Bħala parti mill-Worldwide Reading imsejjaħ mill-Festival Internazzjonali tal-Letteratura ta’ Berlin b’solidarjetà mal-awtur Palestinjan Ashraf Fayadh, l-Inizjamed qed jorganizza serata ta’ qari u mużika (open mic) għand Il-Forn tal-Birgu, nhar l-Erbgħa 13 ta’ Jannar mit-8pm ‘il quddiem.
Ashraf Fayadh, poeta, artist u kuratur, ilu sentejn il-ħabs fl-Għarabja Sawdija, mixli b’apostażija u promozzjoni ta’ ateiżmu fil-poeżiji tiegħu. Fis-17 ta’ Novembru ġie kkundannat għall-mewt.
Biex tieħu sehem f’din is-serata b’qari u/jew mużika, ibgħat e-mail lil antoinecassar@gmail.com, jew ejja niżżel ismek fil-lista ftit qabel il-bidu tal-qari. Se jinqraw ukoll poeżiji ta’ Ashraf Fayadh stess, bl-Ingliż (trad. Mona Kareem) u bil-Malti.
L-inizjattiva tal-Festival Internazzjonali tal-Letteratura ta’ Berlin hija appoġġjata fost l-oħrajn mill-premji Nobel Herta Müller, Elfriede Jelinek, Orhan Pamuk u Wole Soyinka, kif ukoll minn Jennifer Clement, il-president ta’ PEN International.
#FreeAshrafFayadh
L-awturi li qraw kienu Jean Paul Borg, Antoine Cassar, Justin Fenech, Adrian Grima, Walid Nabhan, u Murat Shubert. L-attività ħa ħsiebha Antoine Cassar għal Inizjamed.

