
Flien Perpless
Il-lirika ta’ “Flien,” bħal kanzunetti oħrajn fl-album il-ġdid Għera ta’ Plato’s Dream Machine, tinqeda bil-metafora konċettwali konvenzjonali tal-bniedem vjaġġatur fil-ħajja biex tirrifletti fuq il-qagħda tiegħu, imma dan tagħmlu b’mod li mhu konvenzjonali xejn.
Ara l-video tad-diska “Flien” hawnhekk
Għall-erwieħ
M’hemmx ritratti ċari. M’hemmx spjegazzjonijiet faċli. M’hemmx prietki u frażijiet prevedibbli. Hemm realtà għarwiena. Kumplessa. U rrakkontata mill-perspettiva tal-bniedem li jħossu “perpless,” “stramb,” “fidil” li mingħalih jista’ jwettaq il-ħolm tiegħu, li mingħalih jista’ jaqbad it-triq li jrid hu.
Huwa fidil, fis-sens ta’ inġenwu, sa ċertu punt biss, għax huwa konxju li s-setgħa tal-bnedmin fuq ħajjithom hija limitata ħafna. Hemm ħjiel ta’ Eraklitu fil-bniedem li josserva l-ilma għaddej, għax waqt li l-mument tiegħu huwa uniku, differenti minn dak kollu li ġie qabel u li ġej warajh, huwa wkoll mument li jinbela’ minn dak li ma jinbidilx. L-ilma huwa dejjem differenti. L-ilma huwa dejjem l-istess.
Kif ikantah Robert Farrugia Flores, il-vers “Wiċċek ileqq, wiċċek ileqq” jinstema’ donnu qed jgħid xi ħaġa bħal, “u ċeklem u ċeklem.” Almenu l-effett għalija huwa dak, effett li jirrifletti l-pass regolari kajman u rassenjat tal-bniedem fil-ħajja.
Is-Setgħa taż-Żmien
Fejn tidħol is-setgħa taż-żmien, fl-aħħar mill-aħħar, m’hemmx differenza bejn il-fqar u s-sinjuri, għax l-istorja tagħna ma tinsabx f’idejna. Aħna spettaturi quddiem l-ilma għaddej tal-ħajja. Aħna bnedmin b’dellna tqil, mhux f’postna, imqegħdin fid-dinja minkejja li m’aħniex f’postna, li l-preżenza tagħna hija temporanja, passaġġa, mislufa, konċessjoni mqanżħa, għidilha li trid.
Minkejja li l-“int” jinsab perpless daqs il-protagonista tal-poeżija, għax il-bnedmin kollha jgħixu l-esperjenza tal-ħajja bħala stramba, u huma konxji tal-ingombru tal-preżenza tagħhom fi spazju u f’waqt aljen għalihom, din il-kanzunetta u l-album Għera jissuġġerixxu li l-bniedem kapaċi ma jiddisprax għax almenu jista’ jaqsam l-esperjenza tiegħu tal-ħajja, medjokri kemm hi medjokri, ma’ ħaddieħor. U b’dan il-mod jagħti sensazzjoni u emozzjoni, u għalhekk raġuni, lill-istorja tiegħu.
L-innoċenza tal-bniedem ġġarrab l-intensità u t-tensjoni tal-ħajja. Hija bħall-ilma safi li jinbidel fi fwar. U għalhekk il-bniedem jagħmel għadd ta’ talbiet. Huwa bħal tallab li jitkarrab għal sens f’ħajtu: “ersaq qrib,” agħtini ċans,” u “jien hawn waħdi nistenniek.” It-talbiet tiegħu huma xhieda tal-innoċenza u tad-determinazzjoni tiegħu.
L-eżortazzjoni biex il-bnedmin ma jibżgħux minn dak li ma jafux tinstema’ qisha talba tal-bniedem lilu nnifsu, stqarrija ta’ sfida, qabelxejn lilu nnifsu. Għax il-biża’, il-perplessità huma reazzjonijiet istintivi. Ix-xewqa tiegħu hi li jkun “gladjatur ta’ kontra l-ħin,” biex jitqabad kontra l-ħakma tal-mument, il-ħakma taż-żmien fuqu u fuq il-bnedmin kollha, Hija x-xewqa biex ikollu l-appoġġ ta’ persuna oħra li kapaċi teħodha kontra l-eġemonija taż-żmien u l-jasar li jimponi fuq il-bnedmin.
Flien
Wieħed, it-tali. Bniedem kwalunkwe, hu min hu. Mill-Għarbi “flan” (fil-klassiku “fulan”): xi ħadd, bniedem mhux partikulari. Kif juri Juann Mamo fir-rumanz Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka (1930-31), “flien” tintuża kemm fis-singular kif ukoll fil-plural: “meta xi flien jitlaq għal pajjiż ieħor li fih ikun biħsiebu jgħammar” (kap XVI); “dawk il-flien ta’ dawn il-gżejjer” (“Xaqq Dawl mill-Musbieħ”). Imma tintuża wkoll bl-istess mod f’komunitajiet differenti f’Malta tas-seklu 21.
Il-ħoss ta’ din il-kelma huwa speċjali. Minkejja li m’għandhiex rabta semantika jew etimoloġika magħha, nassoċjaha mal-verb “fela,” “fliena,” imma nassoċjaha wkoll ma’ misteru, ma’ stramberija. U anki hawn, ma nafx għalfejn tqanqal fija dawn is-“sensazzjonijiet.” Forsi għax hija kelma li nafha imma mhix kelma li nuża.
Kieku dan kien album tiegħi kont insemmih “Flien,” anki sempliċiment minħabba l-ħoss tagħha. Imma mhux biss, għax dan huwa album dwar bniedem kwalunkwe (fis-singular) u dwar il-bnedmin kwalunkwe (fil-plural), sensiela ta’ rakkonti differenti ta’ bniedem fi vjaġġ wieħed tipiku tal-bnedmin u l-kundizzjoni mwiegħra u msaħħra tagħhom. Imma dan huwa wkoll album dwar flien għalkollox uniku, il-kixfa mqanqla tiegħu, l-għera tiegħu quddiem il-forza tal-istorja u r-rieda ħierġa minn ġo fih.
Lil Hinn
Dan ix-xogħol jagħmel parti mill-kultura mużikali alternattiva li nħolqot f’Malta bis-sehem ta’ ħafna individwi u gruppi fuq medda ta’ snin. Dawn il-proġetti dinamiċi qed juruna li hemm ħafna lok għal żvilupp u sperimentazzjoni u li t-triq, biex nuża t-tip ta’ klixè li huma jevitaw, hija miftuħa beraħ.
Adrian Grima
01.04.2014
—
One thought