WENS L-IRĦAMA

Fl-antoloġija tal-poeżiji ta’ Dun René Cilia li ħierġa għall-bejgħ fil-bidu ta’ Novembru 2014 hemm kumment tiegħi dwar il-poeżija u l-mewt. Silta minn dan il-kumment tidher hawn taħt.

qasir il-ghomor cover

Sentejn wara li Dun René Cilia ħalliena f’inċident nhar l-4 ta’ Novembru, il-qraba ta’ Dun René, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, se jkunu qed jippubblikaw Qasir il-Għomor, ġabra ta’ madwar 50 poeżija ta’ Dun René. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-poeżiji nkitbu fl-aħħar tliet snin ta’ ħajtu, jiġifieri bejn l-etajiet ta’ 24 u 27 sena. Żewġ poeżiji miktuba f’età ħafna iżgħar, meta l-poeta żagħżugħ kien għadu tifel fil-primarja, ġew inklużi fil-ġabra. Hemm ukoll għadd ta’ tpinġijiet u tħażżiżiet bil-kulur ta’ Dun René, li l-ispirtu tagħhom jikkumplimenta l-poeżiji stess.

Dun René, minn Ħal Qormi iżda li kien qed jaqdi dmirijietu ta’ saċerdot ġewwa ż-Żejtun, jibqa’ magħruf għall-entużjażmu tiegħu fil-ħidma pastorali mal-qraba, mal-ħbieb, u ma’ persuni oħra li ma kenux jafuh iżda ħtieġu l-għajnuna spiritwali u materjali. Minbarra l-ħidma tiegħu fl-oqsma taż-żgħażagħ u l-volontarjat, Dun René ħadem ħafna mal-persuni neqsin mis-smigħ, u kien attiv fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni diġitali. Kien ukoll attiv fi ċrieki kulturali.

Wara l-ewwel esperjenza tiegħu ta’ volontarjat ġewwa l-Etjopja mat-tfal morda bl-AIDS, kien qed jikkunsidra li jkollu esperjenzi oħra simili. L-impatt ta’ din l-esperjenza fuqu tidher anki fil-kitbiet tiegħu.

L-antoloġija fiha żewġ daħliet, waħda ta’ Dr Bernard Micallef, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, u oħra ta’ Sr Bernadette Gafà, iz-zija ta’ Dun René. L-ewwel daħla tippreżenta lil René bħala kittieb emerġenti, filwaqt li t-tieni tagħti ħjiel ġdid fuq il-ħajja personali tal-awtur.

Fl-aħħar tal-ġabra hemm ukoll għadd ta’ kitbiet ta’ natura kritika dwar il-poeżiji, imħejjija mill-Professuri Arnold Cassola u Oliver Friggieri, Dr Adrian Grima, u Dr Immanuel Mifsud, ilkoll letturi tad-Dipartiment tal-Malti. Magħhom qed jidher ukoll artiklu tas-Sur Kit Azzopardi, student tal-istess Dipartiment. L-edituri huma Dr Bernard Micallef u s-Sur Kit Azzopardi.

Il-ktieb jinsab għall-bejgħ il-Librerija Preca, il-Blata l-Bajda (2122 2626), u St Joseph School, il-Blata l-Bajda (2123 7936).

Silta mill-kumment tiegħi f’dan il-ktieb:

It-traġedja Griega kienet minn tal-ewwel li laqqgħet l-għarfien tal-kruha tal-ħajja tal-bnedmin dejjem miexja lejn il-mewt u l-ħolma ta’ dinja fejn jgħammru l-allat. Skont Nietzsche, il-Griegi tal-qedem kienu konxji sew mill-assurdità tal-eżistenza u setgħu jaraw il-proċess tant distruttiv, mimli krudeltajiet, tal-istorja universali (Dastur, Death 15). Il-konsolazzjoni kienu jsibuha mhux fl-idea ta’ dinja oħra wara l-mewt, jew fil-wiċċ mimli ħajja tal-allat, imma fil-gidba tal-arti. Hi biss kapaċi ssalva lill-persuna. Għax dak li joħolqu l-poeti mhu xejn għajr ix-xbieha tleqq li n-natura toffrilna bħala kura (jew duwa) wara li nkunu ħarisna fl-abbiss. Dak l-abbiss li fil-poeżija ta’ Dun Renè jidher, fost l-oħrajn, bħala l-“ħofra f’sidri” fejn ixxettlet it-tama, “ħofra sewda / b’qigħan mudlama” (“Ħamrija”), it-“Tegħma ta’ Mewt” li jtiegħem “Meta tiġba tùra w tisma’; / tiġba tippruva” (“Tegħma ta’ Mewt”), l-“Opri makabri,” il-“waħx” u l-“faħx” tad-Dlam qalil, tal-“kaos u t-tħarbix” (“Dlam”). Għax huwa l-għerf tal-bnedmin li jkiddhom, l-għarfien tagħhom tal-mortalità. L-eżistenza tal-bnedmin mhix għalkollox ħajja għax tmur kontra n-natura; hija ħajja li fiha hemm relazzjoni mill-qrib mad-dinja tal-mejtin (Dastur, Death 15).

Din il-preżenza determinanti tal-mewt tinħass sew fil-ħajja li tirrakkonta l-poeżija ta’ Dun Renè. Minflok “ir-risq tajjeb” li jfittex, hemm “finishing line” li “kull sekonda,” irid jew ma jridx, toqrob lejn il-poeta. Hija tellieqa li ma kienx hu li għażel li jieħu sehem fiha, u d-direzzjoni ġiet imposta fuqu wkoll (“Ħolm”).  Meta tasal dik il-linja dritta jieħu “nagħsa taħt munzell tajn” (“Ħolm”). L-inkontru mal-mortalità umana. Imma hemm mortalità oħra, dik li jitkellem fuqha l-protagonist tar-rumanz ta’ Julian Barnes, The Sense of an Ending: “You get towards the end of life – no, not life itself, but of something else: the end of all likelihood of change in that life” (149). In-nuqqas ta’ bidla huwa tmiem il-ħajja wkoll. U f’dak il-mument hemm it-tmiem fiżiku, jew it-tama fin-“nixtieq” tal-poeżija “Ħolm.”

Sadattant, jibda l-vjaġġ fil-mina, verżjoni aktar umana, aktar konsumabbli, tal-“abbiss,” tax-“xejn Wikkiel” (“Jannar”), mina ta’ mewt u “Ħolm” li “fit-tarf tagħha “jgħidu” li “nsib id-dawl.”

qasir il-ghomor - qoxra wara

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s