Nhar it-3 ta’ Ġunju 2013 ġemgħa sabiħa attendiet għal serata mużiko-letterarja fil-Palazz ta’ Sant’Anton imtellgħa mill-Uffiċċju tal-President, mid-Dipartiment tal-Malti, l-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda tal-Malti – Università f’għeluq il-50 sena mill-mewt ta’ Rużar Briffa.
Is-serata kommemorattiva, bit-tema Il-Ħolma tal-Poeta, saret taħt il-patroċinju distint tal-E.T. l-President ta’ Malta Dott. George Abela u ddrammatizzat tliet lejtmotifi ewlenin fi programm multidixxiplinarju li kien jinkludi diskorsi kritiċi, qari, kant u drammatizzazzjoni ta’ poeżiji.
Bijografija ta’ Rużar Briffa awdjoviżiva mħejjija mill-Uffiċċju tal-President fetħet is-serata u wara diskors minn Dr Bernard Micallef, Prof. Oliver Friggieri flimkien ma’ Dr Adrian Grima u Dr Immanuel Mifsud għamlu apprezzament letterarju fuq tliet temi preżenti tul il-poetika ta’ Briffa: il-ħarba taż-żmien, ix-xewqat mhux mitmuma u s-solitudni fis-sofferenza u fil-mard.
L-atturi Renato Dimech, Sean Buhagiar, Alison Abela u Rowena Gauci Davison taħt id-direzzjoni ta’ Josette Ciappara ddrammatizzaw xogħlijiet ta’ Briffa, fosthom Metamorfosis, Ħaġar Qim, Waħdi u Quo Vadis? Dr George Farrugia, Leanne Ellul u Marcel Zammit Marmarà qraw għażla ta’ poeżiji tal-poeta. Fil-programm ħadu sehem ukoll Doreen Galea, Ludwig Galea, Dorothy Bezzina u Joseph Aquilina li kantaw xogħlijiet ta’ Rużar Briffa mmużikati minn Dominic Galea.
Fi tmiem il-kommemorazzjoni, Mro Dominic Galea ppreżenta s-CD tiegħu “Karba” lill-President ta’ Malta.
Rużar Briffa, li fi żmienu kien magħruf bħala l-Poeta tas-Sbuħija, twieled fl-1906 u wara li studja u speċjalizza fil-mard tal-ġilda ħadem qalb il-morda bil-lebbra kemm f’Malta kif ukoll fl-Indja. Il-poeżija kienet għalih terapija u fix-xogħlijiet tiegħu nilmħu t-tabib sensittiv li josserva d-dinja mill-imwarrab, b’xewqa nostalġika għall-imgħoddi filwaqt li mġarrab bin-niket ta’ ħaddieħor.
Fl-1931 flimkien ma’ Ġużè Bonnici waqqaf l-Għaqda tal-Malti (Università) u f’Marzu ta’ dik is-sena ħarġu l-ewwel għadd ta’ Leħen il-Malti. Rużar Briffa miet nhar it-22 ta’ Frar 1963.
—