’ Fuq, lejn l-Italja, Spanja u Franza, milli lejn il-Mediterran Għarbi” (Friggieri, “La Coscienza” 77). Friggieri kemm-il darba jirreferi għall-“Ewropeità” li ġiegħlet lill-ilsien Għarbi jittrasforma ruħu fi lsien Malti awtonomu u ma jibqax sempliċement djalett tal-Għarbi, estensjoni tal-lingwa u l-kultura tal-Afrika ta’ Fuq.