Il-Bini Li Qed Joħnoqna

James Scerri - Pembroke
Ritratt meħud minn James Scerri f’Pembroke

 

IMG_0527.JPG

 

Il-Bini Li Qed Joħnoqna

Adrian Grima

Il-bini bla rażan qed joħnoqna bl-istorbju, bit-tribien, bin-nuqqas ta’ arja u dawl, u bil-ġenn ta’ traffiku li qed jiġġenera.

Għax hemm limitu għal kollox. Anki għall-bini bla rażan. Mill-Indipendenza ’l hawn, bnejna fuq li bnejna, għax hekk kien hemm bżonn. Imma issa, kullimkien, ir-residenti qed jilmentaw li l-kwalità tal-ħajja tagħhom ħadet diksata. Li naqset l-arja, li naqas l-ispazju, li spiċċa l-kwiet.

Dan huwa mudell ta’ attaparsi ‘żvilupp’ li qed jordomna. Bejn l-iżvilupp bil-għaqal u bil-ħsieb u l-attaparsi “żvilupp” bla rażan, bla rispetti, ħafna drabi qed nagħżlu t-triq tal-bini kullimkien.

Nafu li dan il-mudell ta’ bini bla rażan qed jeqridna ftit ftit. Dan nafuh mill-allerġiji, mill-iffullar, mill-istress kontinwu, mill-ħin li naħlu weqfin fit-traffiku jew mexjin bil-pass ta’ nemla.

Irridu nagħżlu mudell ta’ żvilupp li filwaqt li jkompli jkattar ix-xogħol u l-ġid, ma jgħarrqilniex il-kwalità tal-ħajja tagħna u ma jispiċċax idur kontrina. Dan mhux il-qasam tiegħi u m’iniex se niżżattat. Imma naf li hemm modi kif tuża aħjar l-ispazji li diġà huma mibnijin jew jinsabu mitluqin. Jekk se nkomplu nordmu din il-gżira ċkejkna taħt il-ġebel u l-konkrit, se ngerrxu lil uliedna u lill-barranin li jżuruna biex jistrieħu jew jistudjaw f’pajjiżna.

Il-limiti ta’ dan il-mudell ta’ attaparsi ‘żvilupp’ qed jidhru wkoll fir-raħal ‘trankwill’ ta’ Pembroke. ‘Trankwill’ sa ċertu punt, għax diġà għandna s-sitwazzjoni assurda li f’nofs ta’ sajf iddum għomor sempliċiment biex toħroġ bil-karozza tiegħek minn ġo Pembroke. U tkun għadek lanqas dħalt fis-serbut bla nifs ta’ Triq Sant’Andrija.

14-il Skola f’Pembroke

Qabel konna naħsbu li fis-sajf, il-ħafna skejjel li għandna Pembroke, numru rekord għar-raħal ċkejken tagħna, jagħlqu. Imma wħud minnhom ma jagħlqu xejn, għax hemm l-iskola sajf u hemm l-iskejjel tal-Ingliż li jużaw il-ħafna binijiet li għandna fostna. Fis-sajf jiżdiedu l-karozzi wkoll li jgħaddu minn ġo Pembroke biex imorru Paceville, jew biex jevitaw il-ġenn ta’ Triq Sant’Andrija. Staqsu lil min jgħix jew iżur Pembroke regolarment: fis-sajf ħafna drabi jkollna l-istess ġenn u traffiku li jkollna fix-xitwa.

Mhux diffiċli biex tifhem it-traffiku li ħakem lil Pembroke f’dawn l-aħħar snin. Il-popolazzjoni tar-raħal ċkejken tagħna hija ta’ madwar 3,700 ruħ. Imma ta’ kuljum, sajf u xitwa, jidħlu f’Pembroke eluf ta’ Maltin u barranin. Għandna xejn inqas minn 14-il skola; magħhom għandna wkoll lukandi kbar; bandli u ġonna għall-pubbliku; parkeġġi; 4 kumplessi sportivi kbar; bajja żgħira li tiġbed lejha ħafna nies; kwartieri tal-iscouts u l-guides u ċentru reġjonali kbir tal-MUSEUM; xagħri li għandu l-protezzjoni skont ir-regoli tan-Natura 2000 u li jintuża minn ħafna nies għall-mixi jew attività fiżika oħra; impjant kbir tar-Reverse Osmosis; bażi tal-Forti Armati ta’ Malta u medda ta’ art u baħar fejn jitħarrġu fl-isparar; u miżbla antika bl-irwejjaħ tagħha dejjem fil-qrib.

U issa Chiswick House School, “a leading co-educational independent school” li joffru “stimulating and active learning experiences that arouse curiosity and fire the imagination”, iridu jibnu skola oħra f’Pembroke, fuq art pubblika mhux mittiefsa, jiġifieri fuq art li mhix tagħhom u li jrid ikun il-Parlament li jagħtihielhom f’isem il-poplu Malti. Skola primarja ta’ 900 tifel u tifla, maġenb l-iskola primarja pubblika ta’ Pembroke. Din l-istituzzjoni “edukattiva” trid tibni skola oħra, il-15-il waħda. U sadattant it-tfal f’Malta qed jonsqu kull sena, u wħud mill-iskejjel qed jiżvujtaw. Ma tridx tkun surmast mustaċċun jew għalliema prima biex tifhem li din il-loġika ma treġix.

14-il skola. Is-Sur Kevin Borg, Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, tani l-lista kollha: l-Istitut tal-Istudji tat-Turiżmu; Verdala International School, Merill Child Care, l-Iskola Primarja ta’ Pembroke, li tilqa’ studenti minn irħula oħrajn, bħas-Swieqi; l-Iskola Speċjali San Miguel; Sprachcaffe Language School; St Michael Junior School; St. Michael Kindergarten School; STC Higher Education u Middlesex University Malta; l-Iskola Nazzjonali tal-Isport; St Catherine’s High School, li għandha ċentru għat-tfal żgħar, skola primarja u skola sekondarja; l-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke; u ċ-Ċentru tax-Xjenza. 14 jew aktar, skont kif tgħoddhom.

Bini Għoli Ħafna u Arterja tat-Traffiku

Din ta’ Chiswick House School mhijiex l-unika “theddida” li qed niffaċċjaw, kif sejħilha s-sindku tagħna Dr Dean Hili. Hemm ukoll it-theddida kbira li jibdew jitwaqqgħu d-djar li għandna Pembroke biex flokhom jitilgħu blokki ta’ appartamenti ta’ ħames jew sitt sulari. Mhux diffiċli timmaġina l-konsegwenzi għal dejjem li jħalli dan it-taparsi ‘żvilupp’.

Pembroke ma jiflaħx għal dan it-tip ta’ bini bla rażan u l-ġenn li jġib miegħu. Jekk jibda jaqa’ l-bini u jibdew telgħin il-blokki, nispiċċaw mirdumin mill-gafef, l-istorbju kontinwu, it-trabijiet, u n-nuqqas ta’ arja. Minflok żona residenzjali trankwilla, Pembroke jsir infern kuljum is-sena kollha fit-bitħa ta’ wara ta’ Paceville. Ħafna minna r-residenti ma noġġezzjonawx għal tliet sulari, minflok tnejn, u appartament żgħir fuq il-bejt. Imma ma’ ħames u sitt sulari ma nistgħux naqblu għax tinbidel għalkollox il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll li ngħammru f’Pembroke jew inżuruh regolarment.

Il-perit u lettur fl-Università Dr Ruben Paul Borg jgħid li minħabba li Pembroke evolva minn raħal militari tas-servizzi Ingliżi f’żona aktarx residenzjali b’għadd ta’ bini storiku mifrux mal-lokalità kollha, l-ispazji f’Pembroke b’bini relattivament baxx għandhom jitħarsu sew. Bħalma l-Awtorità tal-Ippjanar għandha d-dmir tipproteġi “l-qalba storika” ta’ madwar il-Knisja parrokkjali fl-irħula l-oħrajn tagħna, għandha tipproteġi lil Pembroke minn żvilupp aggressiv, speċjalment bini ta’ ħames u sitt sulari li jgħarraq dawn l-ispazji.

Barra minn hekk, jekk jibda tiela’ l-bini għoli se jħarbat l-investiment kbir li sar minn għadd kbir ta’ familji f’Pembroke fil-pannelli li jsaħħnu l-ilma u jiġġeneraw l-elettriku b’mod nadif. Dan l-investiment sar bl-inkoraġġiment u l-għajnuna finanzjarja ta’ Gvern wara l-ieħor. Bi flus il-poplu Malti.

Ħafna residenti ta’ Pembroke joġġezzjonaw ukoll għall-bini ta’ arterja prinċipali f’Pembroke bejn l-iskola ta’ St Catherine’s u Paceville illi kieku tieħu post Triq il-Mediterran, li ħafna minna nqisuha bħala ġojjell. Is-soluzzjoni tal-problema tat-traffiku fi Triq Sant’Andrija mhijiex il-ħolqien ta’ traffiku ġdid f’Pembroke, fejn il-karozzi se jeħlu xorta għax ir-raħal tagħna huwa ċkejken u Paceville wkoll.

Ir-raħal tagħna, bl-arkitettura storika u fl-istess ħin moderna tiegħu, inbena bħala żona residenzjali. L-Awtorità tal-Ippjanar m’għandhiex tieħu deċiżjonijiet li jżidu t-traffiku kullimkien; m’għandhiex taċċetta proposti li jeqirdu aktar kampanja protetta biex tkabbar Triq il-Mediterran u teqridha darba għal dejjem b’aktar ġenn u traffiku. Irridu nsibu mod kif innaqqsu, mhux inżidu t-traffiku.

Protesta t-Tlieta

Nhar it-Tlieta 8 ta Awwissu fis-6.00pm, aħna li ma jaqblux mal-bini tal-iskola privata fuq art pubblika mhux mittiefsa se noħorġu nipprotestaw kontra din il-proposta. Imma ħafna minna se jkollna f’moħħna wkoll il-ħtieġa ta’ mudell ta’ żvilupp li ma jgħarraqx il-preżent jew il-futur ta’ Pembroke u ta’ pajjiżna inġenerali u fl-istess ħin ikompli jkattar ix-xogħol u l-ġid b’mod iktar kreattiv u sostenibbli.

 

Pembroke – It-30 ta’ Lulju 2017

 


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s