Bieb u għatba u ma konniex nafu lil xulxin

February 2, 2018, Cairo | minn FACEBOOK

Pont kulturali bejn Malta u d-dinja Għarbija | Walid Nabhan 

walid - wael el-mulla -3.2.18 il-kajr

Illum u għada ħa nniedu żewġ kotba fil-Fiera Internazzjonali tal-Ktieb tal-Kajr maqlubin mill-Malti għall-Għarbi, sfortunatament mhux direttament mil-lingwa Maltija. Ta’ Immanuel Mifsud Jutta Heim u L-Eżodu taċ-Ċikonji tiegħi. Qed ngħid sfortunatament, għax indunajt li jekk l-awtur ma jaħdimx mill-qrib wisq mat-traduttur, ċerti dettalji intimi jintilfu, speċjalment jekk qed nitkellmu fuq lingwa “metaforuża” bħall-Malti. Jekk it-traduttur jew it-traduttriċi ma jeħux il-metafora, addiju l-paragrafu kollu, jekk mhux nofs ix-xogħol skont xi ħxuna ta’ metafora qed tkebbeb.

Madankollu, wieħed ma jridx ikun negattiv jew kritiku żżejjed. Żewġ xogħlijiet maġġuri mil-letteratura Maltija u s-sena l-oħra kellna Masafat ta’ Adrian Grima huma pass kbir fit-triq ta’ djalogu ċivilizzat. Fil-passat, biex inkunu għedna kollox, kellna L-Interdett taħt is-Sodda’, il-kapulavur ta’ Clare Azzopardi li kien intlaqa’ tajjeb f’Lixandra diversi snin ilu. Tlieta minn dawn ix-xogħlijiet ħadt ħsieb l-Għarbi tagħhom jien u biex inserraħ ras Immanuel fuq ix-xogħol tiegħu, peress li ma kellix jedd fih imma kont qrajtu bil-Malti, nista’ nisħaq li huwa xogħol mirqum sew u ma jiddevjax mit-test oriġinali.

walid-immanuel - il-kajr 4.2.18

Wieħed jittama li din il-mixja tibqa’ għaddejja sakemm inwaqqfu pont kulturali bejn Malta u d-dinja Għarbija u viċeversa. Ovvjament din il-missjoni mhux se tkompli waħidha u trid id-dedikazzjoni u x-xogħol sfiq u fuq kollox, ir-riżorsi finanzarji, għax traduttur u awtur u anki pubblikatur, kollha nies tad-demm u l-laħam li jridu jieklu fl-aħħar tal-ġurnata.

L-aħħar ħaġa li xtaqt ngħid hi li l-Fiera tal-Kajr tant hi kbira, trid ġimgħa biex iddurha u abbli sena biex tara t-titli tal-kotba li fiha. M’hemmx għalfejn ngħidu li d-delegazzjoni tagħna ntilfet kemm-il darba minn xulxin fost ix-xmajjar ta’ nies u ibħra ta’ kotba. Ħaġa sabiħa li, fost dawk it-titli kollha, hemm il-kotba tal-awturi Maltin, u dan definittivament ma kienx iseħħ mingħajr it-tħabrik u l-għajnuna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u dak tal-Arti u naturalment, mingħajr serbut sħiħ ta’ nies anonimi lanqas biss nafu min huma.

Jutta Heim book launch tinda.jpg


 

Bieb u għatba u ma konniex nafu lil xulxin | Immanuel Mifsud

Assolutament għandek raġun, Walid. Bieb u għatba u ma konniex nafu lil xulxin. Imma bis-sehem ta’ numru ta’ nies bħalek, il-KNK, Adrian u Inizjamed bil-festival din l-anomalija bdiet titranġa.

jutta heim bl-gharbi.jpg


 

Il-limiti ta’ mentalità provinċjali | Adrian Grima

Meta jgħidulkom li l-letteratura bil-Malti hija limitu, ftakru f’Immanuel Mifsud u Walid Nabhan u oħrajn.

Kull sitwazzjoni, kull kuntest għandu l-limiti tiegħu. Ngħidu aħna, għad m’għandniex biżżejjed tradutturi letterarji ta’ ħila u esperjenza biex jittraduċu l-letteratura bil-Malti f’lingwi oħrajn, kemm dawk magħrufin ħafna u kemm dawk magħrufin ftit. Għax biex xogħol letterarju Malti jitwieled mill-ġdid f’lingwa u letteratura oħra rridu tradutturi-awturi kapaċi. U pajjiiżna mhux minn dejjem investa, kif qed jagħmel issa, f’dawn il-ħiliet. Ir-realtà hi li anki ħafna traduzzjonijiet barranin jinqdew b’lingwa intermedjarja. Mhix sitwazzjoni ideali, imma lanqas mhi ċirkostanza rari.

Jutta Heim book launch 2.2.18 1

Min-naħa l-oħra, meta tikteb bil-lingwi l-aktar magħrufin trid tikkompeti ma’ mijiet ta’ eluf ta’ xogħlijiet oħrajn biex tinstema’. Kultant tinstema’ b’ċikka, u kultant għax aġent jew dar tal-pubblikazzjoni jidhrilha li xogħlok kapaċi jinbiegħ u tinvesti fih. ix-xogħol ta’ Immanuel huwa xhieda li jekk tikteb tajjeb fi ħdan it-tradizzjoni tiegħek jista’ jkun hemm post għalik fost il-qarrejja ta’ madwar id-dinja.

walid - knk.jpg

L-akbar limiti ma timponihomx il-letteratura bil-Malti imma l-mentalità provinċjali li bil-Malti ma tista’ tmur imkien. Walid qed jagħmel isem għax kapaċi jikteb letteratura tajba; il-fatt li jikteb bil-Malti, fil-fehma tiegħu, huwa fattur li qed jgħin fis-suċċess tiegħu wkoll. Neħtieġu aktar tradutturi mill-Malti. Hemm ħafna mezzi llum, u ħafna opportunitajiet għat-tradutturi letterarji.

 


 

 

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s