Ritratti ta’ Giola Cassar




Inizjamed u d-Dipartiment tal-Malti fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea jistednuk għal konferenza dwar “Dimensjonijiet Ġodda fit-Traduzzjoni f’Malta” li se ssir nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Ottubru 2016 fil-Mużew Marittimu, ix-Xatt tal-Birgu, mis-6:00 sad-9:00 ta’ filgħaxija, bis-sehem ta’ kelliema Maltin u barranin. Id-dħul huwa b’xejn u kulħadd huwa mistieden.
It-taħditiet u d-diskussjoni mal-udjenza se jkunu bil-Malti u bl-Ingliż. Fl-aħħar ikun hemm ftit ikel u xorb biex tkompli d-diskussjoni informali.
Il-kelliema f’din il-konferenza se jkunu t-traduttriċi u komparatista Dr Fatima Sai mill-Italja; Dr Lonneke van der Plas, li tagħmel riċerka fuq magni li kapaċi jifhmu l-lingwa tal-bnedmin; Kenneth Grima, studjuż tat-traduzzjoni; Dr Helga Zahra, kap tad-Dipartiment tal-Malti tad-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea; il-Prof. Joseph Eynaud, kap tad-Dipartiment tal-Istudji tat-Traduzzjoni, Terminologija u Interpretar fl-Università ta’ Malta; il-poeta u traduttur Antoine Cassar; u t-traduttriċi u pubblikatriċi min-Norveġja u minn Malta, Kristina Quintano.
Il-Prof. Eynaud jiddeskrivi s-seklu wieħed u għoxrin bħala “s-seklu tat-traduzzjoni”. Fit-taħditiet tagħhom, is-seba’ kelliema se jkopru bosta oqsma marbutin mat-traduzzjoni li għaddejjin minn proċessi kontinwi ta’ żvilupp. Dr Fatima Sai se titkellem dwar “Translating Culture,” waqt li Antoine Cassar se jirrifletti fuq kif “Minn mappa għal mappa: It-traduzzjoni tkabbar il-gżejjer”. Tnejn mill-kelliema se jiffukaw fuq it-traduzzjoni letterarja, qasam li Inizjamed ilha taħdem fih sa minn meta twaqqfet fl-1998: Kristina Quintano se tagħmel taħdita dwar “Publishing Maltese Literature Abroad” u r-rwol ċentrali li għandha t-traduzzjoni, waqt li Kenneth Grima se jitkellem dwar “It-traduzzjoni letterarja f’qafas ta’ kontemporanjetà dejjiema”.
Il-Prof. Joseph Eynaud se jippreżenta r-riflessjonijiet tiegħu fuq “Il-futur tal-istudji tat-traduzzjoni f’Malta”, waqt li d-Dott. Helga Zahra se titkellem dwar “Id-Dipartiment tal-Malti tad-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni: fejn ninsabu u fejn sejrin.” Min-naħa l-oħra, fit-taħdita tagħha dwar “Machine translation, the future is now”, Dr Lonneke van der Plas se tiffoka fuq it-traduzzjoni li ssir permezz tal-magni, mezzi li fihom saru żviluppi mgħaġġlin f’dawn l-aħħar snin.
Din il-konferenza hija parti mill-inizjattiva #TranslatingEurope Workshops tal-Kummissjoni Ewropea. Dawk li jixtiequ aktar tagħrif jistgħu jiktbu lil DGT-VALLETTA@ec.europa.eu jew iċemplu fuq 234 25 102. Hemm ukoll paġna dwar il-Konferenza: Dimensjonijiet Ġodda fit-Traduzzjoni f’Malta fuq Facebook.
The Conference programme:
Tmexxi l-konferenza Claudine Borg / Chaired by Claudine Borg
• Dott Helga Zahra, Id-Dipartiment tal-Malti tad-DGT – fejn ninsabu u fejn sejrin
• Dr Lonneke van der Plas, Machine translation, the future is now
• Prof. Joseph Eynaud, Il-futur tal-istudji tat-traduzzjoni f’Malta
• Kenneth Grima, It-traduzzjoni letterarja f’qafas ta’ kontemporanjetà dejjiema
Pawża / break
• Kristina Quintano, Publishing Maltese Literature Abroad
• Antoine Cassar, Minn mappa għal mappa: It-traduzzjoni tkabbar il-gżejjer
• Dr Fatima Sai, Languages in Open Conflict
Preżentazzjoni ta’ Priscilla Cassar / Presenter: Priscilla Cassar