Din mhix kwistjoni ta’ kompromessi

illum_13.8.17_artikluillum_13.8.17_intervistailum_13.8.17

 

Intervista ta’ Veronica Lynn Mizzi ma’ Adrian Grima, resident ta’ Pembroke

ILLUM | It-13 ta’ Awwissu 2017

 

  1. Din l-art ilha mmarkata għal żvilupp ta’ dan it-tip sa mill-2006, skont il-pjan lokali. Għalfejn ma sarux protesti dakinhar, jew matul dawn il-11-il sena, ġaladarba seta’ jsir proġett ta’ dan it-tip skont il-pjan lokali?

 

Ir-residenti ta’ Pembroke u r-rappreżentanti tagħhom kienu diġà oġġezzjonaw għal aktar bini fis-sena 2000 u teżisti d-dokumentazzjoni. Din hija storja li bdiet ferm qabel l-2006 u r-residenti kienu dejjem attivi. In-nies joħorġu fit-triq meta jkun hemm proposta speċifika, bħal meta l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien ippropona ‘Business Park’, ewfemiżmu għal ‘qasam industrijali’. Kemm ilu li sar il-pjan lokali, bil-bini bla rażan u t-traffiku, l-ambjent naturali fi gżiritna kompla jitgħarraq, u ħafna Maltin ma jifilħux iżjed taparsi ‘żvilupp’ u bżar fl-għajnejn.

 

  1. Huwa fatt li ħadd ma jieħu gost bil-bini wara biebu. Għandkom f’moħħkom xi post alternattiv għal dan il-proġett?

 

Il-bini propost mhuwiex wara biebi. Huwa pjuttost ’il bogħod minn fejn noqgħod jien. Min-naħa l-oħra, kull bini bla bżonn f’Pembroke se jaffettwa lil kulħadd, lir-raħal kollu u lill-eluf ta’ nies li jżuru Pembroke minħabba l-faċilitajiet li joffri u l-kampanja li għandu. Hemm bżonn nibnu kull roqgħa art li fadlilna? Hemm bżonn neqirdu kull xitla, kull ħlejqa, kull farka mill-kampanja? Hemm bżonn l-art pubblika ssir kollha privata?

 

  1. Jekk ma jsirx dan l-iżvilupp, x’inhuma l-proposti tar-residenti għal din iż-żona? Temmnu li għandha ssir ODZ, biex taċċertaw li l-ebda proġett ma jsir fuq din l-art?

 

F’Pembroke m’għandux isir iktar bini bla bżonn. Irridu nipproteġu n-natura prezzjuża li fadal u dan is-sit għandu jidħol mal-bqija tax-xagħri li hu protett mir-regoli tan-Natura 2000: Dan huwa network Ewropew, l-ikbar wieħed fid-dinja, ta’ siti speċjali li fihom jitħarsu speċi u ambjenti naturali mhedda. Hemm postu.

 

  1. Lesti tiddiskutu mal-iskola sabiex jinstab kompromess? Jekk l-iskola taċċetta li tnaqqas id-daqs tal-proġett, tasal taċċetta l-bini ta’ din l-iskola?

 

Le. Għalina r-residenti u għall-kunsill lokali kollu li jirrappreżentana, din mhix kwistjoni ta’ kompromessi. Jew se nipproteġu dan ix-xagħri, jew se neqirduh f’isem ‘l-edukazzjoni’ (privata). Dan huwa patrimonju lokali u nazzjonali u ħadd m’għandu jagħmel kompromessi mal-ftit kampanja li fadlilna f’pajjiżna. Ħares lejn il-pjanta tal-proġett propost, fuq ix-xellug: qed tarah dak iċ-ċirku kbir “land for future expansion”? U sadattant dejjem jitwieldu inqas tfal.

 

  1. Lesti taċċettaw xi tip ta’ kumpens ambjentali jew xi tip ta’ kumpens ieħor, bħal roħs fil-miżati għal tfal minn Pembroke li jattendu l-iskola, użu pubbliku għar-residenti, tal-faċilitajiet tal-iskola bħal parkeġġ u faċilitajiet sportivi?

 

Kif taf, Pembroke diġà għandu 14-il skola, għadd ta’ kumplessi sportivi kbar, lukandi li jilqgħu eluf ta’ turisti fis-sena, impjant kbir tar-reverse osmosis, bażi tal-armata u tal-pulizija u wesgħat għat-taħriġ militari, miżbla antika fil-qrib, il-pjaga tat-traffiku staġnat f’Pembroke fl-agħar ħinijiet tal-ġurnata u fi Triq Sant’Andrija l-ħin kollu (il-kurutur li minnu jrid jgħaddi kollox)… Jekk għamlu l-homework tagħhom, l-iżviluppaturi suppost dan kollu jafuh.

 


 

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s