KULTANT TRID TGĦID GRAZZI B’MOD PUBBLIKU

L-aħbar li Dr Karsten Xuereb u Margerita Pulè tneħħew mill-pożizzjonijiet tagħhom fi ħdan il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħasditni. Ħasditni mhux biss għax Karsten huwa ħabib antik u ili naf lil Margerita s-snin, imma sempliċiment għax ma stennejthiex. Ma nafx għalfejn tneħħew u m’iniex se nispekula fuq x’ġara. Nista’ nitkellem biss dwar l-esperjenza personali tiegħi.

m
Margerita Pulè

Wara li rringrazzjajthom personalment, lil Karsten u lil Margerita nixtieq nirringrazzjahom pubblikament tax-xogħol impekkabbli li dejjem għamlu f’isem il-Fondazzjoni kull darba li kelli x’naqsam magħhom jien. Nirringrazzjahom talli minbarra l-professjonalità u l-ħiliet rari tagħhom bħala amministraturi kulturali, għandhom il-ħila rari li jisimgħu, li jirriflettu fuq dak li tkun qed tgħidilhom, li fejn jaqblu miegħek jgħidulek u fejn ma jaqblux jgħidulek ukoll. Bl-onestà u l-ġenwinità tipika tagħhom.

Dejjem ħassejt li Karsten u Margerita kienu ċari fid-direzzjoni li riedu jagħtu lill-proġett li konna nkunu qed niddiskutu, u qatt ma naf li ħassejt, imqar ftit, li ppruvaw jużaw il-pożizzjoni tagħhom biex jimponu ruħhom fuq diskussjoni jew joħonqu lil ħaddieħor. Dejjem kienu ċari u onesti miegħi fejn tidħol il-viżjoni u fejn jidħol ix-xogħol tal-Fondazzjoni. Naturalment mhux dejjem qbilna, jew mhux dejjem qbilna f’kollox, imma dejjem kienu umani ħafna fl-atteġġjament tagħhom. Tinduna x’nies tkun qed tagħmilha magħhom meta ma taqbilx. Dak huwa l-kejl. Nirringrazzjahom it-tnejn li qatt ma ħallew is-serjetà professjonali titfi l-kwalitajiet umani individwali tagħhom.

Meta kien ikolli laqgħa ma’ Margerita, kont immur bil-qalb għax kont naf li kienet se tkun laqgħa produttiva, laqgħa li fiha konna se nitkellmu dwar l-affarijiet importanti u konna se nieħdu d-deċiżjonijiet li kien ikun hemm bżonn, anki deċiżjonijiet diffiċli.

Karsten Xuereb
Karsten Xuereb

Jien u Karsten it-tnejn għandna passjoni kbira għall-Mediterran. It-tnejn li aħna nemmnu li minkejja d-diffikultajiet kollha, is-soċjetà ċivili, l-għaqdiet u l-komunitajiet fi ħdan ir-reġjun tagħna, kapaċi joħolqu spazju uman u kulturali komuni li fih jistgħu jiltaqgħu l-bnedmin biex jiddakkru minn xulxin.  It-tnejn li aħna nemmnu li bħala Maltin li niftaħru li ninsabu fil-qalba tal-Mediterran u f’salib it-toroq ġeografiku u storiku bejn kulturi, stejjer u ġrajja differenti, ma nistgħux ninjoraw il-Mediterran, ma nistgħux ninjoraw lill-ġirien tagħna. Għamilna ħafna ħin nitkellmu dwar it-teżi tiegħu tad-dottorat dwar il-politika kulturali, il-postkolonjaliżmu, u r-relazzjonijiet fil-Mediterran (“The Impact of European Influence on Cultural Relations in the South Mediterranean,” Universitat Rovira i Virgili, Tarragona, Spanja, 2012) u dan huwa wieħed mix-xogħlijiet li nirrakkomanda lill-istudenti tiegħi.

Barra minn hekk, nirringrazzja lil Margerita u lil Karsten li minkejja li anki huma għandhom il-ħajja personali tagħhom, dejjem għamlu mezz jattendu l-attivitajiet li saru bi sħab mal-Fondazzjoni. U meta ġew, dejjem apprezzaw ix-xogħol, dejjem semgħuna, dejjem inkoraġġewna, dejjem ħarġu bi kritika kostruttiva, dejjem għamlulna l-qalb.

Issa nixtieq nagħmlilkom il-qalb jien, Karsten u Margerita.

Adrian

Il-Ħadd 9 ta’ Lulju 2017

 


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s