
Nhar il-Ħamis, 12 ta’ Diċembru, fis-6:30pm se nieħu sehem f’kommemorazzjoni tal-poeta Marjanu Vella organizzata mill-Għaqda tal-Malti tal-Università bl-isem ta’ “Naħseb biex immur.”
Fl-għeluq il-25 sena mill-mewt ta’ Patri Marjanu Vella, l-Għaqda tal-Malti ħa torganizza taħdita fil-Biblijoteka Nazzjonali, il-Belt il-Valletta. Il-kelliema ħa jkunu Profs. Oliver Friggieri, Dr Adrian Grima, Dr Bernard Micallef, Patri Norbert Ellul Vincenti. Wara t-taħdita ħa jkun hemm riċeviment.
Dan l-avveniment jinsab fuq Facebook. https://www.facebook.com/events/676511839037742/?source=1
—
—
Ma’ Inizjamed kont mexxejt proġett fuq il-figura tal-gawwi f’Marjanu Vella li beda f’April tas-sena 2000.
http://www.inizjamed.org/shabagawwi1.htm
Ġwann-Marì Vella twieled Tas-Sliema fl-14 ta’ Diċembru, 1927 u miet fil-25 ta’ Frar, 1988. Studja l-Liċeo u s-seminarju tal-Frangiskani. Fl-1952 ġie ordnat patri u ħa l-isem ta’ Marjanu. Jingħad li fl-1941 beda jikteb bil-Malti u xandar għadd ta’ kotba ta’ proża u poeżija. Matul ħajtu ppubblika erba’ ġabriet ta’ poeżiji għall-kbar: Dgħajjes tal-Karti (1969), Ħitan tas-Sejjieġ (1975), Ġarġir mal-Ħerża (1979), u Qoffa Riħ(1985). Il-ġabra Demm fuq il-Verna (1989), imħejjija minn Patri Norbert Ellul-Vincenti OFM, ħarġet sena wara mewtu. Fis-sena 2000 Oliver Friggieri ħareġ antoloġija b’għażla mill-poeżiji ta’ Patri Marjanu Vella. Qatta’ aktar minn tletin sena minn ħajtu jagħmel xogħol pastorali fiż-żona f’Tas-Sliema fejn illum hemm triq imsemmija għalih u li qabel kienet magħrufa bħala Strada Rosa.
—