
Bdew ir-rikordings fuq Campus FM għal sensiela ġdida ta’ sbatax-il programm bl-isem ta’ Mamo l-Veru li fiha se nippreżenta t-taħditiet kollha li saru fil-Konferenza Juann Mamo ta’ Ottubru 2013. Din ġiet organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università bl-għajnuna tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Is-sensiela tibda tixxandar fl-aħħar ta’ Jannar 2014.
Flimkien ma’ għadd ta’ mistednin se nikkummentaw dwar it-taħditiet u noffru perspettivi fuq Mamo, il-kitba tiegħi u kwistjonijiet li jmorru lil hinn minn figura letterarja waħda.
Fl-ewwel programm nintervista lil Mario Cardona, uffiċjal għat-tagħlim tul il-ħajja li qed jagħmel dottorat mal-Università ta’ Edinburgh dwar l-edukazzjoni tal-adulti. Mario Cardona jikkummenta dwar il-punti li jqanqal il-Minstru Evarist Bartolo fid-diskors inawgurali tiegħu.
Fit-tieni programm jitkellem Mark Vella, Kap tal-Unità tat-traduzzjoni fil-Kummissjoni Ewropea fil-Lussemburgu u editur ta’ Ġrajja Maltija (KKM 2010) li ġabar in-novelli ta’ Mamo f’edizzjoni kritika. Mark Vella jirriflettu fuq it-tema tal-Konferenza Juann Mamo meħuda minn mistoqsija fir-rumanz ta’ Mamo: “Nistgħu ma niktbux il-Veru?” Din il-mistoqsija jikkummenta fuqha l-Prof. Joe Friggieri, Pro-Rettur tal-Università, fid-diskors inawgurali tiegħu.
Bdejna nirrekordjaw ukoll il-qari tal-Prof. Manwel Mifsud mir-rumanz Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka li se jinstema’ f’kull programm.
Il-mużika tal-ftuħ hija tal-grupp multietniku Taljan Mau Mau.
Ix-xogħol tekniku huwa f’idejn Samuel Attard ta’ Campus FM.
—