


Din hija l-ewwel strofa mill-ewwel poeżija li se naqra s-Sibt, “L-Abbiss fuq Ħuġbejk,” ispirata minn Albert Camus, “La création absurde,” u testi tal-PDM. Hemm frażijiet meħudin kelma kelma minn dawn ix-xogħlijiet. U tliet versi minn xogħol bikri tiegħi, “Sensiela,” li kont ippubblikajt f’It-Trumbettier (1999).
Tinżel in-nida fuq ħuġbejk.
Il-piż tagħha ħafif.
L-indifferenza luċida.
Imdendla bħal sikta,
bħal domanda,
bħal tensjoni sfuża.

It-tieni poeżija li se nippreżenta nhar is-Sibt fit-tnedija tal-album ta’ Plato’s Dream Machine hija “Mariposa,” kelma bl-Ispanjol li tfisser farfett u li fil-poeżija tinstema’ wkoll qisha isem… Ktibtha n-Nikaragwa u ridt ninfluwenza ruħi mill-poeżija intensa ta’ Ruben Dario. Qrajt il-poeżija tiegħu b’ħeġġa kbira, ġabra sħiħa tradotta għall-Ingliż imma bl-oriġinal bl-Ispanjol maġenb il-verżjoni Ingliża. Kont influwenzat ukoll, konxjament, mill-poeżiji li smajt waqt il-Festival Internacional de Poesía, Granada, Nicaragua li ħadt sehem fih. Din hija l-aħħar parti mill-poeżija “Mariposa,” Se nippreżentaha bil-mużika tal-PDM.
Nistenniek itħoll l-ilwien kull lewn kull togħma,
bit-taħbit tal-ġwienaħ tgħum fil-ħmuraroża.
Nistenniek ninħall f’għajnejk f’xufftejk fl-istorja.
–
Nistenniek issekwestrat f’ħaddejk maħsuda.
Fil-barka ta’ xufftejk,
fix-xemx,
fil-glorja.

It-tielet poeżijia li se naqra mal-PDM fil-kunċert ta’ għada ktibtha fl-2013 u ispirata minn Walid Nabhan, awtur u ħabib. Kienet waħda minn dawk il-konverżazzjonijiet li ma’ Walid dejjem tkun dwar l-istejjer individwali tagħna u dejjem tibda bil-metafori, tkompli bil-metafori u tispiċċa bil-metafori. Huma l-mod kif jaħseb, mhux sempliċiment kif jitkellem. Il-poeżija jisimha “Is-Sried Ixoqqna” u kellna diskussjoni pjuttost twila waqt il-provi mal-PDM dwar kemm għandu jkun hemm mużika fiha. Qbilna mill-ewwel fuq intervent ta’ Mark Zizza, id-drummer, u eventwalment daħlu mużiċisti oħrajn fiha. Naħseb li issa kuntenti ħafna bil-prodott finali.

Din hija strofa waħda mill-poeżija “Is-Sried Ixoqqna.” Hija poeżija li titkellem dwar il-mermorji li jitturmentawna, id-diżappunti li jibqgħu jqattgħuna minn ġewwa. Dawn huma l-fdalijiet tal-passat tagħna li jibqgħu preżenti, kultant iktar mill-preżent innifsu.
Għedtlek li dak li ttella’
jista’ jintuża bħala xhieda kontrik,
li l-provi tal-innoċenza tiegħek
isiru l-kap t’akkuża.
Għedtli li l-ħama mxarrba
la titla’ tibbies,
u qatt ma tista’ tniżżilha lura fil-qiegħ;
li mill-qiegħ ittella’ xfafar antiki
li jqattgħu il-laħam biċċiet,
li iktar ma tikber iktar inixxu demm il-ġrieħi,
li jibqgħu jtebbgħu,
li ma jkunu jridu jagħlqu b’xejn,
lanqas bix-xfafar misnunin tal-psikoterapisti.

Ir-raba’ u l-aħħar poeżija li se nippreżenta llejla ktibtha n-Nikaragwa u hija ispirata minn konverżazzjoni li kelli ma’ Diana, waħda mill-voluntiera tal-festival. Ridt inkun naf mingħandha għaliex il-poeżija hija tant popolari fin-Nikaragwa, għaliex tiġbed tant nies, minn kull qasam tas-soċjetà. Għalhekk hija poeżija dwar il-poeżija.
Fit-titlu tal-poeżija li se naqra llejla hemm it-tweġiba ta’ Diana, “Tkellimni dwar l-Imħabba u r-Rivoluzzjoni.” Jinstema’ qisu diskors minn epoka oħra, mis-snin sittin… imma fin-Nikaragwa l-poeti u l-poeżija kellhom sehem importanti, ċentrali, fir-rivoluzzjoni Sandinista li permezz tagħha ħelsu mill-ħakma brutali tad-dinastija tas-Somoza, rivoluzzjoni li fiha mietu eluf ta’ nies, fosthom kittieba.
Il-poeżija, għan-Nikaragweni, hija wkoll il-lingwa tal-imħabba, tal-ħsus u l-emozzjonijiet l-iktar profondi, li jagħtu sens lill-għajxien tagħna fid-dinja. Il-poeżija tagħhom hija impenjattiva, intelliġenti, imma anki lirika u sikwit passjonali.
Il-poeżija tiegħi “Tkellimni dwar l-Imħabba u r-Rivoluzzjoni” tipprova tagħti ħjiel ta’ dan kollu. U se nippreżentawha llejla b’żewġ vuċijiet, għax hija l-poeżija tal-inkontru.
Din hija strofa mill-parti ċentrali tal-poeżija (ambjentata f’kwartier residenzjali tal-belt Nikaragwena ta’ Granada):
U tkellimni dwar il-poeżija.
It-tfal jibqgħu għaddejjin
u l-klieb jibqgħu mitluqin għall-mewt
fiż-żiffa dgħajfa tal-bankina.
Tkellimni dwar il-poeżija.
In-nifs li jżomm kemm kemm
u jħarbat ir-rutina.
Il-qalb li tħebb għad-demm,
l-għajnejn maħsuda jleqqu lwien il-friefet.
Fl-aħħar mill-aħħar din hija poeżija dwar ir-relazzjoni tiegħi mal-poeżija, direzzjoni li tidher fl-aħħar parti u li torbot sew mal-lirika awtoriflessiva ta’ Robert Farrugia Flores fl-aħħar kanzunetta li se tindaqq illejla, “Kimera.” Robert jispiċċa bil-kliem, “Għal melodija ninsab bil-għatx.”

—-