Il-Filosofija u l-Erotiżmu ta’ Plato’s Dream Machine

Image
Plato’s Dream Machine fil-garaxx

Nhar is-Sibt, 26 ta’ April, fit-8.30pm, fit-teatru tal-MITP fil-bini tal-Università l-qadima, il-Belt Valletta, il-grupp mużikali Plato’s Dream Machine se jniedi l-album il-ġdid tiegħu bl-isem ta’ Għera, bi ħdax-il kanzunetta oriġinali bil-Malti.

Territorji Ġodda

Fit-tnedija se jieħu sehem ukoll il-poeta Adrian Grima, li se jaqra erba’ poeżiji relatati mat-temi tal-album. Robert Farrugia Flores, il-kantant u liriċista tal-grupp, u Adrian Grima, iltaqgħu regolarment fix-xhur ta’ qabel it-tnedija biex jaqsmu l-ideat tagħhom u jesploraw spazji fil-qafas tal-kunċett ewlieni tal-album.

Robert jemmen li “dan l-album se jgħin biex titwessa’ l-għalqa fejn jidħol l-użu tal-lingwa Maltija f’kuntesti differenti. Fil-kanzunetti tal-album hemm arranġamenti elettroniċi u daqq bi strumenti tradizzjonali tal-mużika rock u b’lirika bil-Malti. Din il-fużjoni hija waħda relattivament ġdida fix-xena Maltija.” L-album ġie rrekordjat fit-Temple Studios tal-Mistra mill-inġinier u produttur David Vella.

Bħala l-kantawtur tal-grupp u student tal-filosofija, Robert Farrugia Flores żewwaq it-tagħlim u l-qari personali tiegħu fuq is-suġġett tal-filosofija, l-arti, l-istorja, u l-poeżija. “Minn naħa, fil-ħsieb u t-temi li użajt matul dan l-album hemm varjetà ta’ elementi, mill-erotiżmu u l-imħabba, u l-postmoderniżmu u l-individwu, sar-reliġjon u x-xjenza. Min-naħa l-oħra hemm l-esperjenzi personali tiegħi fil-kuntest Malti kontemporanju. Jien inħossni li kelli bżonn nitbiegħed minn temiet li diġà ġew esplorati minn bosta kantawturi u poeti.”

“L-għan tiegħi f’dan il-proġett mużikali huwa li nesplora, billi nipprova negħleb it-tendenza romantika u nostalġika tal-folklor Malti u nipprova inħares b’lenti filosofika lejn il-qagħda postpostmodernista li għandha sehem kbir fit-tiswir tal-individwu tal-lum, kemm fuq livell subkonxju kif ukoll fuq livell konxju. Apparti minn din l-analiżi, dan l-album huwa wkoll id-dgħajsa personali tiegħi li biha stajt nimraħ f’ibħra ġodda u nesplora l-kuntest li fih jien nissawwar. Il-Malti ħassejt li huwa l-lingwa xierqa sabiex inwettaq dan il-vjaġġ.”

Bniedem Kwalunkwe, Flien

Fit-28 ta’ Marzu 2014, il-grupp ħareġ l-ewwel kanzunetta mill-album fil-pubbliku permezz ta’ video fuq Youtube maħdum minn Chris Mallia. Id-diska jisimha “Flien” u fiha elementi ċentrali għall-proġett kollu. Għal Robert l-album “huwa tfittxija personali għal xi ħaġa eterna, mhux materjali, mhux ta’ din id-dinja, xi ħaġa li tlifna mal-medda taż-żmien, xi ħaġa lil hinn mill-materjaliżmu li jiddomina f’ħajjitna. Dak il-flien perpless huwa kulmin jieqaf biex jaħseb u jinqata’ għal ftit mill-ġenn u jipprova jagħmel sens minn dan kollu.”

Fil-kumment tiegħu dwar “Flien,” Adrian Grima jgħid li “minflok rendikont prevedibbli u moralistiku tal-ġrajja tal-bnedmin, kif toffri ħafna mil-lirika tal-kultura dominanti,” Plato’s Dream Machine jipproponu “lirika dwar bniedem li hu konxju li jinsab fuq il-pont josserva l-ilma għaddej minn taħtu, minn taħt imnieħru tista’ tgħid: Il-ħajja għaddejja u hu josservaha bil-privileġġ tad-distanza kważi oġġettiva u bin-nuqqas ta’ ħila li jintervjeni, li jfassal ir-rotta tagħha.”

Il-bniedem komuni “huwa fidil, fis-sens ta’ inġenwu, sa ċertu punt biss, għax huwa konxju li s-setgħa tal-bnedmin fuq ħajjithom hija limitata ħafna. Hemm ħjiel ta’ Eraklitu fil-bniedem li josserva l-ilma għaddej, għax waqt li l-mument tiegħu huwa uniku, differenti minn dak kollu li ġie qabel u li ġej warajh, huwa wkoll mument li jinbela’ minn dak li ma jinbidilx. L-ilma huwa dejjem differenti. L-ilma huwa dejjem l-istess.”

Mużika, Kollaborazzjoni u Kliem

Il-mużika ta’ “Flien” inħadmet bejn Robert u Mark Abela, iz-Zizza, fis-sajf tal-2013, fil-garaxx tal-grupp fil-Marsa. Mark ħareġb’riff ġdid fuq il-kitarra u flimkien iddeċidew li jaqilbuh fuq il-keyboards b’time signature differenti u b’ħoss iżjed psikadeliku. Biex jaħdmuha aħjar, bdew idoqquha flimkien, b’Mark idoqq id-drums u Robert fuq il-keyboards. eventwalment, Robert kiteb parti ġdida fuq il-keyboards sabiex tingħaqad mal-kanzunetta.

Normalment Robert jikteb il-lirika waqt li jkun qed isawwar il-mużika imma fil-każ ta’ “Flien” kiteb il-kliem wara li nħadmet il-mużika. Però, biex jipprova jżomm l-istess metodu komdu għalih, il-kliem xorta kitbu huwa u jdoqq ir-riff prinċipali fuq keyboard sempliċi li għandu d-dar.Mark u Robert ħadmu fuq l-arranġamenti u ppreżentaw il-kanzunetta lill-kumplament tal-grupp sabiex jaddattaw l-istrumenti tagħhom fuqha. Francesco Sultana żied xi ħsejjes bil-klarinett u bena xi loops b’ħsejjes perkussivi, filwaqt li Justin Galea sab xi ħsejjes ġodda fuq il-keyboards u saħħaħ il-ħoss b’kordi iżjed mimlijin u kemxejn iżjed elaborati. Il-bassist tal-grupp sadak iż-żmien kien Daniel Cassar li ta kontribut importanti, speċjalment fil-parti taċ-ċapċipa, li ġiet b’konċidenza fl-istudio meta l-grupp sema’ l-parti ta’ Daniel fuq il-guide track għall-ewwel darba. Il-kanzunetta kompliet ħadet xejra iżjed eletronika u psikadelika meta komplew jaħdmu fuq iżjed layering fl-istudio flimkien ma’ David Vella, li ħa ħsieb il-produzzjoni, il-mixing u l-mastering tal-album kollu.

L-Album u t-Tnedija

Il-membri tal-grupp huma Robert Farrugia Flores (kitarra u vuċi), Mark Abela (drums), Justin Galea (keyboards), Francesco Sultana (klarinett u perkussjoni) u Samwel Grima (baxx).

pdm-tnedija-ghera

Dan il-proġett, li jinkludi l-produzzjoni tal-album u t-tnedija tiegħu, qed isir bl-għajnuna tal-Malta Arts Fund. Plato’s Dream Machine għandhom paġna fuq Facebook.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s